KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fit-30 ta’ Mejju 2013 ( 1 )
Kawża C‑50/12 P
Kendrion NV
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Appell — Kompetizzjoni — Akkordju — Suq tal-boroż tal-plastik industrijali — Multi — Ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq fi żmien raġjonevoli mill-Qorti Ġenerali”
Prefazju
1.
Fis-16 ta’ Novembru 2011, il-Qorti Ġenerali tat tliet sentenzi separati ( 2 ) li fihom hija ċaħdet rikorsi separati għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ COMP/38354-Boroż Industrijali ( 3 ). F’dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li kien hemm ksur serju u li dam, ta’ dak li f’dak iż-żmien kien l-Artikolu 81 KE (illum l-Artikolu 101 TFUE); u imponiet multi kbar fuq numru ta’ kumpanniji sussidjarji u l-kumpanniji parent tagħhom. Dan huwa wieħed minn dawk l-appelli mis-sentenzi tal-Qorti Ġenerali ( 4 ).
2.
Apparti li jqajmu kwistjonijiet ġodda tad-dritt ta’ kompetizzjoni, dawn l-appelli fihom ilmenti fis-sens li l-Qorti Ġenerali naqset milli tiddeċiedi fi żmien raġjonevoli r-rikorsi ppreżentati quddiemha. Għal din ir-raġuni, huwa ċar li din il-Qorti għandha tipprova tiddeċiedi dawn l-appelli malajr. Biex tissodisfa dan ir-rekwiżit filwaqt li tirrispetta l-bżonn li jitħalla biżżejjed żmien għat-traduzzjoni, qsamt il-kwistjonijiet li ser nittratta fit-tliet konklużjonijiet bil-mod kif ġej.
3.
Id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi importanti, flimkien ma’ deskrizzjoni tal-akkordju, il-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni u l-multi li ġew imposti, jinsabu fil-punti 6 sa 34 tal-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża Gascogne Sack Deutschland ( 5 ). Peress li f’kull appell jiġu trattati punti xi ftit differenti fir-rigward taċ-ċirkustanzi li fihom il-kumpanniji parent huma, jew ma humiex, responsabbli għall-azzjonijiet tal-kumpanniji sussidjarji li huma miżmuma 100 % minnhom, din il-kwistjoni ser tiġi diskussa fit-tliet konklużjonijiet. L-analiżi tiegħi tal-kwistjonijiet li jirriżultaw mill-ilment li l-Qorti Ġenerali naqset milli tiddeċiedi fi żmien raġjonevoli (b’mod partikolari, il-kriterji biex jiġi stabbilit jekk kienx hemm dewmien eċċessiv u r-rimedji possibbli li jistgħu jingħataw jekk ikun ġara dan) tinsab fil-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża Groupe Gascogne, fil-punti 70 sa 150 ( 6 ). Naturalment, l-eżami tal-aggravji dettaljati mressqa minn kull appellant fir-rigward ta’ (pereżempju) s-suffiċjenza tal-motivazzjoni mogħtija fis-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tinsab fil-konklużjonijiet rispettivi li jirrigwardaw kull appell ( 7 ).
Introduzzjoni
4.
Kendrion NV (iktar ’il quddiem “Kendrion”) u l-ex sussidjarja tagħha Fardem Packaging BV (iktar ’il quddiem “Fardem”) huma 2 minn 25 impriża li huma destinatarji tad-deċiżjoni. Kendrion (li f’dak iż-żmien kienet magħrufa bħala Schuttersveld) akkwistat lil Fardem fit-8 ta’ Ġunju 1995, fejn akkwistat 100 % mill-kapital azzjonarju ta’ Fardem. Fl-2003, Fardem ħarġet mill-grupp Kendrion meta nxtrat mill-impjegati ta’ Fardem.
5.
Fardem ammettiet li pparteċipat fl-akkordju. Kendrion ċaħdet li eżerċitat influwenza deċiżiva jew kontroll fuq l-aġir ta’ Fardem. Il-Kummissjoni ma aċċettatx l-argumenti ta’ Kendrion. Il-Kummissjoni kkonstatat li Kendrion kienet responsabbli in solidum mit-8 ta’ Ġunju 1995 sas-26 ta’ Ġunju 2002 għall-attivitajiet tas-sussidjarja tagħha.
6.
Il-kwistjoni mqajma f’dan l-appell tikkonċerna l-kunċett ta’ impriża għall-finijiet tar-regoli tal-kompetizzjoni u speċifikament il-prinċipju li l-kumpanniji parent huma responsabbli għall-ksur imwettaq mis-sussidjarji miżmuma minnhom 100 % ( 8 ). L-identità tal-impriża għandha konsegwenzi importanti għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi imposti, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ (iktar ’il quddiem il-“limitu ta’ 10 %”) stabbilit fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 ( 9 ). L-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni twassal għal kwistjonijiet diffiċli meta l-impriża li wettqet il-ksur ma tkunx teżisti fl-istess forma fil-mument meta l-limitu massimu tal-multa jiġi kkalkolat.
7.
Tqajmet ukoll il-kwistjoni dwar jekk kienx hemm dewmien inġustifikat fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.
Id-deċiżjoni
Introduzzjoni
8.
Jeħtieġ li tiġi ddefinita l-impriża miżmuma responsabbli għal ksur tal-Artikolu 101 TFUE billi tiġi identifikata persuna ġuridika waħda jew iktar li jirrappreżentaw l-impriża inkwistjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-aġir ta’ kumpannija sussidjarja jista’ jiġi attribwit lill-kumpannija parent tagħha, b’mod partikolari meta s-sussidjarja ma tiddecidix b’mod indipendenti l-politika kummerċjali tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kumpannija parent u s-sussidjarja jikkostitwixxu impriża waħda għall-finijiet tal-Artikolu 101 TFUE. Il-Kummissjoni tista’ tindirizza deċiżjoni li timponi l-multi lil kumpannija parent mingħajr ma jkollha tistabbilixxi l-involviment individwali fil-ksur. Meta kumpannija parent tkun proprjetarja ta’ 100 % mill-kapital azzjonarju, ikun hemm mil-preżunzjoni li hija tista’ teżerċita influwenza deċiżiva fuq is-sussidjarja tagħha u hemm preżunzjoni konfutabbli li hija, fil-fatt, teżerċita tali influwenza (iktar ’il quddiem il-“preżunzjoni tal-influwenza deċiżiva”).
L-identifikazzjoni tal-impriża
9.
Fil-premessi 577 sa 583 tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni semmiet il-prinċipji li hija applikat biex identifikat id-destinatarji tad-deċiżjoni. Wara li fakkret il-preżunzjonijiet li għadni kif iddeskrivejt, il-Kummissjoni spjegat fil-premessa 582 li meta impriża tikser l-Artikolu 101 TFUE u sussegwentement tbigħ is-sussidjarja tagħha li, fil-fatt, tkun ipparteċipat fil-prattiki antikompetittivi u hija tirtira mis-suq ikkonċernat, dik li preċedentement kienet il-kumpannija parent madankollu tkompli tibqa’ responsabbli għall-ksur inkwistjoni ( 10 ).
10.
Il-premessa 584 tipprovdi li l-Kummissjoni applikat dan l-approċċ każ b’każ għal kull impriża kkonċernata fl-akkordju. B’dan il-mod, hija għamlet distinzjoni bejn il-kumpanniji parent li l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur kienet ċara u l-kumpanniji parent li kienu destinatarji tad-deċiżjoni minħabba li huma kienu kkunsidrati li huma responsabbli in solidum għall-aġir antikompetittiv tas-sussidjarji tagħhom.
Il-multi
11.
Id-deċiżjoni ffissat l-ammont inizjali tal-multa ta’ Fardem f’EUR 20 miljun ( 11 ). Il-Kummissjoni żidietu b’perċentwali ta’ 200 % li twassal għaċ-ċifra ta’ EUR 40 miljun, li tirrifletti l-perijodu estiż ta’ 20 sena u 5 xhur mis-(6 ta’ Jannar 1982 sas-26 ta’ Ġunju 2002) li matulu Fardem ipparteċipat fl-akkordju, li ġġerena ċifra ta’ EUR 40 miljun. Meta miżjuda mal-EUR 20 miljun inizjali, irriżultat f’total ta’ EUR 60 miljun ( 12 ).
12.
Il-premessa 782 imbagħad tipprovdi:
“Għal diversi kumpanniji miżmuma responsabbli fil-kapaċità tagħhom ta’ kumpanniji parent, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tnaqqis fid-dewmien tar-responsabbiltà tagħhom …:
—
Kendrion N.V. (fir-rigward tal-ippakkjar Fardem): mit-8 ta’ Ġunju 1995 sas-26 ta’ Ġunju 2002, jiġifieri perijodu ta’ 7 snin;
…”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
13.
Id-deċiżjoni ma tgħidx espressament x’kien l-ammont inizjali tal-multa ta’ Kendrion. Madankollu, huwa impliċitu li l-ammont kien EUR 20 miljun (l-ammont inizjali ta’ Fardem) u li dak l-ammont inizjali kien attribwit lil Kendrion abbażi tar-responsabbiltà in solidum tal-multa ta’ Fardem ( 13 ). Il-Kummissjoni imbagħad applikat żieda ta’ perċentwal ta’ 70 % fuq l-EUR 20 miljun li tirrifletti s-seba’ snin li matluhom Kendrion kienet proprjetarja ta’ Fardem, li ġġenerat EUR 14 miljun ( 14 ). Meta miżjuda mal-EUR 20 miljun inizjali, din twassal għal EUR 34 miljun, il-multa li kienet imposta fuq Kendrion ( 15 ).
14.
Il-premessi segwenti fid-deċiżjoni spjegaw sussegwentement kif kien applikat il-limitu ta’ 10 % stabbilit fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003: ( 16 )
“814
Għal dak li jirrigwarda l-limitu ta’ 10 %, jekk ‘diversi destinatarji jikkostitwixxu l-‘impriża’, jiġifieri l-entità ekonomika responsabbli għall-ksur ippenalizzat, anki fid-data ta’ meta tiġi adottata d-deċiżjoni […] il-limitu jista’ jiġi kkalkolat abbażi tad-dħul mill-bejgħ dinji ta’ dik l-impriża, jiġifieri tal-partijiet kostitwenti kollha meħudin flimkien. Min-naħa l-oħra, jekk sussegwentement dik l-unità ekonomika tinkiser, kull destinatarju tad-deċiżjoni jkun intitolat li l-limitu jiġi applikat lilu b’mod individwali.”
820
Fardem Packaging BV ħarġet mill-grupp Kendrion, li kien jifforma l-entità ekonomika responsabbli għall-ksur, fl-2003. Għaldaqstant, id-dħul mill-bejgħ dinji ta’ Fardem Packaging BV għandu jittieħed bħala l-bażi biex jiġi kkalkolat il-limitu tal-multa imposta lil Fardem Packaging BV. Id-dħul mill-bejgħ dinji ta’ Fardem Packaging BV fl-2004, l-aħħar sena sħiħa qabel din id-deċiżjoni, kien EUR 22 036 136. Għaldaqstant, il-multa imposta lil Fardem Packaging BV ma għandhiex taqbeż l-EUR 2.20 miljun”.
