KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fil-15 ta’ Mejju 2014 ( 1 )
Kawżi magħquda C‑103/12 u C‑165/12
Il-Parlament Ewropew (C‑103/12)
u
Il-Kummissjoni Ewropea (C‑165/12)
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
“Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/19/EU — Għażla tal-bażi legali — Artikolu 43(2) u (3) TFUE — Status legali ta’ dikjarazzjoni magħmula mill-Unjoni Ewropea u indirizzata lil pajjiż terz”
1.
Għal żmien twil bastimenti li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela (iktar ’il quddiem il-“Venezwela”) operaw fiż-Żona Ekonomika Esklużiva (iktar ’il quddiem iż-“ŻEE”) ( 2 ) ’il barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża u, għalhekk, fl-ilmijiet tal-UE. L-industrija tal-ipproċessar fil-Gujana Franċiża tiddependi mill-iżbark ta’ dawk il-bastimenti. Għalkemm kien hemm negozjati fis-snin disgħin, fil-fatt ma kien konkluż ebda ftehim internazzjonali formali bejn l-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“UE”) u l-Venezwela anki jekk id-dritt tal-UE u d-dritt internazzjonali jidhru li jeżiġu xi forma ta’ att internazzjonali għal dan it-tip ta’ aċċess ( 3 ). Il-Kummissjoni Ewropea kienet imħassba li n-nuqqas ta’ att bħal dan kien jikkostitwixxi ostaklu legali biex ikunu stabbiliti u allokati opportunitajiet tas-sajd għal bastimenti tal-Venezwela (u, għalhekk, biex jingħataw ukoll awtorizzazzjonijiet tas-sajd individwali).
2.
Fis-16 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li aġixxa fuq proposta mħejjija mill-Kummissjoni, li huwa mmodifika u, wara li talab l-opinjoni (iżda mhux l-approvazzjoni) tal-Parlament Ewropew, adotta bid-Deċiżjoni 2012/19 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni”) ( 4 ) dikjarazzjoni indirizzata lill-Venezwela dwar l-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE lil bastimenti tas-sajd tal-Venezwela (iktar ’il quddiem id-“Dikjarazzjoni”). Id-Dikjarazzjoni kienet innotifikata b’Note Verbale lill-Venezwela. Il-bażi legali tad-Deċiżjoni hija l-Artikolu 43(3) TFUE flimkien mal-Artikolu 218(6)(b) TFUE. Il-proposta tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq l-Artikolu 43 TFUE flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) TFUE ( 5 ). Il-Parlament (fil-Kawża C‑103/12) u l-Kummissjoni (fil-Kawża C‑165/12) ippreżentaw proċeduri skont l-Artikolu 263 TFUE fejn talbu l-annullament tad-Deċiżjoni. Essenzjalment qegħdin isostnu li d-Deċiżjoni għandha l-bażi legali l-ħażina u li l-Kunsill ma kienx osserva l-prerogattivi tal-Parlament. Il-Kummissjoni tissottometti wkoll li l-Kunsill naqas milli jgħid x’kienu r-raġunijiet tal-bażi legali li huwa kien għażel u biddel il-proposta tal-Kummissjoni.
Id-Dritt tal-UE
It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea
3.
Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(5) TUE, l-UE għandha tikkontribwixxi għall-osservanza stretta u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali. L-Artikolu 21(1) TUE jipprovdi ulterjorment li l-azzjoni tal-UE fuq ix-xena internazzjonali għandha tkun iggwidata mill-osservanza tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali.
4.
L-Artikolu 17(2) TUE jipprovdi:
“L-atti leġislattivi ta’ l-Unjoni ma jistgħux jiġu adottati ħlief fuq proposta tal-Kummissjoni, ħlief fejn it-Trattati jipprovdu mod ieħor. L-atti l-oħrajn għandhom jiġu adottati fuq proposta tal-Kummissjoni meta t-Trattati jipprovdu hekk.”
5.
L-Artikolu 47 TUE jgħid: “L-Unjoni għandha jkollha personalità ġuridika.”
It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
6.
L-Artikolu 3(1)(d) TFUE jiddeskrivi “il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar fil-qafas tal-politika komuni tas-sajd [iktar ’il quddiem il-“PKS”]” bħala qasam ta’ kompetenza esklużiva tal-UE. Skont l-Artikolu 4(2) TFUE, il-qasam prinċipali ta’ “l-agrikoltura u s-sajd, eskluża l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar” huwa ta’ kompetenza kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri.
7.
Skont l-Artikolu 38(1) TFUE, l-UE “tiddefinixxi u timplimenta politika komuni ta’ l-agrikoltura u s-sajd”. L-istess dispożizzjoni tispjega li riferimenti li jsiru għall-“politika agrikola komuni” (iktar ’il quddiem il-“PAK”) u għall-“agrikoltura” u l-użu tal-kelma “agrikola”“għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu wkoll għas-sajd, b’kont meħud tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ dan is-settur”.
8.
L-Artikolu 43(2) u (3) TFUE jgħid ( 6 ):
“2. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jistabbilixxu l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli prevista fl-Artikolu 40(1) [ ( 7 ) ] kif ukoll id-dispożizzjonijiet l-oħra meħtieġa għall-kisba ta’ l-objettivi tal-[PAK] u l-[PKS].
3. Il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri dwar l-iffissar tal-prezzijiet, l-imposti, l-għajnuna u l-limitazzjonijiet kwantitattivi, kif ukoll dwar l-iffissar u l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd.”
9.
L-Artikolu 218 TFUE jistabbilixxi l-proċedura għan-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali:
“1. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 207 [ ( 8 ) ], ftehim bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom jiġu negozjati u konklużi skond il-proċedura li ġejja.
2. Il-Kunsill għandu jawtorizza l-ftuħ tan-negozjati, jadotta direttivi ta’ negozjati, jawtorizza l-iffirmar ta’ ftehim u jikkonkludihom.
3. [...] il-Kummissjoni [...] għandh[a] [t]ippreżent[a] rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, li għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati u li tinnomina, skond is-suġġett tal-ftehim previst, in-negozjatur ta’ l-Unjoni jew il-kap tal-grupp ta’ negozjaturi ta’ l-Unjoni.
4. Il-Kunsill jista’ jindirizza direttivi lin-negozjatur u jista’ jaħtar kumitat speċjali, in-negozjati għandhom isiru f’konsultazzjoni ma’ dan il-kumitat.
5. Il-Kunsill, fuq proposta min-negozjatur, għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar tal-ftehim u, jekk meħtieġ, l-applikazzjoni provviżorja tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ.
6. Il-Kunsill, fuq proposta min-negozjatur, għandu jadotta deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim.
[…] il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim:
(a)
wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-każijiet li ġejjin:
[…]
(v)
ftehim li jkopri l-oqsma li għalihom tapplika l-proċedura leġislattiva ordinarja jew il-proċedura leġislattiva speċjali meta jkun meħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.
F’każ ta’ urġenza, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jiftiehmu fuq limitu ta’ żmien għall-approvazzjoni.
(b)
wara l-konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew fil-każijiet l-oħra. Il-Parlament Ewropew għandu jagħti l-opinjoni tiegħu f’limitu ta’ żmien li l-Kunsill jista’ jistabbilixxi skond l-urġenza tal-kwistjoni. Fin-nuqqas ta’ opinjoni f’dak il-limitu ta’ żmien, il-Kunsill jista’ jaġixxi.
7. Meta jikkonkludi ftehim, il-Kunsill jista’, b’deroga mill-paragrafi 5, 6 u 9, jawtorizza lin-negozjatur sabiex japprova f’isem l-Unjoni emendi għall-ftehim meta dan jipprovdi li dawn l-emendi għandhom jiġu adottati skond proċedura simplifikata jew minn korp stabbilit mill-ftehim. Il-Kunsill jista’ jorbot kondizzjonijiet speċifiċi ma’ din l-awtorizzazzjoni.
8. Il-Kunsill għandu jaġixxi bil-maġgoranza kwalifikata tul il-proċedura kollha.
[…]
9. Il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni [...] għandu jadotta deċiżjoni li tissospendi l-applikazzjoni ta’ ftehim u li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’ sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.
10. Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura.
11. Stat Membru, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni jistgħu jiksbu l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk ftehim maħsub ikunx kompatibbli mat-Trattati. Meta l-opinjoni tal-Qorti tkun kuntrarja, il-ftehim maħsub ma jistax jidħol fis-seħħ sakemm ma jiġix emendat jew it-Trattati ma jiġux riveduti.”
10.
Meta l-Kunsill jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, l-Artikolu 293(1) TFUE jgħid li l-Kunsill “ma jistax jemenda dik il-proposta sakemm ma jiddeċiedix b’mod unanimu, ħlief fil-każijiet previsti fl-Artikolu 294(10) u (13), fl-Artikoli 310, 312, 314 u fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 315”.
11.
Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, “[l]-atti legali għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati u għandhom jirriferu għal kwalunkwe proposta, inizjattiva, rakkomandazzjoni, talba jew opinjoni prevista fit-Trattati”.
12.
L-Artikolu 263 TFUE jagħti kompetenza lill-Qorti tal-Ġustizzja biex teżamina l-legalità ta’ atti tal-Kunsill dwar in-nuqqas ta’ kompetenza, dwar ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, dwar ksur tat-Trattati jew ta’ xi regola tad-dritt relattiva għall-applikazzjoni tiegħu, jew dwar l-użu skorrett tas-setgħat tiegħu. L-Artikolu 264 TFUE jispeċifika l-konsegwenzi legali ta’ azzjoni għal annullament li tirnexxi:
“Jekk l-azzjoni tkun fondata, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara d-deċiżjoni in kwistjoni bħala nulla.
