14.4.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 112/9
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-27 ta’ Frar 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Okresný súd vo Svidníku – is-Slovakkja) – Pohotovosť s.r.o. vs Miroslav Vašuta
(Kawża C-470/12) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kuntratt ta’ kreditu għall-konsum - Klawżoli inġusti - Direttiva 93/13/KEE - Eżekuzzjoni forzata ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ - Talba għal intervent f’proċedura ta’ eżekuzzjoni - Assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi - Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix tali intervent - Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri))
2014/C 112/10
Lingwa tal-kawża: is-Slovakk
Qorti tar-rinviju
Okresný súd vo Svidníku
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Pohotovosť s.r.o.
Konvenuta: Miroslav Vašuta
Fil-preżenza ta’: Združenie na ochranu občana spotrebiteľa HOOS
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari – Okresný súd vo Svidníku – Interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288) kif ukoll tal-Artikoli 38 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Kuntratt ta’ kreditu għall-konsumatur – Eżekuzzjoni forzata ta’ sentenza mogħtija b’arbitraġġ – Talba għal intervent ta’ assoċjazzjoni għad-difiża tad-drittijiet tal-konsumaturi fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprovdix il-possibbiltà ta’ intervent ta’ terzi – Possibbiltà għall-qorti nazzjonali li taċċetta tali intervent
Dispożittiv
Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, b’mod partikolari l-Artikoli 6, 7 u 8 ta’ din id-direttiva, moqrija flimkien mal-Artikoli 38 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li ma huwiex aċċettat l-intervent ta’ assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi insostenn ta’ konsumatur partikolari f’proċedura ta’ eżekuzzjoni, diretta kontra dan tal-aħħar, ta’ sentenza ta’ arbitraġġ definittiv.
(1) ĠU C 146, 16.02.2013
Full & Egal Universal Law Academy