Għaliex id-dħul mill-bejgħ dinji ta’ Kendrion kien iktar minn figura li kienet teħtieġ li l-multa tagħha tiġi limitata, ma kienx hemm tnaqqis fil-multa tagħha, li b’hekk baqgħet EUR 34 miljun.
15.
Il-premessa 879 tad-deċiżjoni tipprovdi li:
“Bħala konklużjoni, il-multi li għandhom jiġu imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 għandhom ikunu kif ġej:
[...]
Kendrion N.V. EUR 34 miljun. Minn dan l-ammont Fardem Packaging B.V. hija responsabbli in solidum għas-somma ta’ EUR 2.20 miljun;
[...]”
16.
Fl-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni, il-multi li ġew imposti huma; “Kendrion N.V. EUR 34 miljun. Minn dan l-ammont Fardem B.V. Packaging għandha tkun responsabbli in solidum għas-somma ta’ EUR 2.20 miljun”.
Sunt tas-sentenza appellata
17.
Fl-ewwel istanza ( 17 ), Kendrion talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex:
—
tannulla d-deċiżjoni indirizzata lilha, kollha jew in parti;
—
tannulla jew tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqha;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri.
18.
Waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, Kendrion ressqet l-argument li t-tul tal-proċeduri kien eċċessiv. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-argument bħala ineffettiv. Hija kkunsidrat li l-ġurisdizzjoni tagħha tkopri biss id-deċiżjoni, li għandha tiġi kkunsidrata fid-dawl tal-fatti u ċirkustanzi li kellha quddiemha l-Kummissjoni fid-data ta’ meta ġiet adottata. Hija ddeċidiet li t-tul tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali ma kellu ebda effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni.
19.
Fl-ewwel argument tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, Kendrion sostniet li d-dispożittiv tad-deċiżjoni kienet inkonsistenti mar-raġunijiet tagħha, u dan bi ksur tal-Artikoli 101 u 296 TFUE ( 18 ) u mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Permezz tat-tieni argument tagħha, Kendrion sostniet li l-Kummissjoni kienet żbaljat meta identifikat lilha u lil Fardem bħala entità ekonomika waħda. Fit-tielet argument tagħha, Kendrion sostniet li l-Kummissjoni kienet kisret ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt, bħalma huwa l-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament u l-obbligu li tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti fid-deċiżjoni tagħha, meta żammet lil Kendrion responsabbli għal ksur li twettaq mis-sussidjarja tagħha, Fardem, li hija proprjetà tagħha 100 %.
20.
Ir-raba’ sat-tmien argument kienu jikkonċernaw il-multa. Bir-raba’ argument tagħha, Kendrion sostniet li l-multa imposta lilha fid-deċiżjoni ma għandhiex tkun ogħla minn dik imposta lil Fardem. Fil-ħames argument, Kendrion sostniet li hija ġiet ittrattata b’mod differenti minn kumpanniji parent oħra li nżammu responsabbli in solidum għall-ksur imwettaq mis-sussidjarji tagħhom u li l-Kummissjoni kienet kisret, għaldaqstant, il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament.
21.
Għal dak li jirrigwarda s-sitt argument, Kendrion ressqet żewġ argumenti. L-ewwel nett, hija argumentat li l-impożizzjoni ta’ multa ta’ EUR 60 miljun lil Fardem kienet inkonsistenti mal-prinċipji ġenerali tad-dritt: inter alia, tali multa kienet sproporzjonata fid-dawl tal-fatt li d-dħul mill-bejgħ ta’ Fardem kien ta’ EUR 20 miljun u d-deċiżjoni ma kellhiex motivazzjoni suffiċjenti. It-tieni nett, kieku l-multa imposta lil Fardem kellha titnaqqas b’riżultat tal-proċeduri fil-Kawża T‑51/06 ( 19 ) (li biha l-kumpannija kienet ikkontestat id-deċiżjoni), isegwi li għandu jitnaqqas ukoll l-ammont inizjali tal-multa ta’ Kendrion.
22.
Permezz tas-seba’ argument tagħha, Kendrion ressqet numru ta’ argumenti fejn sostniet li ma kien hemm ebda preċedent fejn ġiet imposta multa fuq kumpannija parent li ma kinitx hija stess involuta fil-ksur. Fit-tmien argument tagħha, Kendrion sostniet li l-Kummissjoni kienet kisret il-Linji Gwida tal-1998 tagħha stess ( 20 ).
23.
Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ Kendrion fl-intier tiegħu.
L-aggravji tal-appell
24.
Kendrion ressqet erba’ aggravji, li jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.
25.
L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-Kummissjoni kienet ipprovdiet motivazzjoni suffiċjenti li tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li timponi multa lil Kendrion li hija ogħla mill-multa imposta lill-Fardem, li hija ex sussidjarja ta’ Kendrion.
26.
It-tieni nett, fid-determinazzjoni dwar jekk Kendrion kellhiex tinżamm responsabbli in solidum għall-multa imposta lil Fardem, il-Qorti Ġenerali (i) wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli teżamina l-elementi prinċipali tal-provi, (ii) wettqet żbalji proċedurali, b’mod partikolari fir-rigward tad-distribuzzjoni tal-oneru tal-prova u (iii) manifestament fehmet ħażin il-fatti u evalwat il-provi b’mod żbaljat. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti għall-konstatazzjonijiet tagħha u ma indirizzatx b’mod suffiċjenti l-argumenti li kienet ressqet Kendrion.
27.
It-tielet aggravju ta’ Kendrion huwa magħmul minn tliet partijiet. L-ewwel nett, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li Kendrion, għalkemm ma kinitx involuta hija stess fil-ksur, kellha tkun suġġetta għal multa ogħla minn dik imposta fuq l-ex sussidjarja tagħha. It-tieni nett, b’din il-konstatazzjoni, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, peress li Kendrion hija l-unika kumpannija parent li kienet destinatarja tad-deċiżjoni li hija suġġetta għal multa ogħla minn dik imposta lis-sussidjarja tagħha. It-tielet nett, il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija kontradittorja u mhux adegwata sa fejn sabet lil Kendrion responsabbli in solidum għall-multa imposta lil Fardem. Dik il-multa tikkorrispondi għal EUR 2.2 miljun. Madankollu, il-Kummissjoni imponiet multa lil Kendrion ta’ EUR 34 miljun.
28.
Permezz tar-raba’ aggravju, Kendrion sostniet li l-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod żbaljat bħala “ineffettiv” l-argument imqajjem minnha li l-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali kienu ħadu wisq fit-tul. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali donnha tqis li hija ma għandhiex kompetenza sabiex tiddeċiedi fuq irregolaritajiet fil-proċedura quddiemha stess. Barra minn hekk, anki li kieku l-Qorti Ġenerali ma hijiex kompetenti hija nnifisha sabiex tnaqqas il-multa minħabba t-tul eċċessiv tal-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja hija f’kull każ obbligata li tiddeċiedi dan il-punt essenzjali għaċ-ċertezza legali u li minnu tislet il-konklużjonijiet xierqa.
29.
Permezz tat-tieni aggravju Kendrion tilmenta essenzjalment li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li hija u Fardem kienu jikkostitwixxu impriża għall-finijiet tal-Artikolu 101 TFUE. Jekk jintlaqa’ l-appell ta’ Kendrion fuq dan l-aggravju, allura jsegwi li l-punti mressqa insostenn tal-ewwel u t-tielet aggravju tal-appell (dwar il-multa imposta) ikollhom jintlaqgħu bilfors. Għaldaqstant, jien ser neżamina qabel xejn it-tieni aggravju ta’ Kendrion.
It-tieni aggravju ta’ Kendrion: l-identità tal-impriża għall-finijiet tal-Artikolu 101 TFUE
Sunt tal-argumenti
L-appell ta’ Kendrion
30.
Kendrion tressaq ħames punti prinċipali insostenn tal-argument ġenerali tagħha li hija ma kinitx tifforma impriża waħda ma’ Fardem.
31.
Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji proċedurali u żball ta’ liġi meta kkonstatat li Kendrion kienet responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta lil Fardem, peress li hija naqset milli teżamina l-provi kollha. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali manifestament interpretat il-fatti b’mod żbaljat, u fejn ġew eżaminati l-provi, dawn ġew evalwati b’mod żbaljat. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma pprovdietx motivazzjoni suffiċjenti għall-konstatazzjonijiet tagħha u ma eżaminatx l-argumenti ta’ Kendrion b’mod suffiċjenti.
32.
Fit-tieni lok, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat li l-oneru tal-prova kien fuq Kendrion biex tirribatti l-fatturi addizzjonali li jindikaw li hija kienet eżerċitat influwenza deċiżiva fuq il-politika kummerċjali ta’ Fardem. Min-naħa l-oħra, kienet il-Kummissjoni li kellha turi li (i) fil-fatt kienu jeżistu l-fatturi addizzjonali u (ii) li dawn kienu juru li Kendrion eżerċitat influwenza deċiżiva.
33.
Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddikjarat li Kendrion kienet naqset milli tirribatti xi wieħed mill-erba’ fatturi addizzjonali msemmija mill-Kummissjoni biex turi li Kendrion kienet effettivament eżerċitat influwenza deċiżiva fuq il-politika kummerċjali ta’ Fardem.
34.
Fir-raba’ lok, il-kwistjoni preżenti hija unika, inkwantu kumpannija parent li ma kinitx involuta fil-prattiki antikompetittivi ġiet imposta fuqha multa ogħla minn dik imposta lis-sussidjarja tagħha li wettqet il-ksur. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motivazzjoni fid-deċiżjoni għandha tkun suġġetta għal skrutinju partikolarment strett. Il-Qorti Ġenerali naqset milli tapplika standards daqshekk rigorużi fl-evalwazzjoni tad-deċiżjoni. Għaldaqstant, hija wettqet żball ta’ liġi u fi kwalunkwe każ, naqset milli tagħti motivazzjoni suffiċjenti lis-sentenza tagħha.
35.
Fil-ħames lok, sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra bħala suffiċjenti l-fatturi addizzjonali invokati mill-Kummissjoni, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali evalwatx b’mod korrett il-provi kuntrarji prodotti quddiemha. Il-Qorti Ġenerali injorat il-provi prodotti u naqset milli teżamina kif suppost il-provi li Kendrion ipproduċiet fl-ewwel istanza. Fid-dawl ta’ dawk il-provi, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikkonstata li l-Kummissjoni kienet ipprovat li Kendrion u Fardem kienu jikkostitwixxu entità ekonomika waħda. F’kull każ, il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata tattribwixxi lil Kendrion ir-responsabbiltà għall-ksur minn Fardem.
Ir-risposta tal-Kummissjoni
36.
Il-Kummissjoni ssostni li t-tieni aggravju huwa parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.
37.