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk tikkunsidra dan meħtieġ, tiddikjara liema mill-effetti ta’ l-att li ddikjarat null għandhom jiġu kkunsidrati bħala definittivi.”
13.
L-Artikolu 352 TFUE jgħid:
“1. Jekk tidher meħtieġa azzjoni ta’ l-Unjoni, fil-qafas tal-politika definita fit-Trattati, għall-kisba ta’ wieħed mill-objettivi previsti mit-Trattati, u t-Trattati ma jkunux stabbilew is-setgħat meħtieġa għal dan l-għan, il-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni u wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, għandu jadotta d-dispożizzjonijiet xierqa. Meta l-Kunsill jadotta d-dispożizzjonijiet in kwistjoni skond il-proċedura leġislattiva speċjali, dan għandu jadottahom ukoll b’unanimità, fuq proposta tal-Kummissjoni u wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.
2. Il-Kummissjoni għandha tiġbed l-attenzjoni tal-Parlamenti nazzjonali għall-proposti bbażati fuq dan l-Artikolu permezz tal-proċedura għall-monitoraġġ tal-prinċipju tas-sussidjarjetà previst fl-Artikolu 5(3) [TUE].”
[…]”
Ir-Regolament Nru 2371/2002
14.
Ir-Regolament Nru 2371/2002 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Bażiku tal-2002”) ( 9 ) kien adottat abbażi tal-Artikolu 37 KE — il-predeċessur tal-Artikolu 43 TFUE, li stabbilixxa kif ikunu adottati miżuri li jimplementaw il-PAK (li, skont l-Artikolu 32(1) KE, kienu jkopru wkoll is-sajd). Dak ir-Regolament kien jirrigwarda s-sistema Komunitarja (ta’ dak iż-żmien) għall-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-PKS.
15.
L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Bażiku tal-2002 kien jgħid li l-PKS “[…] għandha tkopri l-konservazzjoni, l-amministrazzjoni u l-isfruttar tar-riżorsi akwatiċi ħajjin, ta’ l-akwakultura, u tal-proċessar u l-marketing ta’ prodotti tas-sajd u l-akwakultura meta dawn l-attivitajiet jitwettqu fuq it-territorju ta’ Stati Membri jew f’ilmijiet tal-Komunità [ ( 10 ) ] jew minn bastimenti tas-sajd tal-Komunità jew, bla ħsara għar-responsabbiltà ewlenija ta’ l-Istat tal-bandiera, minn ċittadini ta’ Stati Membri.” L-Artikolu 1(2) kien jgħid li l-PKS għandha tiddisponi għal miżuri koerenti dwar:
“(a)
konservazzjoni, amministrazzjoni u sfruttar ta’ riżorsi akwatiċi ħajjin,
[…]
(ċ)
kondizzjonijiet dwar l-aċċess għal ilmijiet u riżorsi,
[…]
(h)
relazzjonijiet internazzjonali.”
16.
L-Artikolu 2 kien intitolat “Għanijiet”. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1), il-PKS “[...] għandha tiżgura l-isfruttar tar-riżorsi akwatiċi ħajjin li joħolqu kondizzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali sostenibbli” ( 11 ).
17.
L-Artikolu 3(m) iddefinixxa “limitu ta’ qbid” bħala “[…] limitu kwantitattiv ta’ kemm jitniżżlu ħażniet jew gruppi ta’ ħażniet f’perjodu partikolari […]”. “Opportunitá ta’ sajd” kienet iddefinita fl-Artikolu 3(q) bħala “[…] dritt legali kwantifikat għas-sajd, espress f’termini ta’ qabdiet u/jew sforz għas-sajd”.
18.
Biex jikseb l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1), l-Artikolu 4(1) kien jipprovdi li “[...] il-Kunsill għandu jistabbilixxi miżuri li jirregolaw l-aċċess għall-ilmijiet u r-riżorsi u l-insegwiment ta’ attivitajiet tas-sajd”. L-Artikolu 4(2) kien jelenka xi eżempji ta’ miżuri bħal dawn, inklużi miżuri li jistabbilixxu miri dwar l-isfruttar sostenibbli ta’ ħażniet, li jillimitaw il-qabdiet u li jiffissaw in-numru u t-tip ta’ bastimenti tas-sajd awtorizzati biex jistadu ( 12 ). L-Artikoli 5 u 6 kienu jiddeskrivu miżuri tal-Kunsill dwar pjanijiet ta’ rkupru u pjanijiet ta’ maniġġar rispettivament.
19.
Il-Kapitolu IV kien fih “Regoli dwar l-aċċess għal ilmijiet u riżorsi”. L-Artikolu 20 kien jirrigwarda l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd:
“1. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi dwar il-limiti ta’ qbid u/jew opportunitajiet tas-sajd u dwar l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri kif ukoll dwar il-kondizzjonijiet assoċjati ma’ dawk il-limiti. Opportunitajiet tas-sajd għandhom jitqassmu bejn l-Istati Membri b’mod li jassigura lil kull Stat Membru stabbilità relattiva ta’ attivitajiet tas-sajd għal kull ħażna jew żona tas-sajd.
2. Meta l-Komunità tistabbilixxi opportunitajiet tas-sajd ġodda l-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar l-allokazzjoni ta’ dawk l-opportunitajiet, waqt li jqis l-interessi ta’ kull Stat Membru.
3. Kull Stat Membru għandu jiddeċiedi, għal bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu, dwar il-metodu kif jiġu allokati opportunitajiet tas-sajd assenjati lil dak l-Istat Membru skond il-liġi tal-Komunità. Għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar il-metodu ta’ allokazzjoni.
4. Il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għal pajjiżi terzi f’ilmijiet tal-Komunità u jalloka dawk l-opportunitajiet lil kull pajjiż terz.
[…]”
Ir-Regolament Nru 1006/2008
20.
Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1006/2008 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar l-Awtorizzazzjonijiet tas-Sajd”) ( 13 ) japplika, inter alia, għal awtorizzazzjonijiet tas-sajd għal bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi biex jipparteċipaw f’attivitajiet tas-sajd f’ilmijiet tal-Komunità ( 14 ).
21.
L-Artikolu 2 jiddefinixxi (a) “ftehim” bħala “ftehim dwar is-sajd konkluż jew li għalih ġiet adottata deċiżjoni ta’ applikazzjoni proviżorja f’konformità ma’ l-[Artikolu 218 TFUE]”; (ċ) “attivitajiet tas-sajd” bħala “il-qbid, iż-żamma abbord, l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ ħut”; u (h) “awtorizzazzjoni tas-sajd” bħala “dritt ta’ parteċipazzjoni f’attivitajiet tas-sajd matul perijodu speċifiku, f’żona speċifika jew għal sajd partikolari”.
22.
Skont l-Artikolu 18(1)(a), bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi jistgħu jipparteċipaw f’attivitajiet tas-sajd f’ilmijiet tal-Komunità bil-kundizzjoni li dawn ikollhom awtorizzazzjoni tas-sajd maħruġa skont il-kapitolu rilevanti tar-Regolament dwar l-Awtorizzazzjonijiet tas-Sajd. Huma jkunu jistgħu wkoll jiżbarkaw, jittrasbordaw f’portijiet jew jipproċessaw il-ħut bil-kundizzjoni li jkollhom awtorizzazzjoni minn qabel mill-Istat Membru li fl-ilmijiet tiegħu tkun ser isseħħ l-operazzjoni (Artikolu 18(1)(b)).
23.
Skont l-Artikolu 20(1), il-Kummissjoni għandha teżamina l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjonijiet tas-sajd billi tqis l-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lill-pajjiż terz u għandha toħroġ awtorizzazzjonijiet skont il-miżuri adottati mill-Kunsill u d-dispożizzjonijiet fil-ftehim. Il-kriterji ta’ eliġibbiltà għal awtorizzazzjonijiet tas-sajd huma stabbiliti fl-Artikolu 21. B’mod partikolari l-Artikolu 21(a) jgħid li bastimenti tas-sajd ta’ pajjiż terz għandhom ikunu “[…] eliġibbli għal awtorizzazzjoni tas-sajd taħt il-ftehim ikkonċernat u, fejn xieraq, ikunu inklużi fil-lista ta’ bastimenti notifikati li jwettqu attivitajiet tas-sajd taħt dak il-ftehim”. L-Artikolu 22 jeħtieġ li l-bastimenti tas-sajd ta’ pajjiż terz li jkunu ngħataw awtorizzazzjoni tas-sajd jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-PKS dwar il-miżuri ta’ konservazzjoni u kontroll, dispożizzjonijiet oħra li jirregolaw is-sajd minn bastimenti tas-sajd tal-Komunità fiż-żona tas-sajd li fiha joperaw u d-dispożizzjonijiet fil-ftehim tas-sajd ikkonċernat.
Ir-regolamenti li jiffissaw u jallokaw opportunitajiet tas-sajd
24.
