28.4.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 129/5
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tas-6 ta’ Marzu 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Commissione tributaria provinciale Genova – l-Italja) – Dresser Rand SA vs Agenzia delle Entrate Direzione Provinciale Ufficio Controlli
(Kawżi Magħquda C-606/12 u C-607/12) (1)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Tassazzjoni - VAT - Direttiva 2006/112/KE - Artikolu 17(2)(f) - Kundizzjoni li tikkonċerna l-ispedizzjoni mill-ġdid ta’ oġġett lejn l-Istat Membru minn fejn kien inizjalment mibgħut jew ittrasportat)
2014/C 129/06
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Qorti tar-rinviju
Commissione tributaria provinciale Genova
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Dresser Rand SA
Konvenut: Agenzia delle Entrate Direzione Provinciale Ufficio Controlli
Suġġett
Talbiet għal deċiżjoni preliminari – Commissione tributaria provinciale di Genova – Interpretazzjoni tal-Artikolu 17(2)(f) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1) – Trasferiment lejn Stat Membru ieħor – Kunċett ta’ xogħlijiet li jikkonċernaw l-oġġett – Attività ta’ verifika tal-adattabbiltà għal oġġetti oħra – Kundizzjoni tal-ispedizzjoni mill-ġdid tal-oġġett lejn l-Istat Membru li minnu kien ġie inizjalment spedit jew ittrasportat – Possibbiltà li l-ispedizzjoni tiġi kkunsidrata bħala trasferiment lejn Stat Membru ieħor fil-każ ta’ spedizzjoni lejn Stat Membru differenti minn dak ta’ tluq
Dispożittiv
L-Artikolu 17(2)(f) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex l-ispedizzjoni jew it-trasport ta’ oġġett ma jiġux ikklassifikati bħala trasferiment lejn Stat Membru ieħor, dan l-oġġett, wara li jkunu saru x-xogħlijiet fuqu fl-Istat Membru tal-wasla tal-ispedizzjoni jew tat-trasport tal-imsemmi oġġett, għandu neċessarjament jintbagħat mill-ġdid lill-persuna taxxabbli fl-Istat Membru minn fejn kien inizjalment mibgħut jew ittrasportat.
(1) ĠU C 101, 06.04.2013
Full & Egal Universal Law Academy