Biex tattribwixxi r-responsabbiltà lil Kendrion għall-ksur imwettaq minn Fardem, il-Kummissjoni bbażat ruħha biss fuq il-fatt li Fardem kienet sussidjarja 100 % miżmuma minn Kendrion fiż-żmien rilevanti u fuq il-preżunzjoni tal-influwenza deċiżiva. Filwaqt li ssemmew erba’ fatturi addizzjonali fid-deċiżjoni, dawn il-fatturi ma tqisux bħala determinanti.
38.
L-argument ta’ Kendrion dwar min għandu l-oneru tal-prova huwa ineffettiv. Hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha l-kompetenza tevalwa l-fatti. Għaldaqstant, l-argument ta’ Kendrion fis-sens li l-Qorti Ġenerali żbaljat fl-evalwazzjoni tagħha tal-erba’ fatturi addizzjonali, huwa inammissibbli.
Evalwazzjoni
39.
Dan l-aggravju jirrigwarda l-kunċett ta’ impriża fid-dritt tal-kompetizzjoni u l-provi meħtieġa biex tintwera dik l-entità meta kumpannija parent tkun proprjetarja 100 % ta’ kumpannija sussidjarja.
40.
L-Artikolu 101 TFUE jipprojbixxi l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiki kollha miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni. Il-kelma “impriża” ma tingħatax definizzjoni fit-Trattat iżda hija ċentrali għall-punt dwar jekk japplikawx ir-regoli ta’ kompetizzjoni tal-UE u l-mod li bih tiġi stabbilita r-responsabbiltà għal xi ksur. Il-kwistjoni mqajma f’din il-kawża tikkonċerna dan l-aħħar punt. X’jikkostitwixxi impriża responsabbli għall-ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni u kif għandha tiġi stabbilita l-multa dovuta?
41.
Il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-kunċett ta’ impriża responsabbli f’diversi okkażjonijiet. Il-ġurisprudenza żviluppat minn mindu Kendrion ippreżentat ir-rikors għal annullament tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali ( 21 ). L-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-kelma “impriża” hija kontroversjali ( 22 ). Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ impriża jkopri kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjament tagħha. Dan il-kunċett għandu jinftiehem fis-sens li jkopri unità ekonomika, anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Fejn tali entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, tirrispondi għal tali ksur. B’mod partikolari, l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika distinta, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fir-rigward tar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi. F’tali sitwazzjoni, peress li l-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jagħmlu parti mill-istess unità ekonomika u b’hekk jiffurmaw impriża waħda għall-finijiet tal-Artikolu 101 TFUE, il-Kummissjoni tista’ tindirizza deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent mingħajr ma jkollha għalfejn tistabbilixxi l-implikazzjoni personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur ( 23 ).
42.
Meta kumpannija parent tkun proprjetarja 100 % ta’ sussidjarja li tikser ir-regoli ta’ kompetizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li tali kumpannija parent, fil-prinċipju, hija kapaċi li teżerċita influwenza deċiżiva fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha, u hemm preżunzjoni konfutabbli li l-kumpannija parent, fil-fatt, teżerċita tali influwenza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kumpannija parent għandha l-kapital azzjonarju kollu tas-sussidjarja sabiex jiġi preżunt li din tal-ewwel teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din tal-aħħar. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq. Għandu jiġi enfasizzat li l-preżunzjoni titqies li hija konfutabbli ( 24 ) u li l-oneru tal-prova fuq dan jaqa’ fuq il-kumpannija parent.
43.
Il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tibbaża ruħha esklużivament fuq il-preżunzjoni tal-influwenza deċiżiva. Hija tista’, alternattivament, tagħżel li tibbaża ruħha fuq fatturi oħra biex turi li kumpannija parent eżerċitat, effettivament, influwenza deċiżiva fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja 100 % proprjetà tagħha (il-metodu tal-“bażi doppja”).
44.
Meta l-Kummissjoni tagħżel il-metodu tal-bażi doppja, hija bilfors tissuġġetta lilha nfisha għal standard ta’ prova iktar oneruż ( 25 ). Xogħol il-Qorti tal-Ġustizzja fl-istħarriġ tagħha huwa, imbagħad, li teżamina jekk il-Kummissjoni pprovatx il-każ tagħha skont dak l-istandard. Għaldaqstant, l-oneru l-ewwel jaqa’ fuq il-Kummissjoni li tipproduċi l-provi neċessarji fi standard li jistabbilixxi l-elementi li fuqhom hija tipprova tistrieħ biex turi l-influwenza deċiżiva. Jekk, imbagħad, il-kumpannija kkonċernata tikkontesta dawk l-elementi, l-oneru tal-prova jdur fuqha biex tikkonfutahom.
L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali
45.
Fil-punt 53 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha fuq il-bażi doppja fid-deċiżjoni.
46.
Il-Qorti Ġenerali għaddiet imbagħad biex tidentifika l-erba’ fatturi addizzjonali mressqa mill-Kummissjoni u qalet li Kendrion kellha l-oneru tal-prova biex turi li dawk il-fatturi ma wrewx li hija kienet eżerċitat influwenza deċiżiva fuq Fardem:
“53
F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma llimitatx ruħha biex tibbaża ruħha fuq il-fatt li r-rikorrenti kellha 100 % mill-kapital azzjonarju ta’ Fardem Packaging. Id-deċiżjoni [...] tirreferi wkoll għal erba’ fatturi addizzjonali oħra, jiġifieri l-posta elettronika interna tad-9 ta’ Jannar 2002 mingħand L (premessa 595), il-posta elettronika ta’ Fardem Packaging tal-14 ta’ Diċembru 1999 dwar kwistjoni ta’ assigurazzjoni (premessa 596), nota miktuba bl-idejn waqt laqgħa tas-sottogrupp “Teppema”, fejn isir riferiment għal rappreżentant ta’ Fardem Packaging bħala r-rikorrenti (premessa 597) u r-rapport ippreżentat minn Fardem Packaging lir-rikorrenti dwar kwistjonijiet ta’ mmaniġġjar kurrenti (premessi 106 u 590). Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi kkunsidrat, fl-ewwel lok, jekk ir-rikorrenti rnexxilhiex tirribatti dawn l-erba’ fatturi addizzjonali.” ( 26 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]
47.
Fil-punti 54 sa 60 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-provi dwar dawn l-erba’ fatturi addizzjonali. Mill-punt 61, huwa ċar li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li Kendrion kien irnexxielha tirribatti wieħed biss mill-erba’ fatturi addizzjonali. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li Kendrion kienet naqset milli tirribatti t-tliet fatturi addizzjonali l-oħra mressqa mill-Kummissjoni li kienu juru li hija kienet, fil-fatt, eżerċitat influwenza deċiżiva fuq Fardem.
48.
Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-provi addizzjonali prodotti minn Kendrion bil-għan li tikkonfuta l-preżunzjoni li hija eżerċitat influwenza deċiżiva fuq Fardem (punti 63 sa 68 tas-sentenza appellata). Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li ma kienx hemm konnessjoni fuq livell operazzjonali bejn Kendrion u Fardem; ma kellhomx l-istess fornituri u klijenti u lanqas kienu jużaw l-istess proċessi ta’ mmanifatturar. Madankollu, fil-punt 64 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ddikjarat:
“Din il-konstatazzjoni waħidha, madankollu, ma hijiex suffiċjenti biex turi li Fardem Packaging aġixxiet b’mod awtonomu fir-rigward tar-rikorrenti”.
49.
Barra minn hekk, fil-punti 65 u 67 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dan li ġej:
“65
Għaldaqstant, ma huwiex possibbli li mir-rapporti annwali jew mid-daqs relattiv ta’ Fardem Packaging jiġi dedott li l-kumpannija aġixxiet b’mod awtonomu.
[...]
67
Għandu jingħad f’dan ir-rigward li n-nuqqas ta’ struzzjonijiet min-naħa tar-rikorrenti fir-rigward tal-immaniġġjar ta’ kuljum (dagelijks beheer) ta’ Fardem Packaging ma jfissirx li din tal-aħħar setgħat taġixxi b’mod awtonomu.” ( 27 )
Analiżi
50.
Skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi, impost fuq il-Qorti Ġenerali (skont l-Artikolu 36 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea) ma jeżiġix li din tagħti espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha esposti mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ għaldaqstant tkun impliċita, bil-kundizzjoni li hija tippermetti lil dawk ikkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata s-sentenza appellata u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fil-kuntest ta’ appell ( 28 ).
51.
Il-Qorti Ġenerali kkonstatat bħala fatt li l-Kummissjoni kienet imxiet fuq bażi doppja. Din il-konstatazzjoni ta’ fatt ma tistax tiġi kkontestata fl-appell. Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni ta’ fatt u li l-Kummissjoni pproduċiet provi insostenn ta’ kull wieħed mill-erba’ fatturi addizzjonali, l-oneru tal-prova mbagħad għadda għal fuq Kendrion biex tirribattihom. Nifhem li d-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 53 tas-sentenza appellata (“Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi kkunsidrat, fl-ewwel lok, jekk ir-rikorrenti rnexxilhiex tirribatti dawn l-erba’ fatturi addizzjonali”) tirrifletti din il-pożizzjoni.
52.
Għaldaqstant, ma nikkunsidrax li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta tefgħat l-oneru tal-prova fuq Kendrion biex turi li l-fatturi addizzjonali ma wrewx li hija, fil-fatt, eżerċitat influwenza deċiżiva fuq il-politika kummerċjali ta’ Fardem. Wara li eżaminat il-provi ta’ Kendrion fir-rigward ta’ kull wieħed mill-fatturi addizzjonali, il-Qorti Ġenerali kkonstatat bħala fatt li tlieta mill-erba’ fatturi ma kinux ġew irribattuti.
53.
Fir-rigward tal-provi addizzjonali prodotti minn Kendrion biex tirribatti l-preżunzjoni li hija eżerċitat influwenza deċiżiva fuq Fardem, b’mod partikolari l-argument ta’ Kendrion li Fardem ġiet akkwistata għall-skopijiet ta’ investiment, il-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punt 66 tas-sentenza appellata li:
“... l-akkwist min-naħa ta’ kumpannija ta’ investiment bil-għan ta’ bejgħ jista’ jtendi wkoll favur l-eżistenza ta’ entità ekonomika bejn il-kumpannija ta’ investiment u s-sussidjarja inkwistjoni. Il-fatt li l-kumpannija ta’ investiment tipprova ttejjeb ir-riżultat tas-sussidjarja fiż-żmien qarib jimplika, bħala regola ġenerali, li l-kumpannija parent hija involuta hija stess fl-attivitajiet tas-sussidjarja. Sistema effettiva u stretta ta’ monitoraġġ tista’ toffri garanziji aħjar għal iktar vijabbiltà milli tista’ toffri l-politika ta’ nuqqas ta’ intervent.” ( 29 )
54.
Jiena naqbel mal-Qorti Ġenerali. Il-fatt li kumpannija sussidjarja miżmuma 100 % tiġi akkwistata bħala investiment finanzjarju u li l-attivitajiet tagħha jaqgħu barra mill-isfera ta’ operazzjonijiet normali tal-kumpannija parent ma jfissirx li ż-żewġ kumpanniji ma jikkostitwixxux l-istess impriża. Min-naħa l-oħra: jekk wieħed jippreżumi li l-għan tal-investiment huwa li wieħed jara l-frott, jidhirli li, biex tiżgura vijabbiltà ikbar minn dak l-investiment, kumpannija parent ikollha inċentiv kbir li teżerċita influwenza deċiżiva fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja.