Opportunitajiet tas-sajd huma stabbiliti u allokati fl-hekk imsejħin “Regolamenti TAC” — “TAC” hija l-qabda totali permisibbli: jiġifieri l-kwantità li tista’ tinqabad u tiġi żbarkata minn kull ħażna ta’ ħut kull sena. Għall-finijiet ta’ dawn il-proċeduri ser inkun qed nirreferi għar-Regolamenti TAC li ffissaw l-opportunitajiet tas-sajd għal bastimenti tal-Venezwela f’ilmijiet tal-UE fl-2010, 2011 u 2012 rispettivament: ir-Regolament Nru 53/2010 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament TAC tal-2010”) ( 15 ), ir-Regolament Nru 57/2011 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament TAC tal-2011”) ( 16 ) u r-Regolament Nru 44/2012 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament TAC tal-2012”) ( 17 ). Kull wieħed kien ibbażat fuq l-Artikolu 43(3) TFUE u ffissa opportunitajiet tas-sajd kemm għal bastimenti tal-UE, kif ukoll għal bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi f’ilmijiet tal-UE ( 18 ).
25.
Il-premessa 30 tar-Regolament TAC tal-2012 kienet tirreferi espressament għad-Dikjarazzjoni: “Fis-16 ta’ Diċembru 2011 l-Unjoni [Ewropea] għamlet dikjarazzjoni fil-konfront tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela (“Venezwela”) dwar l-għoti tal-opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE għall-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklużiva (ŻEE) tal-kosta tal-Gujana Franċiża. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-opportunitajiet tas-sajd għal snappers disponibbli għall-Venezwela fl-ilmijiet tal-UE” ( 19 ).
26.
L-Anness VIII għal kull wieħed mir-regolamenti ddefinixxa l-għadd massimu ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd għal bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi fl-ilmijiet tal-UE ( 20 ). L-Anness VIII kien jimponi wkoll li jinħarġu kundizzjonijiet, jiġifieri kundizzjonijiet dwar il-ħtieġa li jinġieb kuntratt validu bejn is-sid tal-bastiment u impriża tal-ipproċessar stabbilita fid-Dipartiment tal-Gujana Franċiża.
Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar
27.
L-UE hija Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (iktar ’il quddiem l-“UNCLOS”) ( 21 ).
28.
L-Artikolu 55 tal-UNCLOS jirrigwarda r-reġim legali taż-ŻEE, li jiddeskriviha bħala “[…] żona lil hinn u biswit tal-baħar territorjali, suġġetti għar-reġim legali speċifiku stabbilit f’din il-parti, permezz tad-drittijiet u l-ġurisdizzjoni ta’ l-Istat kostali u tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ l-Istati l-oħrajn li huma rregolati bid-disposizzjonijiet relevanti ta’ din il-Konvenzjoni.”
29.
Id-drittijiet, il-ġurisdizzjoni u d-dmirijiet tal-Istat kostali fiż-ŻEE huma deskritti fl-Artikolu 56. B’mod partikolari, l-Istat kostali għandu “[…] id-drittijiet sovrani għall-iskop ta’ l-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni, tal-konservazzjoni u l-immaniġġjar tar-riżorsi naturali, seww jekk ħajjin jew mhux ħajjin, tal-baħar supra-qarib tal-qiegħ [li jinsab fuq il-qiegħ] tal-baħar jew tal-qiegħ tal-baħar u l-istrata ta’ taħt il-wiċċ tal-qiegħ tiegħu […]” [Artikolu 56(1)(a)] u ġurisdizzjoni fir-rigward “il-protezzjoni u l-preservazzjoni ta’ l-ambjent marittimu” [Artikolu 56(1)(b)(iii)]. L-Artikolu 56(2) jgħid li fl-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu u fit-twettiq tad-doveri skont l-UNCLOS fiż-ŻEE, l-Istat kostali għandu jagħti attenzjoni xierqa għad-drittijiet u d-doveri ta’ Stati oħra u għandu jaġixxi b’mod kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-UNCLOS.
30.
L-Artikolu 58 isemmi d-drittijiet u l-obbligi ta’ Stati oħra fiż-ŻEE:
“1. Fiż--[ŻEE], l-Istati kollha, kemm jekk kostali jew li m’għandhom aċċess dirett għall-baħar, igawdu, suġġett għad-disposizzjonijiet relevanti ta’ din il-Konvenzjoni, il-libertajiet [...] tan-navigazzjoni u t-titjiriet u tat-tqegħid ta’ fili u pajpijiet sottomarini, u ta’ l-użu internazzjonali legali l-ieħor tal-baħar relatati ma dawk il-libertajiet, bħal dawk assoċjati ma l-operazzjoni ta’ vapuri, ajruplani u fili u pajpijiet sottomarini, u kompatibbli mad-disposizzjonijiet l-oħrajn ta’ din il-Konvenzjoni.
2. L-Artikoli 88 sa 115 u r-regoli pertinenti l-oħrajn tal-liġi internazzjonali japplikaw għaż-[ŻEE] sal-limiti li dawn ma jkunux mhux-kompatibbli ma din il-parti.
3. Fl-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom u fit-twettieq tad-doveri tagħhom fiż-[ŻEE], l-Istati għandhom jagħtu attenzjoni xierqa għad-drittijiet u d-doveri ta’ l-Istat kostali u għandhom ikunu konformi mal-liġijiet u r-regolamenti adottati mill-Istat kostali b’konformità mad-disposizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni u mar-regoli l-oħrajn tal-liġi internazzjonali sal-limiti li dawn ma jkunux mhux-kompatibbli ma din il-parti.”
31.
Fir-rigward tal-konservazzjoni ta’ riżorsi ħajjin, l-Artikolu 61 jgħid:
“1. L-Istat kostali għandu jiddetermina l-qabda permissibbli tar-riżorsi ħajjin fiż-[ŻEE].
2. L-Istat kostali, billi jieħu konjizzjoni ta’ l-aħjar evidenza xjentifika disponibbli għalih, għandu jassigura permezz tal-konservazzjoni xierqa u l-miżuri ta’ l-amministrazzjoni li l-manteniment tar-riżorsi ħajjin fiż-[ŻEE] ma tkunx ipperikolata b’esplojtazzjoni żejda. […].
3. Miżuri bħal dawn għandhom ukoll ikunu ddisinjati għall-manteniment u r-restawrazzjoni tal-popolazzjonijiet [...] speċjali maqbuda f’livelli li jistgħu jipproduċu l-akkwist massimu sostenibbli, kif kwalifikat bil-fatturi ambjentali u ekonomiċi relevanti, inklużi l-ħtiġiet ekonomiċi tal-komunitajiet kostali tas-sajjieda u l-ħtiġiet speċjali ta’ l-Istati li għadhom jiżviluppaw, u billi jittieħed akkont ta’ l-għamliet tas-sajd, l-interdipendenza tal-ħażniet u xi normi internazzjonali minimi ġeneralment rikonoxxuti, kemm jekk subreġjonali, reġjonali jew globali.
4. Fit-teħid ta’ dawn il-miżuri, l-Istat kostali għandu jqis l-effetti fuq l-ispeċje asoċċjati ma jew dipendenti fuq l-ispeċje maqbuda bil-għan taż-żamma jew tar-restawr tal-popolazzjonijiet ta’ dawk l-ispeċje assoċjati jew dipendenti il-fuq mil-livelli li fihom ir-riproduzzjoni tagħhom tista ssir serjament mhedda.
5. Informazzjoni xjentifika disponibbli, l-istatistika tal-qbid u ta’ l-isforzi tas-sajd, u d-dettalji l-oħrajn relevanti għall-konservazzjoni tal-ħażniet tal-ħut għandhom ikunu fornuti u skambjati fuq bażi regolari matul l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, kemm subreġjonali, reġjonali jew globali, meta xieraq u bil-parteċipazzjoni mill-Istati kollha kkonċernati, inklużi l-Istati li ċ-ċittadini tagħhom li huma mħollija li jistadu fiż-[ŻEE].”
32.
L-Artikolu 62, dwar l-utilizzazzjoni ta’ riżorsi ħajjin, jgħid:
“1. L-Istat kostali għandu jħeġġeġ l-obbjettiv ta’ l-aqwa utilizzazzjoni tar-riżosi ħajjin fiż-[ŻEE] mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 61.
2. L-Istat kostali għandu jiddetermina l-potenzjal tiegħu dwar il-qbid tar-riżorsi ħajjin fiż-[ŻEE]. Meta l-Istat kostali ma jkollux il-kapaċità li jiġbor il-qabda permissibbli kollha, huwa għandu, permezz ta’ ftehim jew arranġamenti oħrajn u skond it-termini, l-kondizzjonijiet, il-liġijiet u r-regolamenti msemmija fil-paragrafu 4, jgħati lil Stati oħrajn aċċess għaż-żejjed tal-qabda permissibbli, wara li jkunu ħa l-qies xieraq tad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 69 u 70, speċjalment fir-rigward ta’ l-Istati li qiegħdin jiżviluppaw imsemmija hemmhekk.
3. Meta jagħti aċċess lil Stati oħrajn għaż-[ŻEE] tiegħu permezz ta’ dan l-Artikolu, l-Istat kostali għandu jieħu akkont tal-fatturi relevanti kollha, inklużi, inter alia, is-sinifikanza tar-riżorsi ħajjin taż-żona għall-ekonomija ta’ l-Istat kostali kkonċernat u ta’ l-interessi nazzjonali l-oħrajn tiegħu, id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 69 u 70, il-ħtiġiet ta’ l-Istati li għadhom jiżviluppaw fis-subreġjun jew fir-reġjun fil-ġbir ta’ parti taż-żejjed u l-ħtieġa li tkun minimizzata d-dislokazzjoni [disturb] ekonomika fl-Istati li ċ-ċittadini tagħhom kienu abitwalment jistadu fiż-żona jew li jkun għamlu sforzi sostanzjali fir-riċerka u l-identifikazzjoni tal-ħażniet.
