15.2.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 45/14
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-12 ta’ Diċembru 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-High Court of Justice (Chancery Division) — Ir-Renju Unit) — Eli Lilly and Company Ltd vs Human Genome Sciences Inc
(Kawża C-493/12) (1)
(Prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem - Ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari - Regolament (KE) Nru 469/2009 - Artikolu 3 - Kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan iċ-ċertifikat - Kunċett ta’ “prodott kopert minn privattiva bażika fis-seħħ” - Kriterji - Kliem tat-talbiet tal-privattiva bażika - Preċiżjoni u speċifiċità - Definizzjoni funzjonali ta’ ingredjent attiv - Definizzjoni strutturali ta’ ingredjent attiv - Konvenzjoni dwar il-Privattivi Ewropej)
2014/C 45/24
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Qorti tar-rinviju
High Court of Justice (Chancery Division)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Eli Lilly and Company Ltd
Konvenuta: Human Genome Sciences Inc
Suġġett
Interpretazzjoni tal-Artikolu 3(a) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 469/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Mejju 2009, dwar iċ-ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari għal prodotti mediċinali (ĠU L 152, p. 1) — Kundizzjonijiet għall-għoti ta’ ċertifikat — Kunċett ta’ “prodott protett minn privattiva bażika fis-seħħ” — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Applikazzjoni tal-kriterji għall-prodotti li ma jikkonsistux f’taħlita ta’ prodotti mediċinali u mezzi mediċi?
Dispożittiv
L-Artikolu 3(a) tar-Regolament (KE) Nru 469/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Mejju 2009, dwar iċ-ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari għal prodotti mediċinali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, biex wieħed ikun jista’ jikkunsidra li ingredjent attiv huwa “protett minn privattiva bażika fis-seħħ” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma huwiex neċessarju li ingredjent attiv jissemma fit-talbiet ta’ din il-privattiva permezz ta’ formula strutturali. Meta dan l-ingredjent attiv huwa kopert minn formula funzjonali li tidher f’dawn it-talbiet għal privattiva mogħtija mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, l-Artikolu 3(a) ma jipprekludix, fil-prinċipju, l-għoti ta’ ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari għal dan l-ingredjent attiv, bil-kundizzjoni madankollu li, fuq il-bażi ta’ dawn it-talbiet, interpretati b’mod partikolari fid-dawl tad-deskrizzjoni tal-invenzjoni, kif ukoll jippreskrivu l-Artikolu 69 tal-Konvenzjoni dwar il-Privattivi Ewropej u l-Protokoll dwar l-Interpretazzjoni ta’ dan tal-aħħar, huwa possibbli li jiġi konkluż li dawn it-talbiet kienu intiżi, impliċitament iżda neċessarjament, għall-ingredjent inkwistjoni, u dan b’mod speċifiku, liema fatt huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.
(1) ĠU C 9, 12.01.2013.
Full & Egal Universal Law Academy