55.
Sa fejn Kendrion tikkontesta l-konstatazzjonijiet ta’ fatt tal-Qorti Ġenerali li jikkonċernaw il-provi li hija pproduċiet, hija tressaq kwistjonijiet li jmorru lil’hinn mill-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell ( 30 ). Inżid ngħid li jien ma naħsibx li s-sens ċar tal-provi ġie żnaturat b’mod li jfisser li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistħarreġ il-klassifikazzjoni legali ta’ dawk il-fatti ( 31 ).
56.
Barra minn hekk, peress li dawn il-punti tas-sentenza appellata jippermettu lil Kendrion tkun taf bir-raġunijiet li fuqha hija bbażata u lil din il-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fil-kuntest ta’ appell, is-sentenza appellata ma hijiex ivvizzjata b’xi nuqqas ta’ motivazzjoni.
57.
Fi ftit kliem: ma nsib ebda żball li jivvizzja l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li Fardem ma kinitx entità ekonomika indipendenti u li għaldaqstant Fardem u Kendrion jikkostitwixxu l-istess impriża.
58.
Għaldaqstant inqis li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. Isegwi li jeħtieġ li jiġu kkunsidrati l-ewwel u t-tielet aggravju ta’ Kendrion.
L-ewwel aggravju: il-multa imposta lil Kendrion hija ogħla minn dik imposta lis-sussidjarja tagħha
59.
Fl-ewwel aggravju tagħha, Kendrion tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u li l-motivazzjoni fis-sentenza appellata hija kontradittorja u insuffiċjenti inkwantu aċċettat li l-Kummissjoni kienet uriet, sal-livell ġuridiku meħtieġ, ir-raġunijiet biex imponiet multa lil Kendrion li kienet ogħla minn dik imposta lil Fardem.
Sunt tal-argumenti
L-appell ta’ Kendrion
60.
Kendrion tinnota li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet hija stess (fil-punti 28 u 29 tas-sentenza appellata) li d-deċiżjoni tqajjem xi dubji u li hija ambigwa f’ċerti aspetti. Essenzjalment, Kendrion issostni li l-parti dispożittiva tad-deċiżjoni [l-Artikolu 2(d)] huwa inkonsistenti mar-raġunament użat fil-premessi. Skont il-premessi, Kendrion bħala l-kumpannija parent, hija responsabbli in solidum għall-multa imposta lis-sussidjarja tagħha, Fardem. Madankollu, id-dispożittiv jgħid li Fardem hija responsabbli in solidum għal (parti mill-)multa imposta lil Kendrion. Isegwi li jekk il-Qorti Ġenerali kienet applikat b’mod korrett il-prinċipju ta’ interpretazzjoni standard li d-deċiżjoni għandha tiġi moqrija fl-intier tagħha fid-dawl tal-premessi tagħha, il-Qorti Ġenerali kienet issib li d-dispożittiv kien inkonsistenti mar-raġunijiet mogħtija fiha.
61.
Kendrion tikkunsidra li mill-punti 23 sa 28 tas-sentenza appellata (u l-premessi 584, 779 u 782 tad-deċiżjoni) jirriżulta li l-Kummissjoni ma mmultatx lil Kendrion minħabba li hija kienet ipparteċipat fil-ksur innifsu; fil-fatt, ġiet imposta penali minħabba li Kendrion kienet responsabbli in solidum fil-kapaċità tagħha ta’ kumpannija parent. F’dan ir-rigward, Kendrion tirreferi għall-premessa 784 tad-deċiżjoni. Hija tikkontesta l-konstatazzjoni li hemm fil-punt 24 tas-sentenza appellata li “jsegwi” u iktar minn hekk li “jirriżulta ċar”, mill-premessa 784 li l-Kummissjoni riedet tippenalizza lil Kendrion individwalment iktar milli sempliċiment iżżommha responsabbli in solidum għall-multa ta’ Fardem.
62.
Kendrion issostni li ma hemmx bażi fid-dritt tal-kompetizzjoni biex kumpannija sussidjarja tinżamm responsabbli in solidum għall-multa imposta lill-kumpannija parent tagħha. Barra minn hekk, id-deċiżjoni twassal għal riżultat assurd fis-sens li Fardem hija responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ multa imposta lil Kendrion ibbażata fuq ir-reponsabbiltà in solidum ta’ din tal-aħħar għall-ħlas ta’ multa imposta lil Fardem. Il-parti dispożittiva tad-deċiżjoni tikkostitwixxi “monstrożità legali” u hija inkonsistenti mal-premessi tagħha.
63.
Isegwi li (b’kuntrast mal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punt 29 tas-sentenza appellata), il-portata u l-kontenut tal-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni ma jinftehmux. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni hija sempliċiment kuntrarja għall-premessi tagħha, b’mod partikolari, il-premessi 577 sa 584, 587 sa 599, 779, 782, 784, 814 u 820. Il-motivazzjoni fis-sentenza appellata hija għaldaqstant insuffiċjenti u kontradittorja u d-deċiżjoni għandha tiġi annullata.
Ir-risposta tal-Kummissjoni
64.
Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-argument ta’ Kendrion li l-parti dispożittiva tad-deċiżjoni hija inkonsistenti mar-raġunijiet li jinsabu fil-premessi huwa infondat. Il-premessa 879 tikkorrispondi kelma b’kelma għall-Artikolu 2(d) tal-parti operattiva.
65.
Ma hemmx differenza bejn responsabbiltà in solidum ta’ kumpannija parent u r-responsabbiltà individwali ta’ sussidjarja. Iż-żewġ kumpanniji huma responsabbli in solidum minħabba li jifformaw parti minn impriża li kisret ir-regoli ta’ kompetizzjoni.
66.
Fardem u Kendrion kienu jifformaw parti mill-istess impriża mit-8 ta’ Ġunju 1995 sas-26 ta’ Ġunju 2002 u t-tnejn huma responsabbli għall-ksur li seħħ f’dak il-perijodu. Il-multa ta’ Fardem kienet fl-ammont ta’ EUR 60 miljun; il-multa ta’ Kendrion EUR 34 miljun. Madankollu, il-multa imposta lil Fardem ġiet limitata mbagħad għal EUR 2.2 miljun malli ġie applikat il-limitu ta’ 10 %. Il-multa imposta lil Kendrion baqgħat EUR 34 miljun li minnhom Fardem hija responsabbli in solidum għal EUR 2.2 miljun, kif stabbilit fil-premessa 879 tad-deċiżjoni. Il-Qorti Ġenerali osservat ġustament, fil-punt 28 tas-sentenza appellata, li d-differenza bejn il-multi taż-żewġ kumpanniji toħroġ mill-applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 %. Altrimenti l-multa imposta lil Fardem kienet tkun EUR 60 miljun u Kendrion kienet tkun responsabbli in solidum għal EUR 34 miljun minn dak l-ammont. Fil-punt 29 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġustament kkonstatat li l-parti dispożittiva tad-deċiżjoni hija konsistenti u tinftiehem meta moqrija fid-dawl tal-motivazzjoni mogħtija hemmhekk.
Evalwazzjoni
67.
Hemm żewġ punti li jqumu. L-ewwel nett, fuq liema raġunijiet preċiżi ġiet imposta multa lil Kendrion? It-tieni nett, kif għandu jiġi stabbilit il-limitu ta’ 10 % stabbilit fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li japplika għal kull multa li tiġi imposta?
68.
Fl-istħarriġ tiegħi tas-sentenza appellata, jiena żammejt f’moħħi l-prinċipji li ġejjin.
69.
L-ewwel nett, il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali hijiex kontradittorja jew insuffiċjenti tikkostitwixxi punt ta’ liġi li jista’, bħala tali, jiġi invokat fil-kuntest ta’ appell ( 32 ).
70.
It-tieni nett, fl-interpretazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kellha żżomm f’moħħha li l-Kummissjoni għandha tagħti r-raġunijiet li fuqhom hija tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha, billi tesponi l-fatti li jifformaw il-bażi legali u l-kunsiderazzjonijiet li wassluha tadotta l-miżura ( 33 ).
71.
It-tielet nett, fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li jimponu multa, il-motivazzjoni għandha tkun suffiċjenti jekk tindika b’mod ċar u koerenti l-kunsiderazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom tkun ibbażata l-multa li tkun ġiet imposta lill-partijiet ikkonċernati, b’mod li kemm dawn tal-aħħar kif ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja jkunu jafu bil-fatturi essenzjali użati fir-raġunament tal-Kummissjoni ( 34 ).
72.
Ir-raba’ nett, il-kwistjoni dwar jekk l-obbligu li tingħata motivazzjoni ġiex osservat għandu jiġi evalwat mhux biss fid-dawl tal-kliem użat fil-miżura kkontestata, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha, kif ukoll f’dak tar-regoli legali kollha tal-qasam ikkonċernat ( 35 ).
Ir-raġunijiet għall-multa ta’ Kendrion
73.
Fil-punti 22 sa 25 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tirreferi, inter alia, għall-premessi 577 sa 584, 779 u 782 tad-deċiżjoni. ( 36 ) Il-Qorti Ġenerali għamlet il-konstatazzjonijiet li ġejjin:
“26
Id-deċiżjoni [...] turi li l-Kummissjoni imponiet multa lir-rikorrenti minħabba l-fatt li hija kienet tikkostitwixxi entità ekonomika waħda ma’ Fardem Packaging bejn l-1995 u l-2003. Peress li l-aġir antikompetittiv ta’ Fardem Packaging jista’ jiġi attribwit lir-rikorrenti minħabba li kull waħda minnhom kienet membru tal-istess entità ekonomika – kwistjoni li għadha trid tiġi deċiża fid-dawl tal-analiżi tal-motivi msemmija iktar ’il quddiem – ir-rikorrenti tqieset li wettqet il-ksur hija stess b’riżultat ta’ dik l-attribuzzjoni tar-responsabbiltà [ara, f’dan is-sens, is-sentenza Metsä-Serla et vs Il-Kummissjoni (C-294/98 P, Ġabra p. I-10065, punt 28)].
...
28
Imbagħad, filwaqt li huwa minnu li l-multa ta’ EUR 34 miljun imposta lir-rikorrenti, meta pparagunata mal-multa ta’ EUR 2.20 miljun imposta lil Fardem Packaging, tista’, prima facie, tidher kerha, jibqa’ l-każ li l-premessi 814 u [820] [ ( 37 ) ] tad-deċiżjoni [...] jgħidu li r-raġuni għal dik id-diskrepanza hija l-applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 % stabbilit bl-Artikolu 23(2) tar-[Regolament Nru 1/2003] lil Fardem Packaging.
29
Minkejja l-kliem ambigwu, il-portata u l-kontenut tal-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni [...] jistgħu, għaldaqstant, jinftiehmu meta jinqraw il-premessi msemmija fil-punti 23 sa 28 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, ma huwiex minnu li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni [...] u l-parti dispożittiva jikkontradixxu lil xulxin.” ( 38 )
74.