4. Ċittadini ta’ Stati oħrajn li jistadu fiż-[ŻEE] għandhom ikunu konformi mal-miżuri tal-konservazzjoni u mat-termini u l-kondizzjonijiet l-oħrajn stabbiliti bil-liġijiet u r-regolamenti ta’ l-Istat kostali. Dawn il-liġijiet u regolamenti għandhom ikunu konsistenti ma din il-Konvenzjoni […]
[…]”
Il-kuntest
33.
Fis-7 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Parlament u lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-aċċess ta’ bastimenti tal-Venezwela għall-ilmijiet tal-UE ( 22 ). Il-proposta ma kinitx diskussa jew innegozjata mal-Venezwela. Il-Kunsill sussegwentement bagħat dik il-proposta lill-Istati Membri. Il-bażi legali tal-proposta tal-Kummissjoni kienet l-Artikolu 43 TFUE flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) TFUE, u d-deċiżjoni proposta, għalhekk, kien jeħtiġilha l-approvazzjoni tal-Parlament.
34.
Il-Kummissjoni nnotat li awtorizzazzjonijiet għal bastimenti tal-Venezwela ma kienu jinvolvu ebda obbligu mill-Venezwela lejn l-UE, ħlief il-ħtieġa li jitħarsu kif xieraq ir-regoli tas-sajd applikabbli fl-ilmijiet tal-UE u li jkun speċifikat li parti mill-qabdiet kellha tinħatt fil-portijiet tal-Gujana Franċiża. Meqjusa wkoll il-portata limitata tal-attivitajiet tas-sajd inkwistjoni u ż-żmien meħtieġ biex ikun negozjat ftehim internazzjonali, il-Kummissjoni qieset li ma kienx meħtieġ ftehim tas-sajd komplet. Għalhekk il-Kummissjoni pproponiet li l-Kunsill jadotta dikjarazzjoni unilaterali li l-għan u l-effetti tagħha jkunu simili għal dawk ta’ ftehim internazzjonali. Biex issostni l-fehma tagħha li dikjarazzjoni vinkolanti unilateralment kienet tkun ekwivalenti għal ftehim internazzjonali, il-Kummissjoni bbażat ruħha b’mod partikolari fuq is-sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja fil-Kawża Testijiet Nukleari ( 23 ).
35.
Fis-26 ta’ Jannar 2011, il-proposta tal-Kummissjoni ntbagħtet lill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-Politika Barranija tas-Sajd, li ntalab iqis proposti mis-Servizz Legali tal-Kunsill biex tinbidel il-bażi legali u suġġerimenti oħra dwar l-abbozzar.
36.
Wara li kienet eżaminata l-proposta tal-Kummissjoni fis-27 ta’ Jannar u fit-23 ta’ Marzu 2011, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, b’ittra tal-5 ta’ April 2011, talab lill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (iktar ’il quddiem “COREPER”) biex jibdel il-bażi legali u biex jikkonsulta biss mal-Parlament. Dik l-ittra kienet tgħid li l-Presidenza kienet ikkonkludiet li kien hemm unanimità fost l-Istati Membri biex tinbidel il-bażi legali. Fil-proposta rriveduta datata s-7 ta’ April 2011, kienu saru tibdiliet ukoll fit-terminoloġija użata fil-proposta tal-Kummissjoni. Pereżempju, ir-riferiment fit-titolu għal “aċċess […] għaż-[ŻEE]” kien issostitwit b’“l-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE”.
37.
Fl-ittra tal-5 ta’ April 2011 u f’żewġ ittri oħra datati t-18 ta’ April u l-5 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill għarraf lill-COREPER li l-Kummissjoni kienet għamlet dikjarazzjoni li (fil-fehma tagħha) it-Trattati ma kinux jawtorizzaw l-adozzjoni tad-Deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 43(3) TFUE flimkien mal-Artikolu 218(6)(b) TFUE.
38.
B’ittra tat-13 ta’ Mejju 2011, il-Kunsill għarraf lill-Parlament bil-bidla tal-bażi legali u talab l-opinjoni tal-Parlament malajr kemm jista’ jkun biex tkun żgurata l-kontinwazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati.
39.
Fil-25 ta’ Lulju 2011, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament ta parir li tintuża l-bażi legali proposta inizjalment mill-Kummissjoni.
40.
Fid-9 ta’ Settembru 2011, il-Kunsill fakkar lill-Parlament li kien jeħtieġ tittieħed pożizzjoni dwar il-proposta rriveduta malajr kemm jista’ jkun u, b’mod partikolari, talab lill-Parlament jikkunsidra l-kwistjoni matul is-sessjoni plenarja tiegħu tal-24 sas-27 ta’ Ottubru 2011.
41.
B’ittra datata s-26 ta’ Ottubru 2011, il-President tal-Parlament għarraf lill-Presidenza tal-Kunsill li l-Kumitat għall-Affarijiet Legali tiegħu kien ikkonferma l-bażi legali ssuġġerita mill-Kummissjoni u talab lill-Presidenza tissottometti proposta rriveduta ulterjuri (li tixbah iktar il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni). Il-Parlament indika wkoll li kien impossibbli li jikkunsidra l-kwistjoni matul is-sessjoni plenarja f’Ottubru 2011.
42.
B’ittra tat-28 ta’ Ottubru 2011, il-Kunsill talab lill-Parlament jagħti l-opinjoni tiegħu matul is-sessjoni plenarja tal-14 sas-17 ta’ Novembru 2011 u japplika l-proċedura urġenti tar-Regola 142 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew. Il-Kunsill saħaq li l-proposta rriveduta kellha tkun adottata qabel tmiem l-2011. Il-Kunsill spjega fl-osservazzjonijiet tiegħu li kien imħasseb li inkella l-Kummissjoni ma kinitx ser tinkludi l-opportunitajiet tas-sajd għal bastimenti tal-Venezwela fil-proposta tagħha għar-Regolament TAC tal-2012 (b’hekk kienet tmur lil hinn mill-prattika tas-sentejn preċedenti).
43.
Fl-10 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha għar-Regolament TAC tal-2012 lill-Kunsill. Dik il-proposta ma kienet tipprovdi għal ebda opportunità tas-sajd għall-Venezwela.
44.
Fl-14 ta’ Novembru 2011, il-Presidenza tal-Kunsill għarrfet lill-President tal-Parlament li l-ittra ta’ dan tal-aħħar tas-26 ta’ Ottubru 2011 kienet waslet fl-10 ta’ Novembru 2011.
45.
Fil-15 ta’ Novembru 2011, il-Parlament ċaħad it-talba tal-Kunsill għal trattament urġenti.
46.
Abbozz ta’ rapport tal-Kumitat għas-Sajd tal-Parlament, datat is-16 ta’ Novembru 2011, wera li l-Kumitat kien ukoll tal-fehma li l-bażi legali kellha tkun l-Artikoli 43(2) u 218(6)(a) TFUE. Ir-rapport qal ukoll li, filwaqt li l-proposta kienet ser tiġi ffirmata biss mill-Kunsill, hija kienet toħloq obbligi skont id-dritt internazzjonali għall-partijiet b’mod simili għal dak ta’ ftehim dwar sajd. Madankollu, l-abbozz tar-rapport ma kienx adottat mill-Parlament.
47.
Fl-1 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill talab lill-Parlament jagħti l-opinjoni tiegħu mhux iktar tard mill-15 ta’ Diċembru 2011, jiġifieri, matul is-sessjoni plenarja tat-12 sal-15 ta’ Diċembru 2011 billi juża l-proċedura urġenti, jew matul sessjoni straordinarja. F’dik l-ittra, il-Kunsill irriżerva wkoll id-dritt li jiddeċiedi dwar il-proposta mingħajr il-parir tal-Parlament.
48.
Fit-13 ta’ Diċembru 2011, il-Parlament reġa’ ċaħad it-talba għal trattament urġenti.
49.
Il-Kunsill fl-aħħar nett adotta l-proposta rriveduta fis-16 ta’ Diċembru 2011. Huwa paċifiku li għamel hekk mingħajr ma stenna l-opinjoni tal-Parlament. Min-naħa tagħha l-Kummissjoni reġgħet iddikjarat li ma kinitx laqgħet il-bidliet tal-Kunsill għall-proposta, b’mod partikolari fir-rigward tal-bażi legali tagħha. Il-Kummissjoni saħqet ukoll li d-Dikjarazzjoni ma kellhiex biss l-għan li jingħataw opportunitajiet tas-sajd lil bastimenti ta’ pajjiżi terzi. L-għan kien li jingħata aċċess lil Stat terz għall-ilmijiet tal-UE u li l-bastimenti tiegħu jkunu suġġetti għal sett ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u sorveljanza. Fis‑16 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill innotifika wkoll id-Dikjarazzjoni, b’Note Verbale, lill-Missjoni tal-Venezwela għall-UE.
50.
Filwaqt li bbaża ruħu fuq id-Deċiżjoni, il-Kunsill imbagħad adotta r-Regolament TAC tal-2012 abbażi tal-Artikolu 43(3) TFUE.
51.
Fit-30 ta’ Jannar 2012, il-Venezwela talbet iktar informazzjoni mill-Kunsill dwar il-konsegwenzi tad-deċiżjoni tal-Parlament li jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tannulla d-Deċiżjoni.
52.
Fl-20 ta’ Marzu 2012, il-Venezwela applikat għal awtorizzazzjonijiet tas-sajd. B’deċiżjoni tas-26 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni ħarġet 38 awtorizzazzjoni tas-sajd għal bastimenti tal-Venezwela.
Id-Deċiżjoni u d-Dikjarazzjoni
53.
Id-Deċiżjoni kienet adottata “[w]ara li kkunsidra t-[TFUE], u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3), flimkien mal-punt (b) tal-Artikolu 218(6) tiegħu”.
54.
Il-preambolu tagħha jgħid:
“(1)
Soġġett għall-konformità tagħhom mal-atti applikabbli tal-Unjoni legalment vinkolanti dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd, il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-[Venezwela] operaw fl-ilmijiet tal-UE fiż-[ŻEE], ’l barra mill-kosta tal-Gujana għal ħafna għexieren ta’ snin.
(2)
L-industrija tal-ipproċessar ibbażata fil-Gujana Franċiża tiddependi mill-iżbark minn dawk il-bastimenti tas-sajd u għalhekk il-kontinwità ta’ dawk l-operazzjonijiet għandha tiġi żgurata.
(3)
Sabiex tiġi żgurata tali kontinwità hu meħtieġ li l-Unjoni tagħmel dikjarazzjoni indirizzata lill-Venezwela li tikkonferma r-rieda tagħha li toħroġ awtorizzazzjonijiet tas-sajd għal għadd limitat ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Venezwela bil-kondizzjoni li jkunu konformi mal-atti applikabbli tal-Unjoni legalment vinkolanti”
55.
L-Artikolu 1 jipprovdi għall-approvazzjoni f’isem l-UE tad-Dikjarazzjoni li hija annessa mad-Deċiżjoni.
56.
Din id-dikjarazzjoni tgħid:
“1.
L-Unjoni Ewropea għandha toħroġ awtorizzazzjonijiet tas-sajd lil għadd limitat ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera [tal-Venezwela] biex jistadu fil-parti taż-[ŻEE]’l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża li tinsab aktar minn 12-il mil nawtiku mil-linji ta’ bażi, soġġett ġħall-kondizzjonijiet imniżżla f’din id-Dikjarazzjoni.
2.
F’konformità mal-Artikolu 22 tar-[Regolament dwar l-Awtorizzazzjonijiet tas-Sajd], il-bastimenti tas-sajd awtorizzati li jtaru l-bandiera [tal-Venezwela] għandhom, meta jistadu fiż-żona msemmija fil-paragrafu 1, jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-[PKS] tal-Unjoni Ewropea dwar il-konservazzjoni u l-miżuri ta’ kontroll u dispożizzjonijiet oħra tal-[UE] li jirregolaw l-attivitajiet tas-sajd f’dik iż-żona.
3.
B’mod akar partikolari, il-bastimenti tas-sajd awtorizzati li jtajru l-bandiera [tal-Venezwela] għandhom jikkonformaw ma’ kwalunkwe regola jew regolament rilevanti tal-[UE] li jispeċifikaw inter alia l-istokkijiet tal-ħut li jistgħu jkunu fil-mira, l-għadd massimu ta’ bastimenti tas-sajd awtorizzati u l-proporzjon ta’ qabdiet li għandhom jiżbarkaw fil-portijiet fil-Gujana Franċiża.
4.
Mingħajr preġudizzju għall-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija lil bastimenti tas-sajd individwali li jtajru l-bandiera [tal-Venezwela] minħabba nuqqas tagħhom li jikkonformaw ma’ kawlunkwe regola jew regolament rilevanti tal-[UE], l-[UE] tista’ fi kwalunkwe ħin tirtira, permezz ta’ dikjarazzjoni unilaterali, l-impenn speċifiku espress f’din id-Dikjarazzjoni li tagħti opportunitajiet tas-sajd.”
L-ilmenti u l-proċedura
57.
Il-Parlament u l-Kummissjoni qed jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni skont l-Artikolu 263 TFUE u qed jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna lill-Kunsill iħallas l-ispejjeż.
58.
Fil-Kawża C‑103/12, il-Parlament jinvoka żewġ motivi. L-ewwel motiv isostni li l-Kunsill żbalja meta uża l-Artikolu 43(3) TFUE flimkien mal-Artikolu 218(6)(b) TFUE bħala l-bażi legali għad-Deċiżjoni. It-tieni motiv huwa invokat sussidjarjament: il-Kunsill żbalja meta naqas milli jinterpreta l-Artikolu 218(6)(a)(v) TFUE bħala li jipprekludi l-użu tal-proċedura tal-Artikolu 218(6)(b) TFUE biex jadotta d-Deċiżjoni.
59.
Fil-Kawża C‑165/12, il-Kummissjoni tqajjem tliet motivi ( 24 ). L-ewwel motiv huwa li l-Kunsill kiser, min-naħa l-waħda, l-Artikoli 43(2) TFUE u 218(6)(a) TFUE meta uża l-Artikoli 43(3) TFUE u 218(6)(b) TFUE bħala l-bażi legali tad-Deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, kiser it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE meta naqas milli jiddikjara r-raġunijiet għall-bażi legali magħżula. Dan il-motiv huwa maqsum fi tliet partijiet: il-Kunsill (i) żbalja meta assimila dikjarazzjoni unilaterali ta’ aċċess ma’ azzjoni esterna li tiffissa opportunitajiet tas-sajd, (ii) żbalja meta ħa l-pożizzjoni li l-issuġġettar tal-bastimenti tal-Venezwela għall-PKS joriġina mill-azzjoni esterna li tiffissa opportunitajiet tas-sajd u (iii) ta raġunijiet kontradittorji għall-għażla tiegħu tal-bażi legali. It-tieni motiv huwa li l-Kunsill naqas milli josserva l-prerogattivi tal-Parlament billi adotta d-Deċiżjoni mingħajr l-approvazzjoni tiegħu. It-tielet motiv, imqajjem sussidjarjament, huwa li l-Kunsill kiser l-Artikolu 17 TUE u l-Artikolu 218(6) TFUE billi biddel il-proposta tal-Kummissjoni.
60.
Fil-Kawża C‑165/12, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 264(2) TFUE biex titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex iżżomm l-effetti tad-Deċiżjoni annullata sakemm tidħol fis-seħħ deċiżjoni ġdida adottata, f’perjodu raġonevoli, skont il-bażi legali t-tajba, jiġifieri l-Artikolu 43(2) TFUE flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) TFUE, jew, f’każ li l-Parlament jirrifjuta li jagħti l-approvazzjoni tiegħu, sal-iskadenza ta’ perjodu raġonevolment qasir wara d-deċiżjoni tal-Parlament li tirrifjuta l-approvazzjoni.
61.
B’ordni tat-2 ta’ Mejju 2013, iż-żewġ kawżi ġew magħquda.
62.
Il-Gvernijiet tar-Repubblika Ċeka, ta’ Franza, tal-Polonja u ta’ Spanja intervenew b’appoġġ għall-Kunsill, għalkemm l-intervent tal-Gvern Spanjol kien tard wisq biex seta’ jissottometti dikjarazzjoni bil-miktub. Waqt is-smigħ tad-19 ta’ Novembru 2013, il-Parlament, il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Gvernijiet ta’ Franza u ta’ Spanja ppreżentaw argumenti orali.
L-evalwazzjoni
Rimarki preliminari
63.
Fl-ebda kawża minnhom ma huwa ssuġġerit li bastimenti tal-Venezwela ma misshomx tħallew jistadu fl-ilmijiet tal-UE. Il-partijiet kollha rreferew għall-fatt li, tul perjodu twil qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni, awtorizzazzjonijiet tas-sajd biex isir hekk ingħataw lil bastimenti tal-Venezwela mingħajr ebda att tad-dritt internazzjonali espress. Ma neskludix il-possibbiltà li prattika bħal dik setgħet ġabet magħha aspettattivi leġittimi dwar aċċess. Jekk hija fiha nfisha kinitx tammonta għal ftehim jidher li ma huwiex probabbli, partikolarment għaliex il-fatti juru li d-Dikjarazzjoni kienet adottata bħala rimedju għan-nuqqas ta’ att internazzjonali u li, bħalma l-Kummissjoni tinnota, attentat preċedenti biex ikun innegozjat ftehim mal-Venezwela kien falla ( 25 ). F’kull każ, ir-rikorsi f’dawn il-proċeduri ma jirrigwardawx il-karattru legali u l-legalità ta’ dik il-prattika l-imgħoddija; u l-Qorti tal-Ġustizzja ma jeħtiġilhiex tiddeċiedi dwar jekk dik il-prattika kinitx konsistenti mad-dritt internazzjonali. Minflok, il-Parlament u l-Kummissjoni hawnhekk qed jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-Deċiżjoni li biha ngħatat bażi legali formali għal dak l-aċċess.
64.
Jekk nassumu li l-mistoqsija inizjali dwar jekk l-UE għandhiex il-kapaċità skont id-dritt internazzjonali toħroġ dikjarazzjoni vinkolanti unilateralment titwieġeb fl-affermattiv, imbagħad jinqalgħu kwistjonijiet dwar kompetenza. Il-kapaċità li jinħareġ strument bħal dan ma hijiex biżżejjed biex wieħed jikkonkludi li, skont il-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi, l-UE għandha kompetenza biex tagħmel hekk ( 26 ).
65.