Is-sentenza appellata hija bbażata direttament fuq il-kliem tad-deċiżjoni. Għaldaqstant, ser nirreferi għal din id-deċiżjoni fl-istħarriġ tal-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali. Ir-raġunijiet mogħtija fil-premessi 577 sa 584 tad-deċiżjoni jindikaw li l-multa għandha tiġi imposta lil Fardem u li għaliha Kendrion għandha tkun responsabbli in solidum. Huwa minnu li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni ma tesprimix espressament il-fażijiet kollha tagħha. Għaldaqstant, inkwantu l-Qorti Ġenerali segwiet sempliċiment il-motivazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni, is-sentenza appellata ma hijiex trasparenti daqskemm tista’ tkun. Madankollu, ma jfissirx li b’riżultat ta’ dan dik is-sentenza tiġi reża inkoerenti jew mhux intelleġibbli.
75.
Sabiex isir sunt tal-kalkolu: l-ammont tal-bidu tal-multa ta’ Fardem kienet iffissata għal EUR 20 miljun. Il-Kummissjoni imbagħad applikat żieda ta’ perċentwali ta’ 200 % ma’ dak l-ammont sabiex jiġi muri l-fatt li l-ksur kien dam għal iktar minn 20 sena, li ġġenera ċifra ta’ EUR 40 miljun. Meta miżjud mal-ammont inizzjali ta’ EUR 20 miljun, dan wassal għal total ta’ EUR 60 miljun. Finalment, il-Kummissjoni applikat il-limitu ta’ 10 % [Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003] li rriżulta mid-dħul mill-bejgħ ta’ Fardem (EUR 22 miljun) ma’ dak it-total. Konsegwentement, il-multa attwalment imħallsa kienet limitata għal EUR 2.2 miljun ( 39 ).
76.
Mill-konstatazzjoni li Kendrion kienet responsabbli in solidum għall-aġir ta’ Fardem, isegwi li l-Kummissjoni kellha dritt tattribwixxi r-responsabbiltà għall-multa ta’ din tal-aħħar lill-(ex kumpannija parent tagħha għall-perijodu meta ż-żewġ kumpanniji kienu jikkostitwixxu impriża waħda. ( 40 ) Fis-sentenza appellata (u fid-deċiżjoni), huwa impliċitu li l-ammont bażiku tal-multa ta’ Fardem (EUR 20 miljun) ġie attribwit lil Kendrion. Il-Kummissjoni imbagħad applikat żieda perċentwali ta’ 70 % ma’ dak l-ammont (flok perċentwali ta’ 200 %, kif għamlet fil-każ ta’ Fardem). Dak wera l-fatt li Kendrion kienet proprjetarja ta’ Fardem għal seba’ snin, minflok għall-perijoud sħiħ tal-ksur ta’ Fardem. L-EUR 14 miljun li b’hekk irriżulta ġie miżjud mal-EUR 20 miljun li wassal għall-total ta’ EUR 34 miljun. Finalment l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 ġie applikat sabiex jiġi stabbilit jekk il-multa ta’ Kendrion’s għandhiex tiġi limitata. Peress li l-bejgħ dinji ta’ Kendrion kien ogħla minn dik iċ-ċifra li kienet teħtieġ li jkun imnaqqas l-ammont attwalment pagabbli, il-multa ta’ Kendrion baqgħat ta’ EUR 34 miljun.
77.
Meta analiżżat b’dan il-mod, f’kull stadju, huwa ċar li l-iffissar tal-multa ta’ Kendrion kien konsistenti mar-regoli li jikkonċernaw ir-responsabbiltà in solidum u mal-applikazzjoni tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.
78.
Nammetti li l-kliem li bih Fardem inżammet responsabbli in solidum għal EUR 2.2 miljun mill-multa ta’ EUR 34 miljun jidher stramb. Ma naf b’ebda każ fejn kumpannija sussidjarja nżammet responsabbli għall-aġir tal-kumpannija parent tagħha. Fil-fatt, tali riżultat ikun stramb, peress li huwa inkonsistenti kemm mal-kunċett tar-responsabbiltà personali għall-ksur inkwistjoni u mal-preżunzjoni tal-influwenza deċiżiva. Il-kumpanniji parent jinżammu responsabbli għall-ksur imwettaq mis-sussidjarji proprjetà tagħhom 100 % peress li huma meqjusa li jikkontrollaw il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħhom ( 41 ). Il-bilanċ tal-poter (manifestament) ma huwiex l-istess meta wieħed iħares lejn ir-relazzjoni ta’ sussidjarja miżmuma 100 % minn kumpannija parent mal-kumpannija parent tagħha. Tali kumpannija sussidjarja ma tistax tkun preżunta li teżerċita influwenza deċiżiva fuq il-kumpannija parent tagħha, peress li ma jkollhiex kontroll permezz tal-azzjonijiet tagħha. Il-kumpannija sussidjarja hija bħal denb ta’ kelb, liema denb ma jistax iferfer lill-kelb.
79.
Iżda dan hu l-appell ta’ Kendrion, mhux ta’ Fardem.
80.
Ir-responsabbiltà ta’ Kendrion kienet stabbilita b’mod korrett? Il-punt dwar jekk Fardem tiġix iddikjarata li hija responsabbli in solidum għall-multa ta’ Kendrion jew jekk Kendrion tiġix iddikjarata li hija responsabbli in solidum għall-multa ta’ Fardem, ma għandu ebda effett fuq il-prinċipji li jirregolaw l-imputabbiltà tar-responsabbiltà lil kumpannija parent (Kendrion) għal ksur imwettaq mis-sussidjarja proprjetà tagħha 100 % (Fardem) meta l-preżunzjoni tal-influwenza deċiżiva ma tkunx ġiet ikkonfutata b’suċċess. Il-profitti li jiġġeneraw il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jgħaddu għand l-azzjonisti. Għaldaqstant, huwa raġonevoli li dawk li jkollhom is-setgħa jissorveljaw għandhom jinżammu responsabbli għall-prattiki illegali mwettqa mis-sussidjarji tagħhom, sakemm ma jkunux jistgħu juru li huma ma kellhomx dik is-setgħa. Dan — fil-forma l-iktar sempliċi tiegħu — huwa l-bażi biex Kendrion tinżamm responsabbli.
81.
Nikkunsidra, għaldaqstant, li ma hemm ebda żball ta’ liġi li jivvizzja s-sentenza appellata fir-rigward tal-konstatazzjoni tagħha li tattribwixxi r-responsabbiltà lil Kendrion għall-ksur imwettaq minn Fardem.
L-ammont tal-multa
82.
Il-multi ta’ Kendrion u Fardem huma marbutin mill-qrib. L-ammont tal-multa ta’ Kendrion tiddependi neċessarjament fuq il-multa kkalkolata fir-rigward ta’ Fardem ( 42 ).
83.
Fil-punt 28 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qalet li r-raġuni għad-diskrepanza apparenti bejn il-motivazzjoni u l-parti dispożittiva tad-deċiżjoni kienet l-applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 %. Huwa preċiżament il-mod kif jiġi applikat dak il-limitu li jistabbilixxi l-ammont tal-multa li għandha titħallas.
84.
Fil-mument li ġie kkalkolat il-limitu ta’ 10 %, l-impriża li wettqet il-ksur ma kinitx teżisti fl-istess forma peress li Fardem ma kinitx għadha tifforma parti mill-grupp Kendrion. Għaldaqstant, tqum il-kwistjoni: x’jikkostitwixxi “impriża” għall-finijiet tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003? Il-limitu ta’ 10 % għandu jiġi kkalkolat b’riferiment għad-dħul mill-bejgħ dinji tal-kumpannija parent; jew huwa biss id-dħul mill-bejgħ tal-kumpannija sussidjarja li huwa rilevanti?
85.
Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni ( 43 ) fil-premessa 814 tad-deċiżjoni. F’dik il-kawża, bħalma hu f’dan il-każ, is-sussidjarja miżmuma 100 % li wettqet il-ksur ma kinitx għadha proprjetà tal-kumpannija parent fid-data meta ġie kkalkolat il-limitu ta’ 10 %. Għaldaqstant, il-kumpannija sussidjarja u dik parent ma kinux jikkostitwixxu l-istess impriża f’dak iż-żmien. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni f’dak il-każ inkwantu l-Kummissjoni kienet imponiet multa fuq (l-ex) sussidjarja li kienet taqbeż il-limitu tal-10 % kkalkolat b’riferiment għad-dħul mill-bejgħ tagħha biss ( 44 ).
86.
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma spjegatx espressament kif, għall-finijiet tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-limitu tal-10 % japplika għall-multa ta’ Kendrion. Madankollu, huwa impliċitu li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni li, f’dak iż-żmien li ġie applikat il-limitu tal-10 %, Kendrion u Fardem kienu entitajiet separati ( 45 ).
87.
Jidhirli li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li r-responsabbiltà ta’ Kendrion għall-multa ta’ EUR 34 miljun kienet taqa’ taħt il-limitu ta’ 10 % kif applikat għal dik il-kumpannija. Fid-dawl tal-fatt li d-dħul mill-bejgħ ta’ Fardem kien madwar EUR 20 miljun fil-mument rilevanti, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet (i) iddistingwiet bejn iċ-ċifri rispettivi tad-dħul mill-bejgħ ta’ Kendrion u Fardem u (ii) applikat il-limitu tal-10 % għal Fardem bħala entità separata ( 46 ) u għaldaqstant illimitat ir-responsabbiltà tagħha għal EUR 2.2 miljun ( 47 ).
88.
Jien għalhekk nikkunsidra li l-ewwel aggravju huwa infondat.
Kwistjonijiet oħra
89.
Il-Kummissjoni esprimiet it-tħassib tagħha li jekk il-limitu tal-10 % jiġi applikat għal kull kumpannija separatament meta huma ma jkunux għadhom jifformaw parti mill-istess impriża fil-mument li fih tiġi kkalkolata l-multa, dan jagħti l-opportunità lil wieħed biex jevitaha. Hija ssostni li, meta l-kumpannija parent u s-sussidjarja ma humiex parti mill-istess impriża fil-mument meta jiġi applikat il-limitu tal-10 %, il-limitu massimu għandu jiġi kkalkolat b’riferiment għad-dħul mill-bejgħ tal-kumpannija parent biss u d-dħul mill-bejgħ tas-sussidjarja ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni.
90.
Għaldaqstant, kieku l-Kummissjoni kkalkolat il-limitu tal-10 % fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ Fardem biss, kwalunkwe multa li għaliha Kendrion, bħala kumpannija parent, kienet responsabbli in solidum kienet tiġi limitata għal EUR 2.2 miljun. Dan jista’ jinkoraġġixxi lill-impriżi f’ċirkustanzi simili li jiddisponu mis-sussidjarji tagħhom qabel mal-Kummissjoni timponi l-multa, u dan biex jevitaw li l-limitu ta’ 10 % jiġi kkalkolat b’riferiment għad-dħul mill-bejgħ dinji tal-kumpanniji li jikkostitwixxu l-grupp tal-kumpannija holding li hija l-parent.