Jekk id-Deċiżjoni tadotta Dikjarazzjoni li tieħu l-forma ta’ azzjoni esterna li permezz tagħha l-UE tassumi obbligu skont id-dritt internazzjonali, għandu jkun hemm bażi legali għal dik l-azzjoni. Jekk il-mistoqsija “X’tista’ tagħmel l-UE?” tkun solvuta, il-mistoqsija li jmiss tkun “Kif tista’ tagħmel dan l-UE?” ( 27 ). L-istess mistoqsijiet jinqalgħu fir-rigward ta’ azzjoni interna. Dispożizzjoni waħda tista’ twieġeb iż-żewġ mistoqsijiet, iżda dak mhux dejjem il-każ.
66.
L-Artikolu 218 TFUE jistabbilixxi kif l-UE tista’ torbot lilha nfisha permezz ta’ ftehim internazzjonali f’qasam li fih hija kompetenti (kemm jekk dik il-kompetenza tkun esklużiva kif ukoll jekk kondiviża mal-Istati Membri). Fir-rigward ta’ stadju wieħed f’dik il-proċedura — l-involviment tal-Parlament — jista’ jkun meħtieġ ukoll li jsir riferiment għal regoli għal adozzjoni ta’ miżura interna f’qasam partikolari. Madankollu, it-Trattati huma siekta dwar il-proċedura għal formulazzjoni ta’ dikjarazzjoni vinkolanti unilateralment. Tista’ l-UE, għalhekk, fir-rigward ta’ materja li għaliha hija għandha kompetenza biex taġixxi esternament, tuża dikjarazzjoni vinkolanti unilateralment (li permezz tagħha hija tassumi obbligi skont id-dritt internazzjonali)? Jekk dan huwa l-każ, kif tista’ tiġi adottata dikjarazzjoni bħal dik?
67.
B’hekk, filwaqt li ż-żewġ settijiet ta’ proċeduri jirrigwardaw il-bażi legali u l-proċedura għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni, dawk il-mistoqsijiet kienu jkunu diskutibbli kieku t-Trattati (u, kif ser nispjega, id-dritt internazzjonali) ma awtorizzawx lill-UE biex tassumi obbligu lejn Stat terz ( 28 ) permezz ta’ strument vinkolanti unilateralment — jekk dik tkun tabilħaqq il-karatterizzazzjoni tad-Dikjarazzjoni bħala għajn ta’ obbligi skont id-dritt internazzjonali. Skont l-Artikolu 47 TUE, l-UE għandha personalità ġuridika u, għalhekk, il-kapaċità li taġixxi. Iżda dak jimplika wkoll il-kapaċità li tadotta strument vinkolanti unilateralment? Jekk dak huwa l-każ u l-UE hija kompetenti, liema proċeduri japplikaw? Jekk, min-naħa l-oħra, id-Dikjarazzjoni hija ftehim internazzjonali jew tagħmel parti minnu, tqum ukoll il-mistoqsija dwar kif l-Artikolu 218 TFUE japplika għal ftehim ifformat f’din il-materja. Dawn il-kwistjonijiet bażiċi ta’ prinċipju, filwaqt li ma jifformawx il-bażi ta’ motiv speċifiku, kienu, madankollu, imsemmijin xi ftit f’xi osservazzjonijiet bil-miktub u esplorati iktar waqt is-smigħ. Jolqtu l-bażi legali tad-Deċiżjoni, b’mod partikolari jekk (u/jew kif) wara kollox l-Artikolu 218 TFUE kienx japplika.
68.
Nibda biex niddiskuti jekk id-Dikjarazzjoni hijiex, bħala materja tad-dritt internazzjonali, strument vinkolanti unilateralment jew ftehim internazzjonali. Jekk hija tal-ewwel u jekk skont id-dritt internazzjonali organizzazzjoni internazzjonali ( 29 ) ma għandhiex il-kapaċità li torbot lilha nfisha permezz ta’ strument bħal dan, id-dritt tal-UE għandu jirrispetta d-dritt internazzjonali f’dak ir-rigward ( 30 ). Jekk id-dritt internazzjonali ma jeskludix tali kapaċità, il-kundizzjonijiet biex tkun ifformulata u adottata dikjarazzjoni bħal dik jinkludu dawk li joħorġu mir-regoli interni li bihom dik l-organizzazzjoni internazzjonali tkun irregolata — hawnhekk id-dritt tal-UE. F’dawn il-proċeduri, hemm, għalhekk, kwistjonijiet li jinvolvu r-relazzjoni bejn id-dritt internazzjonali u d-dritt tal-UE.
L-istatus tad-Dikjarazzjoni
69.
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-partijiet kollha dehru li assumew li d-Dikjarazzjoni kienet strument vinkolanti unilateralment u kienet maħsuba biex ikollha effetti legali. Waqt is-smigħ, li matulu l-partijiet kienu mistoqsijin dwar l-istatus tad-Dikjarazzjoni skont id-dritt internazzjonali, il-Parlament, li miegħu ngħaqad il-Gvern Spanjol, ħa l-pożizzjoni li d-Dikjarazzjoni hija strument vinkolanti unilateralment u għandha effetti ekwivalenti għal dawk ta’ ftehim internazzjonali. Madankollu, lejn tmiem is-smigħ il-Parlament deher li ssuġġerixxa li kien ifformat ftehim internazzjonali. B’kuntrast, il-Gvern Spanjol żamm il-pożizzjoni tiegħu li d-Dikjarazzjoni ma kinitx ftehim internazzjonali. Il-Kummissjoni kienet ukoll tal-fehma li d-Dikjarazzjoni kienet strument vinkolanti unilateralment. Hija kkonfermat li ma kinux saru negozjati mal-Venezwela qabel l-adozzjoni tal-proposta għad-Deċiżjoni (u, għalhekk, ma kienet intalbet ebda awtorizzazzjoni biex isiru negozjati skont l-Artikolu 218 TFUE). Il-Venezwela rrikonoxxiet li kienet irċeviet id-Deċiżjoni wara li kienet adottata u applikat għal awtorizzazzjonijiet tas-sajd. Il-Kummissjoni ssottomettiet li ma setax ikun stabbilit b’ċertezza li b’hekk kien ifformulat ftehim internazzjonali. Il-Gvern Franċiż ħa l-pożizzjoni li l-Artikolu 218 TFUE kien japplika fi kwalunkwe każ. Fl-aħħar nett il-Kunsill deher li aċċetta li d-Dikjarazzjoni kienet strument vinkolanti unilateralment. Madankollu, qal ukoll li d-Dikjarazzjoni kienet element kostitwenti ta’ ftehim internazzjonali li sussegwentement kien aċċettat mill-Venezwela meta din tal-aħħar applikat għal awtorizzazzjonijiet tas-sajd.
70.
Waqt is-smigħ, l-ebda waħda mill-partijiet ma setgħet toffri eżempji ta’ strumenti oħra vinkolanti unilateralment adottati mill-UE jew minn organizzazzjonijiet intergovernattivi oħra.
71.
Huwa — biex inpoġġieha b’mod newtrali — daqxejn stramb li d-Deċiżjoni apparentement ġiet adottata skont l-Artikolu 218(6) TFUE mingħajr ebda waħda mill-istituzzjonijiet li kellhom x’jaqsmu ma kienet taf eżattament għaliex u għal xiex dik il-proċedura kienet applikata.
72.
Fil-fehma tiegħi, hemm żewġ għażliet: jew id-Dikjarazzjoni hija strument vinkolanti unilateralment jew hija dikjarazzjoni unilaterali maħsuba biex ikollha effetti legali biss meta sussegwentement tkun aċċettata mill-Istat terz li favur tiegħu tkun saret (f’liema każ huwa aspett wieħed biss ta’ ftehim internazzjonali).
73.
Nibda bil-kontenut u bl-għanijiet tad-Dikjarazzjoni ( 31 ).
74.
It-titolu tat-Dikjarazzjoni jagħmilha ċara li hija indirizzata lill-Venezwela u li s-suġġett tagħha huwa l-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE għal bastimenti tal-Venezwela. Jien u naqra l-punt 1, id-Dikjarazzjoni nfisha ma tagħtix awtorizzazzjonijiet tas-sajd. Minflok għandha impenn mill-UE li hija “[…] għandha toħroġ awtorizzazzjonijiet tas-sajd lil għadd limitat” ta’ bastimenti tal-Venezwela “[…] soġġett ġħall-kondizzjonijiet imniżżla f’din id-Dikjarazzjoni”, b’mod partikolari fil-punti 2 u 3. Għalhekk, skont il-punt 2, bastimenti awtorizzati tal-Venezwela jkun jeħtiġilhom li jkunu konformi mal-liġijiet tal-UE dwar il-PKS fir-rigward tal-miżuri ta’ konservazzjoni u kontroll u ta’ liġijiet oħra tal-UE li jirregolaw attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE. Il-punt 3 mbagħad jiffoka fuq tliet obbligi speċifiċi, jiġifieri l-konformità mal-liġijiet tal-UE dwar (i) il-ħażniet ta’ ħut li jistgħu jiġu mmirati, (ii) l-għadd massimu ta’ bastimenti awtorizzati u (iii) il-proporzjon ta’ qabdiet li għandhom jinħattu fil-portijiet tal-Gujana Franċiża.
75.
Għalhekk il-fokus tad-Dikjarazzjoni huwa fuq l-impenn tal-UE li jingħata lil (għadd mhux speċifikat ta’) bastimenti tal-Venezwela aċċess għall-ilmijiet tagħha biex jaqbdu ċerti (tipi mhux speċifikati ta’) ħażniet ta’ ħut hemmhekk u jiżbarkaw proporzjon (mhux speċifikat) ta’ qabdiet f’portijiet tal-Gujana Franċiża.
76.
Xejn fit-test tad-Dikjarazzjoni ma jissuġġerixxi li l-validità ta’ dak l-impenn tiddependi mill-aċċettazzjoni tal-Venezwela. Id-Dikjarazzjoni lanqas ma tissuġġetta lill-Venezwela għal obbligi mingħajr il-kunsens tagħha. Bastimenti awtorizzati jkun jeħtiġilhom jikkonformaw mal-liġijiet tal-UE biex jieħdu vantaġġ mill-awtorizzazzjonijiet mogħtija lilhom; iżda dak ma jirrendix l-impenn tal-UE fid-Dikjarazzjoni dipendenti fuq il-kundizzjoni li l-Venezwela tħares xi obbligu ( 32 ). Ma hemm xejn ukoll fit-test tad-Dikjarazzjoni nfisha li jissuġġerixxi li hija tirreġistra biss ftehim eżistenti konkluż bejn l-UE u l-Venezwela.
77.
Fil-punt 4, l-UE tirriżerva li tkun ħielsa tirtira f’kull waqt, permezz ta’ dikjarazzjoni unilaterali, l-impenn espress fid-Dikjarazzjoni ( 33 ).
78.
Għalhekk id-Dikjarazzjoni hija strument li joħroġ mill-UE li hija maħsuba tipproduċi effetti legali skont id-dritt internazzjonali u li tkun bażi li bastimenti tal-Venezwela jkunu jistgħu jinvokaw biex japplikaw għal awtorizzazzjonijiet tas-sajd. Madankollu, la dawk il-karatteristiċi u lanqas il-fatt li l-att jissejjaħ “Dikjarazzjoni” ma jsolvu jekk id-Dikjarazzjoni hijiex, bħala materja tad-dritt internazzjonali, strument vinkolanti unilateralment jew element ta’ ftehim internazzjonali.
79.
Skont id-dritt internazzjonali, ftehim internazzjonali jista’ jsir permezz ta’ strument unilaterali li jesprimi l-intenzjoni li jintrabat b’offerta diġà magħmula jew li tkun offerta li sussegwentement tkun aċċettata. Id-definizzjoni ta’ “Trattat” fil-Konvenzjonijiet ta’ Vjenna tal‑1969 u tal-1986 ( 34 ), għalkemm ma hijiex eżawrjenti dwar il-forom kollha ta’ trattati skont id-dritt internazzjonali ( 35 ), hija wiesgħa biżżejjed biex tinkludi trattati li jkunu konklużi b’dan il-mod. Għalhekk, skont dik id-definizzjoni, trattat jista’ jkun inkorporat f’żewġ strumenti jew iktar li jkunu relatati.
80.
B’mod konsistenti ma’ dan, id-dritt tal-UE wkoll ma jiddistingwix bejn tipi ta’ ftehim skont kif ikunu konklużi. L-Artikolu 218(7) TFUE jipprovdi għal proċedura ssimplifikata biss għal emendi fi ftehim. Jidhirli li kull meta l-UE jkollha kompetenza biex tinnegozja u tikkonkludi ftehim internazzjonali, it-Trattati jawtorizzaw lill-UE teżerċita dik il-kompetenza billi tikkonkludi kull forma ta’ ftehim kopert mid-definizzjonijiet ta’ trattat fil-Konvenzjonijiet ta’ Vjenna tal-1969 u tal-1986 (u possibbilment, tabilħaqq, forom mhux koperti minn dawk id-definizzjonijiet) ( 36 ).
81.
Madankollu, f’dawn il-proċeduri, ma sibt ebda evidenza tal-intenzjoni tal-Venezwela li hija tintrabat bit-termini tad-Dikjarazzjoni. Meta l-Venezwela applikat għal awtorizzazzjonijiet tas-sajd, jidhirli li ma kinitx “aċċettat” l-offerta tal-UE b’intenzjoni li tintrabat biha bħala ftehim. Minflok, meta għamlet hekk hija bbażat ruħha in bona fide fuq l-impenn tal-UE fid-Dikjarazzjoni u sussegwentement ikkonfermat fir-Regolament TAC tal-2012 (li sa dak l-istadju kien diġà ġie adottat). Il-fatt li d-Dikjarazzjoni pproduċiet l-effetti maħsubin tagħha, u, b’hekk, kienet ta’ benefiċċju għall-Venezwela, ma huwiex bażi suffiċjenti biex wieħed jikkonkludi li l-Venezwela aċċettat li tintrabat bid-Dikjarazzjoni bħala ftehim konkluż bejnha u l-UE. Lanqas is-sempliċi fatt li rċeviet in-notifika tad-Dikjarazzjoni jew l-istħarriġ sussegwenti mill-Venezwela dwar l-effett tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jikkostitwixxu bażi bħal din. Barra minn hekk, jekk l-għan kollu kemm hu tad-Deċiżjoni kien li jkun żgurat li jkun hemm att internazzjonali għall-aċċess għall-ilmijiet tal-UE qabel ma setgħu jkunu ffissati opportunitajiet tas-sajd u jinħarġu awtorizzazzjonijiet, ftehim ifformat biss meta l-Venezwela applikat għal awtorizzazzjonijiet tas-sajd wara li kienu ffissati opportunitajiet tas-sajd jonqos milli jissodisfa dak l-għan.
82.
Barra dan, jekk l-intenzjoni kienet biss li tkun ifformulata offerta fid-Dikjarazzjoni, il-Kummissjoni kien missha talbet awtorizzazzjoni mill-Kunsill skont l-Artikolu 218(3) TFUE qabel in-negozjati (li l-formulazzjoni ta’ offerta bħal din kien tagħmel parti minnhom). Il-Kunsill imbagħad kien ikun jeħtieġlu jerġa’ jintervjeni, skont l-Artikolu 218(6) TFUE, meta t-trattat kien jiġi fformulat, jiġifieri meta l-Venezwela kienet taċċetta l-offerta u wara li kienet tikseb (kif xieraq) l-approvazzjoni jew l-opinjoni tal-Parlament.
83.
Jekk id-Dikjarazzjoni ma hijiex element ta’ ftehim internazzjonali, hija strument vinkolanti unilateralment awtorizzat skont id-dritt internazzjonali u d-dritt tal-UE?
84.
Fid-dritt internazzjonali, strumenti unilaterali jistgħu jkunu ta’ forom differenti u għandhom funzjonijiet u effetti legali (u/jew politiċi) differenti. Pereżempju, dikjarazzjonijiet jistgħu jintużaw biex ikunu rikonoxxuti Stati ġodda, biex issir stqarrija politika, biex tkun aċċettata l-ġurisdizzjoni ta’ qorti jew biex issir dikjarazzjoni interpretattiva li tissodisfa l-kundizzjonijiet biex titqies bħala prova tal-eżistenza tad-dritt internazzjonali konswetudinarju. Fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, il-fokus huwa fuq dikjarazzjoni unilaterali bil-miktub li biha l-UE tassumi, bħala materja tad-dritt internazzjonali, obbligi favur Stat terz ( 37 ).
85.
Il-kapaċità ta’ Stati li jagħmlu tip bħal dan ta’ dikjarazzjoni ma hijiex ikkontestata skont id-dritt internazzjonali ( 38 ), anki jekk l-istatus skont id-dritt internazzjonali konswetudinarju ta’ xi wħud mill-kundizzjonijiet li jirrendu dikjarazzjoni bħal din vinkolanti jista’ ma jkunux għadhom ġew iddeterminat jew ikkonfermati. Jekk persuni ġuridiċi oħra, b’mod partikolari organizzazzjonijiet internazzjonali, għandhomx il-kapaċità li jagħmlu dikjarazzjonijiet simili għadha, sa fejn naf jiena, ma ġietx deċiża minn ebda qorti jew tribunal internazzjonali jew eżaminata b’mod iddettaljat mill-Kummissjoni tad-Dritt Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il-“KDI”).
86.
Organizzazzjonijiet internazzjonali, eżattament bħal Stati, jista’ jkollhom personalità ġuridika. B’differenza mill-Istati, il-kapaċità li tirriżulta minn dik il-personalità ġuridika għandha tingħata lill-organizzazzjoni (f’termini espliċiti jew impliċiti). Ma nara ebda raġuni għaliex id-dritt internazzjonali jipprekludi lil organizzazzjoni internazzjonali b’personalità ġuridika internazzjonali milli jkollha l-kapaċità li tagħmel dikjarazzjoni unilaterali bl-intenzjoni li tintrabat sakemm it-trattati kostituttivi li jistabbilixxu lil dik l-organizzazzjoni jawtorizzawha tagħmel hekk ( 39 ). Jekk organizzazzjoni internazzjonali jkollha l-kapaċità b’hekk li tikkonkludi ftehimiet internazzjonali u, għaldaqstant li taċċetta li tintrabat fuq dik il-bażi vis-à-vis Stati jew organizzazzjonijiet internazzjonali oħra (irrispettivament mit-tip tal-obbligu u b’mod partikolari jekk ikunx reċiproku), fil-prinċipju, id-dritt internazzjonali ma jipprekludix lil dik l-organizzazzjoni milli jkollha l-kapaċità li taċċetta li tintrabat bl-istess obbligu billi tuża dikjarazzjoni unilaterali.
87.