91.
Għalkemm dan il-punt tqajjem speċifikament b’risposta għat-tielet aggravju ta’ Kendrion, huwa daqstant rilevanti hawnhekk. Għaldaqstant, ser nittrattah issa.
92.
Jidhirli li t-tħassib tal-Kummissjoni ma huwiex iġġustifikat. Meta kumpannija parent tinżamm responsabbli in solidum għas-sussidjarja proprjetà tagħha 100 %, kwalunkwe limitu fuq il-multa imposta jiġi stabbilit b’riferiment għad-dħul mill-bejgħ tal-kumpannija parent jekk iż-żewġ kumpanniji huma parti mill-istess impriża f’dak il-mument. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx bżonn li tiġi kkalkolata l-multa globali b’riferiment għad-dħul mill-bejgħ tas-sussidjarja. Is-sussidjarja hija sempliċiment responsabbli in solidum għal parti mill-multa imposta lill-kumpannija parent tagħha.
93.
Madankollu, meta l-kumpanniji ma jinvolvux l-istess entità fil-mument meta jiġi applikat il-limitu ta’ 10 %, jidhirli li jkun jeħtieġ li ssir distinzjoni bejniethom u li jiġi applikat il-limitu ta’ 10 % għal kull kumpannija separatament. Jidhirli li dan hu preċiżament dak li għamlet il-Kummissjoni f’din il-kawża (għalkemm jista’ jkun li ma huwiex dak li riedet, u dan fid-dawl tal-argument li qegħda tagħmel issa).
94.
L-ammont tal-multa tal-kumpannija parent ma jiġix stabbilit b’riferiment għall-ammont li s-sussidjarja tagħha hija responsabbli li tħallas wara l-applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 % għall-multa tas-sussidjarja. Min-naħa l-oħra, id-determinazzjoni ta’ dawn iż-żewġ ammonti tinvolvi żewġ eżerċizzji separati kif muri hawnhekk. Il-multa ta’ Kendrion kienet ikkalkolata billi bħala punt tat-tluq ittieħed l-ammont bażiku tal-multa ta’ Fardem li għaliha Kendrion kienet responsabbli in solidum. ( 48 ) It-EUR 2.2 miljun li għalihom hija responsabbli Fardem jirrappreżentaw sempliċiment il-parti mill-multa tagħha li hija pagabbli wara li jiġi applikat il-limitu tal-10 %.
95.
Għall-finijiet ta’ kompletezza, ser neżamina issa t-tielet aggravju.
It-tielet aggravju: il-multa li ġiet imposta hija bbażata fuq raġunijiet kontradittorji u insuffiċjenti
96.
Kendrion tressaq tliet punti insostenn tat-tielet aggravju tagħha.
Sunt tal-argumenti
L-appell ta’ Kendrion
97.
Kendrion issostni, fl-ewwel lok, li r-responsabbiltà in solidum tfisser li kumpannija parent hija responsabbli biss għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja. Fit-tieni lok, Kendrion issostni li l-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li l-Kummissjoni kienet naqset milli tapplika l-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament meta stabbilixxiet il-multi. Fit-tielet lok, Kendrion issostni li l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali għall-istħarriġ tal-multa kienet kontradittorja u insuffiċjenti.
98.
L-ewwel u t-tielet punt jirreplikaw l-argumenti magħmulin fir-rigward tal-ewwel aggravju ta’ Kendrion. Jiena diġà eżaminajt dawn il-kwistjonijiet fil-punti 82 sa 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għaldaqstant, mhux ser nikkunsidrahom iktar hawnhekk. Madankollu, jeħtieġ li neżamina l-allegazzjoni ta’ Kendrion li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu dan inkunsiderazzjoni.
99.
Kendrion issostni li, fost id-destinatarji tad-deċiżjoni, kienet biss il-kumpannija parent li rat multa ogħla minn dik tas-sussidjarja tagħha f’ċirkustanzi fejn is-sussidjarja wettqet ksur li fiha hija, bħala kumpannija parent, ma kinitx involuta. L-unika kumpannija parent oħra li rat multa ogħla minn dik tas-sussidjarja kienet Nordenia, iżda dik il-kumpannija kienet, fil-fatt, involuta fil-ksur ( 49 ). Il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament jeħtieġ li l-Kummissjoni tadotta l-istess metodu biex tistabbilixxi l-multi għall-impriżi kollha fl-istess ksur. Kendrion issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta għamlet riferiment għal-limitu ta’ 10 % tal-Artikolu 23(2) bħala li jispjega d-differenza fit-trattament. Il-limitu ta’ 10 % jispjega d-differenza fl-ammont tal-multa iżda mhux id-differenza fil-prinċipju li l-Kummissjoni tintroduċi bejn Kendrion u kumpanniji parent oħra. Alternattivament, jekk il-Kummissjoni għandha dritt tistabbilixxi l-multa ta’ Kendrion kif stabbilita fid-deċiżjoni, il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija kontradittorja u insuffiċjenti.
Ir-risposta tal-Kummissjoni
100.
Fil-fehma tal-Kummissjoni l-Qorti Ġenerali kkonstatat ġustament, fil-punt 109 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni applikat l-istess metodu biex iffissat il-multa għad-destinatarji kollha tad-deċiżjoni.
Evalwazzjoni
101.
Il-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat ( 50 ).
102.
Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tipprovdi li:
“107
Fl-iffissar tal-multi, l-osservanza tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament teħtieġ li l-Kummissjoni tuża, normalment, l-istess metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multi imposti fuq l-impriżi ppenalizzati talli pparteċipaw fl-istess ksur [sentenza Cascades vs Il-Kummissjoni (T-308/94, Ġabra p. II-813, punt 65)] ...
108
L-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kisret dawn il-prinċipji ma tistax tiġi aċċettata għar-raġunijiet li ġejjin.
109
... mid-deċiżjoni [...] huwa ċar li l-Kummissjoni applikat l-istess metodu biex iffissat l-ammont tal-multi applikabbli għad-destinatarji kollha tad-deċiżjoni [...], inkluża r-rikorrenti, li nżammu responsabbli bħala kumpanniji parent ta’ sussidjarja involuta fil-kartell ....” ( 51 )
103.
Kendrion targumenta li hija tista’ tiġi pparagunata ma’ kumpanniji parent oħra li ma pparteċipawx b’mod attiv fil-ksur huma stess iżda huma responsabbli għall-ksur imwettaq mis-sussidjarji miżmuma minnhom 100 %. Dawn il-kumpanniji huma responsabbli biss għal parti mill-multa tas-sussidjarji tagħhom. Kieku l-Kummissjoni applikat l-istess metodu biex tistabbilixxi l-multi għall-kumpanniji parent kollha fl-akkordju, il-multa ta’ Kendrion kienet tkun iktar baxxa minn dik ta’ Fardem, peress li hija kienet tkun responsabbli in solidum għal parti biss mill-multa ta’ Fardem.
104.
Madankollu, jidhirli li ċ-ċirkustanzi ta’ Kendrion kienu partikolari inkwantu l-limitu ta’ 10 % kien ikkalkolat wara li Fardem kienet inbiegħet. Għaldaqstant, iż-żewġ kumpanniji ma kkostitwixxewx impriża waħda f’dak il-mument. Din ma hijiex il-pożizzjoni fir-rigward tal-kumpanniji parent l-oħra u s-sussidjarji rispettivi tagħhom ( 52 ).
105.
Minn dak li għadni kif għidt fil-punti 82 sa 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 %, jirriżulta li jiena nikkunsidra li l-Kummissjoni kellha dritt tapplika l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 għaż-żewġ kumpanniji b’mod separat. Kendrion ma tistax titqabbel ma’ kumpanniji parent oħra li huma destinatarji tad-deċiżjoni. Fil-każ ta’ Kendrion, il-limitu ta’ 10 % kellu jiġi stabbilit darbtejn, b’riferiment għad-dħul mill-bejgħ ta’ Kendrion u għad-dħul mill-bejgħ ta’ Fardem separatament. Għall-kumpanniji parent l-oħrajn u s-sussidjarji tagħhom, madankollu, il-limitu ta’ 10 % ġie stabbilit darba, b’riferiment għad-dħul mill-bejgħ dinji tal-grupp tal-kumpannija parent.
106.
Fil-paragrafi 107 sa 109 tad-deċiżjoni appellata, il-Qorti Ġenerali tinterpreta d-deċiżjoni u tistabbilixxi li l-Kummissjoni kienet applikat l-istess metodu sabiex tiddetermina l-multi applikabbli għall-kumpanniji kollha kkonċeranti. Dak l-approċċ huwa konsistenti mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Iżda, huwa preċiżament minħabba li l-pożizzjoni ta’ Kendrion hija differenti minn dik ta’ kumpanniji parent oħra li l-Kummissjoni ma kenitx obbligata tikkalkola l-limitu ta’ 10 % għal Kendrion u Fardem billi tuża l-istess metodu li hija applikat lill-kumpanniji l-oħra kollha kkonċeranti. Il-Kummissjoni kellha titratta ż-żewġ kumpanniji bħala entitajiet distinti fil-punt meta applikat l-limitu ta’ 10% għaliex Fardem dak iż-żmien ma kenitx parti mill-grupp Kendrion.
107.
Għaldaqstant, nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali kienet korretta tikkonkludi li d-deċiżjoni kienet kompatibbli mal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament.
Ir-raba’ aggravju: nuqqas li tiddeċiedi fi żmien raġonevoli
Is-sentenza appellata
108.
Matul is-seduta fl-ewwel istanza, Kendrion ressqet l-argument li l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali kienet twila wisq. Fil-punt 18 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset dak l-argument bħala ineffettiv, minħabba li fil-ġurisdizzjoni tagħha kienet taqa’ biss id-deċiżjoni. Għaldaqstant, anki kieku Kendrion kienet korretta li kien hemm dewmien eċċessiv, dan ma jaffettwax r-riżultat tal-proċeduri per se.
Sunt tal-argumenti
L-appell ta’ Kendrion
109.
Kendrion issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma eżaminatx l-argument li jikkonċerna l-allegat nuqqas ta’ dik il-Qorti milli tisma’ l-każ ta’ Kendrion fi żmien raġjonevoli. Għaldaqstant, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.
110.
Sussidjarjament, Kendrion issostni li din il-Qorti għandha tnaqqas l-ammont tal-multa imposta. Kendrion tinnota li dan l-appell huwa ta’ importanza kbira għaliha, peress li bih qiegħda tikkontesta multa ta’ EUR 34 miljun. Id-domandi quddiem il-Qorti Ġenerali kienu kumplessi, iżda ż-żmien li ħadet il-Qorti Ġenerali biex tat id-deċiżjoni (li Kendrion tikkalkola li huwa sitt snin u disa’ xhur) kien eċċessiv ( 53 ). Kendrion issostni li din il-Qorti għandha, għaldaqstant, tnaqqas il-multa imposta b’mill-inqas 5 % sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni d-dewmien inġustifikat tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali ( 54 ).
Ir-risposta tal-Kummissjoni
111.
Il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li s-sentenza appellata ma għandhiex tiġi annullata għal din ir-raġuni. It-tieni nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li ma kienx ikun xieraq li l-Qorti Ġenerali tiddetermina, fil-kuntest tal-proċeduri għal annullament, jekk hija kinitx kisret l-Artikolu 47 tal-Karta, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kien ikollha bilfors teżamina l-aġir tagħha stess. Ikun aħjar li din il-kwistjoni tiġi kkunsidrata, jekk hu l-każ, minn awla differenti tal-Qorti Ġenerali fi proċeduri separati. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dan l-argument ta’ Kendrion bħala ineffettiv.
112.
Il-Kummissjoni tikkontesta l-evalwazzjoni ta’ Kendrion dwar it-tul tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija tikkalkula li damu ħames snin u disa’ xhur. Il-Kummissjoni ssostni li, jekk din il-Qorti tiddeċiedi li l-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali kienu twal wisq, ikun ta’ sodisfazzjon biżżejjed li dan jiġi kkonstatat b’sentenza. Ir-rimedju xieraq għal kwalunkwe telf materjali li seta’ rriżulta minn ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta jkun li tinfetaħ kawża separata għad-danni. B’risposta għall-argument ta’ Kendrion li f’ġieh l-ekonomija tal-ġudizzju, il-multa imposta għandha titnaqqas b’5 %, il-Kummissjoni targumenta li din il-kawża hija differenti minn dik ta’ Dutch Beer ( 55 ), peress li, b’kuntrast ma’ dik il-kawża, f’din il-kawża ma kien hemm ebda dewmien fil-fażi amministrattiva tal-proċedura.
Evalwazzjoni
113.
Il-Qorti Ġenerali ddikjarat l-argument ta’ Kendrion dwar in-nuqqas tagħha li tiddeċiedi l-proċeduri fi żmien raġjonevoli bħala ineffettiv ( 56 ). Tali konstatazzjoni ma affettwatx l-ammissibbiltà tal-argument ta’ Kendrion. Din fissret biss li r-rikors ta’ Kendrion għall-annullament tad-deċiżjoni ma setax jintlaqa’ fuq dik il-bażi fl-ewwel istanza ( 57 ).
114.
Jiena naqbel mal-approċċ tal-Qorti Ġenerali għar-raġunijiet li ġejjin.
115.
L-ewwel nett, ir-rikors għal annullament tad-deċiżjoni huwa kwistjoni distinta u separata mill-kwistjoni dwar jekk inkisrux id-drittijiet fundamentali ta’ Kendrion, kif iggarantiti mill-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-fehma tiegħi, kieku l-Qorti Ġenerali sabet ksur ta’ dak id-dritt, f’ċirkustanzi fejn altrimenti dik id-deċiżjoni ġiet meqjusa leġittima, ma kienx ikun kompitu tagħha li tannulla d-deċiżjoni abbażi biss tal-irregolarità proċedurali. ( 58 )
116.
It-tieni nett, Kendrion ma tallegax li t-tul tal-proċeduri rrenda impossibbli kwalunkwe stħarriġ ġudizzjarju effettiv tad-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali – pereżempju, minħabba li ntilfu xi provi jew ix-xhieda ma kinux għadhom jistgħu jinstabu minħabba t-trapass taż-żmien. Il-pożizzjoni ta’ Kendrion hija, għaldaqstant, differenti minn dik ta’ rikorrent li jargumenta li d-drittijiet ta’ difiża tiegħu nkisru minħabba li l-proċeduri inkwistjoni kienu ttawlu wisq.
117.
It-tielet nett, l-eżami tal-allegata irregolarità proċedurali konsistenti fin-nuqqas li tisma’ każ fi żmien raġjonevoli huwa eżerċizzju separat mill-istħarriġ tal-multa imposta bid-deċiżjoni. Għaldaqstant, l-eżami tal-irregolarità proċedurali waħedha taqa’ barra mill-kamp tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tistħarreġ id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jimponu multa ( 59 ).
118.
Għaldaqstant, ma nikkunsidrax li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-argument ta’ Kendrion kien ineffettiv. Anki kieku jiġi milqugħ, l-argument ta’ Kendrion ma kienx jaffettwa l-validità tad-deċiżjoni ( 60 ).
119.
Ovvjament, Kendrion ma hijiex prekluża milli tqajjem din il-kwistjoni fl-appell tagħha.
120.
Kendrion ippreżentat ir-rikors tagħha għal annullament fit-22 ta’ Frar 2006. Il-proċedura bil-miktub għalqet fl-20 ta’ Frar 2007. Fit-3 ta’ Diċembru 2010, Kendrion ġiet informata li l-kawża kienet ġiet appuntata għal seduta. Fit-12 ta’ Jannar 2011, Kendrion irrispondiet għal domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali dwar is-sentenza Akzo tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-kawża nstemgħet mill-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Marzu 2011 u s-sentenza ngħatat fis-16 ta’ Novembru ta’ dik is-sena. It-tul globali tal-proċeduri fl-ewwel istanza kien ta’ madwar ħames snin u disa’ xhur, u kien hemm perijodu ta’ madwar erba’ snin bejn l-għeluq tal-proċedura bil-miktub u s-seduta.
121.
Il-kawża ta’ Kendrion kienet marbuta mill-qrib ma’ dik tal-ex sussidjarja tagħha, Fardem. Madankollu, ma hemm xejn x’juri li l-kawża ta’ Fardem xekklet il-proċeduri ta’ Kendrion quddiem il-Qorti Ġenerali.
122.
Bl-applikazzjoni tal-kriterji Baustahlgewebe, huwa ċar li peress li Kendrion hija suġġett għall-multa ta’ EUR 34 miljun skont id-deċiżjoni, il-kawża hija ta’ importanza għall-impriża. Huwa ċar ukoll li l-kawża tqajjem kwistjonijiet kumplessi. Ma nikkunsidrax li t-tul tal-proċeduri jista’ jiġi attribwit lill-aġir ta’ Kendrion.
123.
Sa fejn nista’ ngħid jien, ma kien hemm ebda mmaniġġjar tal-kawża matul il-perijodu ta’ inattività (madwar erba’ snin) bejn l-għeluq tal-proċedura bil-miktub u s-seduta. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx ipprovduta b’informazzjoni li tispjega jew tiġġustifika l-perijodu ta’ inattività. Fin-nuqqas ta’ tali provi, huwa ċar fil-fehma tiegħi li din il-kawża ma mxietx fi żmien raġjonevoli. Kif indikajt fil-Konklużjonijiet tiegħi għal Groupe Gascogne ( 61 ), jien tal-opinjoni (b’mod ġenerali) li dan l-istadju tal-proċedura setgħa jieħu sa sentejn mingħajr ma dak kien ikkaratterizzat bħala dewmien “eċċessiv” fit-trattament tal-kawża. Isegwi li – bejn wieħed u ieħor – din il-kawża damet madwar sentejn iktar fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali milli kellha tieħu.
124.
Għalhekk nikkonkludi li d-dritt fundamentali ta’ Kendrion biex il-kawża tagħha tinstema’ mill-Qorti Ġenerali fi żmien raġjonevoli nkiser.
125.
Jiena sostnejt fil-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża Groupe Gascogne ( 62 ), li fejn ikun ġie kkonstatat ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta, tali konstatazzjoni ma għandhiex, waħidha, twassal biex tiġi annullata s-sentenza appellata.
126.
Barra minn hekk, kif tinnota l-Kummissjoni, Kendrion ma sostnietx li d-drittijiet ta’ difiża tagħha nkisru b’riżultat tal-irregolarità proċedurali.
127.
Għaldaqstant, ma nikkunsidrax li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata.
128.
It-talba sussidjarja ta’ Kendrion biex titnaqqsilha l-multa jidhirli li hija bbażata fuq l-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Baustahlgewebe ( 63 ) iktar milli tressqet bħala talba separata għal kumpens għal telf materjali u/jew danni mhux pekunjarji.
129.
Fid-dawl ta’ din it-talba nikkunsidra li, fin-nuqqas ta’ talba għal kumpens għal telf materjali u/jew dannu mhux pekunjarju, għandu jkun ikkunsidrat bħala sodisfazzjon biżżejjed li fis-sentenza jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 47 tal-Karta ( 64 ).
130.
Kendrion titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tnaqqas il-multa imposta bis-sentenza appellata b’5 %. Hija tasal għal din iċ-ċifra mid-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza Dutch Beer ( 65 ). F’dik il-kawża, il-Kummissjoni aċċettat li hija kienet responsabbli għat-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva. Ir-rikorrenti argumentat li t-tul fil-proċedura kien affettwa d-drittijiet tad-difiża tagħha u wassal għall-impożizzjoni ta’ multa sproporzjonata, peress li l-politika tal-Kummissjoni fuq il-multi kienet saret iktar stretta matul il-proċedura amministrattiva. Għaldaqstant, hija sostniet li t-tnaqqis fil-multa mogħtija lilha mill-Kummissjoni minħabba t-tul eċċessiv tal-proċeduri kien baxx wisq.
131.
Din il-kwistjoni hija differenti mis-sentenza Dutch Beer. Fl-ewwel lok, it-talba ta’ Kendrion ma tikkonċernax il-fażi amministrattiva tal-proċedura mmexxija mill-Kummissjoni, u lanqas ma tallega li l-multa imposta mill-Kummissjoni żdiedet minħabba l-aġir ta’ dik l-istituzzjoni. Fit-tieni lok, hawnhekk Kendrion qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistħarreġ irregolarità proċedurali fil-fażi ġudizzjarja tal-proċeduri. Fit-tielet lok, Kendrion ma allegatx li t-tul fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali kellu effett fuq il-multa imposta bis-sentenza appellata (u lanqas ma seta’ jkun dan, peress li s-sentenza appellata tikkonferma sempliċiment id-deċiżjoni f’dan ir-rigward).
132.
Għaldaqstant, jidhirli li ma hemmx bażi legali li fuqha l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tibbaża deċiżjoni li biha tnaqqas il-multa ta’ Kendrion b’5 %. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ provi li jindikaw li Kendrion sofriet telf materjali u/jew mhux pekunjarju (kif jista’ jintalab f’talba separata għad-danni), jidhirli purament arbitrarju li wieħed jagħżel 5 % (jew, fil-fatt, kwalunkwe ċifra oħra) ( 66 ).
133.
Isegwi li fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tnaqqas il-multa ta’ Kendrion.
134.
Għaldaqstant, nikkonkludi li inkwantu Kendrion tikkunsidra li hija sofriet telf b’riżultat tan-nuqqas tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi l-kawża tagħha fi żmien raġjonevoli, ikun iktar rimedju xieraq u effettiv għall-finijiet tal-Artikolu 47 tal-Karta, kif interpretat fid-dawl tal-Artikoli 6(1) u 13 KEDB, li tinfetaħ kawża għad-danni fil-Qorti Ġenerali milli jkun hemm tnaqqis fil-livell tal-multa ( 67 ). Għalhekk nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara li kien hemm dewmien eċċessiv fil-proċeduri ta’ appell ta’ GSD quddiem il-Qorti Ġenerali; u li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmilha ċara li GSD tista’ tressaq proċeduri għad-danni jekk hija tixtieq tagħmel dan.
Spejjeż
135.
Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-evalwazzjoni tiegħi tal-appell, allura, skont l-Artikoli 137, 138, 140 u 184 tar-Regoli ta’ Proċedura, moqrija flimkien, Kendrion, il-parti li tilfet fuq l-aggravji kollha tal-appell għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tal-proċeduri.
Konklużjoni
136.
Għalhekk nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:
—
tiċħad l-appell;
—
tiddikjara li l-Qorti Ġenerali naqset milli tagħti deċiżjoni fi żmien raġjonevoli fil-Kawża T‑54/06 Kendrion vs Il-Kummissjoni; u
—
tikkundanna lill-Kendrion għall-ispejjeż tal-proċeduri.
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Sentenza Kendrion vs Il-Kummissjoni (T‑54/06), Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni (T‑72/06) u Sachsa Verpackung GmbH vs Il-Kummissjoni (T‑79/06). Sunt tat-tliet sentenzi appellati jinsabu ppubblikati bl-Ingliż. It-testi sħaħ huma disponibbli bil-Franċiż fit-tliet każijiet; dawn jinsabu fuq is-sit tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fir-rigward tas-sentenza Kendrion, teżisti verżjoni sħiħa oħra bl-Olandiż.
( 3 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2005) 4634 finali, tat-30 ta’ Novembru 2005, dwar provvediment skont l-Artikolu 81 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (Każ Nru COMP/38354 – Boroż industrijali) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni”). Sunt tagħha jinsab ippubblikat fil-ĠU 2007 L 282, p. 41.
( 4 ) Gascogne Sack Deutschland vs Il-Kummissjoni (C‑40/12 P), Kendrion vs Il Kummissjoni (C‑50/12 P, din il-kawża) u Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni (C‑58/12 P). Għal stampa iktar kompluta, fir-rigward tal-appelli kontra d-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali u appelli sussegwenti quddiem din il-Qorti, ara l-punt 102 tal-Konklużjonijiet tiegħi f’Groupe Gascogne.
( 5 ) Kawża C‑40/12 P.
( 6 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.
( 7 ) Il-konklużjonijiet fit-tliet appelli ġew ippreżentati fit-30 ta’ Mejju 2013.
( 8 ) Ara l-punti 40 u 44 iktar ’il quddiem.
( 9 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) li ħassar ir-Regolament Nru 17, L-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3). Ir-Regolament Nru 17 ġie abrogat permezz tal-Artikolu 43(1) tar-Regolament Nru 1/2003. Il-Kummissjoni ċċitat iż-żewġ regolamenti fil-parti 6 tad-deċiżjoni bħala li huma l-bażi legali għall-multi li ġew imposti. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 17 huma l-Artikolu 15(2) u l-Artikolu 17. Dawn huma riflessi fl-Artikolu 23(2) u (3) u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003. F’dawn il-konklużjonijiet, ser nirreferi għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003, li għandhom jinqraw bħala li jkopru wkoll l-Artikolu 15(2) u 17 tar-Regolament Nru 17, peress li dawn essenzjalment ma ġewx mibdula sa fejn huwa rilevanti għall-kwistjonijiet imqajma f’dan l-appell.
( 10 ) Ara l-punti 73 sa 81 iktar ’il quddiem.
( 11 ) Premessa 777 tad-deċiżjoni.
( 12 ) Premessi 779 u 781 tad-deċiżjoni.
( 13 ) Premessa 781 tad-deċiżjoni.
( 14 ) Premessa 783 tad-deċiżjoni.
( 15 ) Premessa 784 tad-deċiżjoni.
( 16 ) Kawża C‑413/08 P Lafarge v Commission [2010] ECR 1-5361, paragrafu 102. Il-Linji Gwida tal-Kummissjoni tal-1998, dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 1, p. 171), isemmu wkoll id-dħul mill-bejgħ dinji meta jirreferu għal-limitu ta’ 10 % fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.
( 17 ) Sentenza Kendrion (T‑54/06, iktar ’il quddiem “is-sentenza appellata”).
( 18 ) Dak li qabel kien l-Artikolu 253 KE.
( 19 ) Sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Kawża T‑51/06, Fardem Packaging BV vs Il-Kummissjoni.
( 20 ) Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p 171; iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-Kummissjoni tal-1998”). Ara l-punt 21 tal-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża Gascogne Sack Deutschland, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.
( 21 ) 22 ta’ Frar 2006.
( 22 ) Ara, Wouter P.J. Wils, “Antitrust compliance programmes and optimal antitrust enforcement”, Journal of Anti-Trust Enforcement, 2013, p. 12. Qabbel ma’ Stefan Thomas, “Guilty of a fault that one has not committed”, Journal of European Competition Law and Practice, 2012, p. 11.
( 23 ) Sentenza Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il Kummissjoni (Kawżi magħquda C‑628/10 P u C‑14/11 P, punti 42 sa 44, u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 24 ) Sentenza Alliance One, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punti 46 sa 48 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 25 ) Sentenza Alliance One, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punti 49, 50 u 53.
( 26 ) Nota li ma hijiex rilevanti għall-verżjoni Maltija.
( 27 ) Nota li ma hijiex rilevanti għall-verżjoni Maltija.
( 28 ) Sentenza Alliance One, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 64.
( 29 ) Nota li ma hijiex rilevanti għall-verżjoni Maltija.
( 30 ) Sentenza Alliance One, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 31 ) Sentenza Alliance One, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 32 ) Sentenza Masdar vs Il-Kummissjoni (C-47/07 P, Ġabra p. I-9761, punt 76).
( 33 ) Ara l-Artikolu 296 TFUE, ara wkoll is-sentenza ACF Chemiefarma (41/69, Ġabra p. 661, punt 76) u s-sentenza Remia (42/84, Ġabra p. 2545, punt 26).
( 34 ) Sentenza Alliance One, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 64.
( 35 ) Sentenza L-Italja v Il-Kummissjoni, (C-403/99, Ġabra p. I-6883, punt 41).
( 36 ) Ara l-punti 8 sa 10 iktar ’il fuq.
( 37 ) Nassumi li r-riferiment għall-premessa 815 fid-deċiżjoni għandha tkun għall-premessa 820, peress li hija din tal-aħħar li tikkonċerna l-multa imposta fuq Fardem.
( 38 ) Nota li ma hijiex rilevanti għall-verżjoni Maltija.
( 39 ) Ara l-punti 11 sa 16 iktar ’il fuq.
( 40 ) Ara l-punti 40 sa 44 iktar ’il fuq.
( 41 ) Sentenza Akzo Nobel NV et vs Il-Kummissjoni (C-97/08 P, Ġabra p. I-8237, punti 58 sa 61, iktar ’il quddiem “Akzo”).
( 42 ) Ara l-punt 13 aktar ’il fuq.
( 43 ) Sentenza Tokai (Kawżi magħquda T-71/03, T-74/03, T-87/03 u T-91/03, Ġabra p. II-10). Sunt ta’ din is-sentenza tinsab ippubblikata. Il-verżjonijiet sħaħ disponibbli fuq is-sit tal-Qorti tal-Ġustizzja huma bil-Ġermaniż, Ingliż u Franċiż.
( 44 ) Sentenza Tokai, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punti 391 u 392.
( 45 ) Ara l-premessa 820 tad-deċiżjoni u l-punti 28 tas-sentenza appellata.
( 46 ) Kieku dan kien l-appell ta’ Fardem, kien ikun meħtieġ, għall-iffissar tal-multa ta’ Fardem, li jiġi kkunsidrat il-perijodu tal-ksur li għalih kienet responsabbli Fardem biss (mis-6 ta’ Jannar 1982 sat-8 ta’ Ġunju 1995), u dan qabel ma Kendrion akkwistat il-kumpannija. Madankollu, peress li dan huwa l-appell ta’ Kendrion u li din il-kumpannija hija responsabbli in solidum għall-multa ta’ Fardem, ma hemmx dan il-bżonn. Ara l-punti 81 sa 88 tal-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża Gascogne Sack Deutschland, fejn jien neżamina l-applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 % għal kumpannija parent u sussidjarja tagħha li hija miżmuma 100 % minnha, li flimkien jikkostitwixxu l-impriża fil-mument li fih sar il-kalkolu, iżda fejn il-perijodu li fih seħħ il-ksur beda qabel mal-kumpannija parent akkwsitat is-sussidjarja u kompla wara dak l-akkwist.
( 47 ) Ara l-punti 28 u 29 tas-sentenza appellata, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 73.
( 48 ) Ara l-punti 11 sa 13 iktar ’il fuq.
( 49 ) Ara l-premessa 637 tad-deċiżjoni.
( 50 ) Sentenza Arcelor Atlantique u Lorraine et. (C-127/07, Ġabra p. I-9895, punt 23, u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 51 ) Nota li ma hijiex rilevanti għall-verżjoni Maltija.
( 52 ) Bischof + Klein France SAS; FLS Smidth & Co A/s u FLS Plast AS u Groupe Gascogne.
( 53 ) Kendrion tiċċita s-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C-185/95 P, Ġabra p. I-8417; iktar ’il quddiem “Baustahlgewebe”).
( 54 ) Kendrion tiċċita Bavaria NV vs Il-Kummissjoni (T-235/07, Ġabra p. II-3229; iktar ’il quddiem “Dutch Beer”).
( 55 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 54 hawn fuq.
( 56 ) Punt 18 tas-sentenza appellata.
( 57 ) Sentenza Arkema vs Il-Kummissjoni (C-520/09 P, Ġabra p. I-8901, punt 31).
( 58 ) Ara l-punt 117 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 59 ) Ara l-Artikolu 261 TFUE u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003. Ara wkoll il-punti 131 u 132 tal-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża Groupe Gascogne.
( 60 ) Ara l-punt 113 iktar ’il fuq.
( 61 ) Ara l-punti 91 sa 94 tal-Konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża.
( 62 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.
( 63 ) Fis-sentenza Baustahlgewebe, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53, il-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba raġunijiet tal-ġudizzju ekonomika u sabiex tiżgura li jkun hemm rimedju immedjat u effettiv, annullat is-sentenza appellata fir-rigward ta’ dak l-ammont tal-multa li kien stabbilit, filwaqt li kkonfermat is-sentenza fir-rigward tal-aspetti kollha l-oħra
( 64 ) Ara l-punt 148 tal-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża Groupe Gascogne.
( 65 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 54.
( 66 ) Ara l-punti 133 sa 138 tal-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża Groupe Gascogne.
( 67 ) It-talba ta’ Groupe Gascogne biex titnaqqas il-multa jidhirli li hija bbażata b’mod ċar fuq is-sentenza Baustahlgewebe: ma kinitx ippreżentata bħala talba separata għal telf materjali u/jew danni mhux pekunjarji, u l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex kompetenza li tanalizza din it-talba.
Full & Egal Universal Law Academy