Barra dan, filwaqt li sorsi differenti ta’ obbligi jistgħu jkunu suġġetti għal kundizzjonijiet partikolari dwar, pereżempju, il-formazzjoni, il-validità u t-terminazzjoni tagħhom, il-prinċipji bażiċi li jirfduhom — b’mod partikolari l-prinċipji ta’ bona fide u ta’ kunsens — jibqgħu l-istess. Għal dik ir-raġuni, jidhirli li kundizzjonijiet dwar, pereżempju, formazzjoni, validità u rtirar li kienu żviluppati fid-dritt internazzjonali fir-rigward ta’ dikjarazzjonijiet magħmulin minn Stati jistgħu bl-istess mod ikunu applikati għal dikjarazzjonijiet magħmulin minn organizzazzjoni internazzjonali, ukoll jekk xi kundizzjonijiet ma jkunux jistgħu japplikaw eżattament bl-istess mod.
88.
X’inhuma dawk il-kundizzjonijiet?
89.
Skont id-dritt internazzjonali, dak li jimporta hija l-espressjoni (orali jew miktuba) f’termini ċari u speċifiċi ( 40 ) tal-intenzjoni li jkunu prodotti effetti legali fid-dritt internazzjonali u, għalhekk, li jinħolqu wkoll obbligi għall-awtur tad-dikjarazzjoni. Sakemm dik l-intenzjoni tkun ċara u ssir pubblika, id-dritt internazzjonali ġeneralment ma jippreskrivix rekwiżiti formali ( 41 ). L-intenzjoni għandha tkun stabbilita fid-dawl tal-kontenut attwali tad-dikjarazzjoni u taċ-ċirkustanzi fattwali kollha li fihom tkun saret ( 42 ) u tkun espressa mill-awtorità mogħtija s-setgħa li tagħmel dikjarazzjonijiet vinkolanti bħal dawk ( 43 ).
90.
Dan l-approċċ huwa rifless ukoll fil-Prinċipju Gwida 1 tal-KDI li jgħid: “Dikjarazzjonijiet magħmulin pubbliċi u li juru r-rieda li jkun hemm rabta jista’ jkollhom l-effett li joħolqu obbligi legali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 44 ). Filwaqt li l-Prinċipji Gwida ma humiex vinkolanti u li l-awtorità u t-tkomplija tagħhom jista’ jkun jeħtiġilhom ikunu stabbiliti tul iż-żmien, jiena, madankollu, nqishom li huma estrapolazzjoni siewja ta’ ġurisprudenza u prattika tal-Istat fir-rigward, b’mod partikolari, tan-natura vinkolanti ta’ dikjarazzjonijiet unilaterali ( 45 ).
91.
Isegwi mbagħad mill-prinċipju ta’ bona fide li “[…] Stati interessati jistgħu jieħdu konoxxenza ta’ dikjarazzjonijiet unilaterali u jqiegħdu l-fiduċja tagħhom fihom, u jkunu intitolati jeżiġu li l-obbligu hekk maħluq ikun osservat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 46 ). Dak il-prinċipju japplika wkoll għaċ-ċirkustanzi li fihom dikjarazzjoni vinkolanti unilateralment tkun tista’ tiġi rtirata.
92.
Madankollu, b’mod konsistenti mal-prinċipju li ma jista’ jkun impost ebda obbligu fuq Stat mingħajr il-kunsens tiegħu ( 47 ), dikjarazzjoni vinkolanti unilateralment ma tistax toħloq obbligi għal Stati oħra. Għalhekk il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja rriteniet li dikjarazzjoni unilaterali tkun vinkolanti meta “[…] xejn fin-natura ta’ quid pro quo, lanqas kull aċċettazzjoni sussegwenti tad-Dikjarazzjoni, u lanqas kwalunkwe risposta jew reazzjoni minn Stati oħra, ma huma meħtieġa sabiex id-dikjarazzjoni jkollha effett, minħabba li ħtieġa bħal din ma tkunx konsistenti man-natura strettament unilaterali tal-att ġuridiku li bih id-dikjarazzjoni tkun saret mill-Istat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 48 ).
93.
F’dawn il-proċeduri, id-Dikjarazzjoni saret pubblika permezz tal-pubblikazzjoni u n-notifika lill-Venezwela. Kif spjegajt, hija titkellem dwar l-intenzjoni tal-UE li timpenja ruħha biex tagħti opportunitajiet tas-sajd u toħroġ awtorizzazzjonijiet tas-sajd lill-Venezwela ( 49 ). Permezz tad-Dikjarazzjoni, l-UE timpenja lilha nfisha li żżomm milli teżerċita d-dritt sovran li għandha skont l-Artikolu 56(1)(a) tal-UNCLOS li tirrifjuta aċċess ta’ bastimenti ta’ pajjiżi fl-ilmijiet tal-UE biex jistadu hemmhekk. Dak l-impenn fih innifsu ma jawtorizzax bastimenti tal-Venezwela jidħlu fiż-ŻEE tal-Gujana Franċiża u jistadu hemmhekk. Skont id-dritt kemm tal-UE kif ukoll internazzjonali, iktar limitazzjonijiet fir-rigward tad-dritt li jsir sajd l-ewwel għandhom ikunu stabbiliti, prinċipalment permezz tal-iffissar u l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd. Fuq dik il-bażi jkunu mbagħad jistgħu jinħarġu awtorizzazzjonijiet tas-sajd individwali.
94.
Biex ikunu vinkolanti, dikjarazzjonijiet għandhom isiru minn entità li tkun awtorizzata tagħmel hekk. Jekk dak hux il-każ f’dawn il-proċeduri jiddependi mill-kompetenza tal-UE skont it-Trattati.
95.
L-UE għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mill-Istati Membri fit-Trattati ( 50 ). Id-Dikjarazzjoni 24 annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Lisbona, dwar il-personalità ġuridika tal-UE, ikkonfermat li l-personalità ġuridika “[…] bl-ebda mod m’hu ser [t]awtorizza lill-Unjoni sabiex tilleġisla jew taġixxi lil hinn mill-kompetenzi mogħtija lilha mill-Istati Membri fit-Trattati” ( 51 ).
96.
It-Trattati ma jawtorizzawx espressament l-użu ta’ dikjarazzjonijiet vinkolanti unilateralment fir-relazzjonijiet esterni tal-UE (f’oqsma fil-kompetenza esterna tal-UE). B’kuntrast, huma fil-fatt jawtorizzaw lill-UE taċċetta obbligi favur Stati terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali permezz ta’ “ftehim internazzjonali”. L-Artikolu 218 TFUE ssostitwixxa l-Artikolu 300(1) KE, li mbagħad issostitwixxa l-Artikolu 228(1) KEE. Dawn l-aħħar żewġ dispożizzjonijiet użaw biss il-kelma “ftehim” biex jiddeskrivu l-proċedura interna li għandha tintuża fin-negozjar u fil-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet fl-Opinjoni 1/75 li l-kelma “ftehim” tintuża “f’sens ġenerali biex jindika kull impenn meħud minn entitajiet suġġett għad-dritt internazzjonali li jkollu forza vinkolanti, ikun x’ikun l-isem formali tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 52 ). Fil-Kawża C‑327/91 Franza vs Il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja użat ukoll id-definizzjoni ta’ “trattat” li jiġi konkluż bejn organizzazzjoni internazzjonali u Stat li tinsab fl-Artikolu 2(1)(a)(i) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1986 ( 53 ). Wiesgħa kemm hi wiesgħa d-definizzjoni tal-terminu, huwa ċar li (ikun x’ikun il-kuntest) ftehim jippresupponi li jkun hemm ħsieb wieħed bejn mill-inqas żewġ partijiet. Għalhekk ma tkoprix iċ-ċirkustanza fejn l-UE tesprimi l-intenzjoni tagħha li tintrabat bit-termini tad-dikjarazzjoni tagħha mingħajr il-ħtieġa ta’ aċċettazzjoni mill-Istat terz li favur tiegħu dik id-dikjarazzjoni tkun saret. Lanqas ma tapplika għal strumenti li ma jinkludux impenn vinkolanti ( 54 ).
97.
Madankollu nqis li, skont id-dritt tal-UE, l-UE tista’ fil-prinċipju taċċetta obbligu skont id-dritt internazzjonali permezz ta’ dikjarazzjoni vinkolanti unilateralment. Il-pożizzjoni tiegħi hija msejsa essenzjalment fuq l-istess kunsiderazzjonijiet ( 55 ) li wassluni biex nikkonkludi li d-dritt internazzjonali ma jipprekludix lil organizzazzjonijiet internazzjonali milli jifformulaw dikjarazzjonijiet vinkolanti unilateralment.
98.
Wieħed mill-elementi essenzjali tal-personalità ġuridika tal-UE huwa li tista’ tassumi obbligi skont id-dritt internazzjonali. Id-dispożizzjonijiet fit-Trattati dwar ftehimiet internazzjonali jikkonfermaw dan espressament. Ftehimiet internazzjonali huma sors wieħed ta’ obbligi bħal dawn; dikjarazzjonijiet vinkolanti unilateralment huma ieħor.
99.
Biex insostni iktar dak li qed ngħid, nagħmel paragun mal-motivazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ERTA ( 56 ). Hemmhekk in-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċifiċi tat-Trattat dwar in-negozjati u l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali ma kienx ta’ tfixkil għall-konferma li l-UE kellha kompetenza li tagħmel hekk ( 57 ). F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja rriżolviet is-skiet tat-test tat-Trattat billi eżaminat is-sistema ġenerali tad-dritt Komunitarju (ta’ dak iż-żmien) fl-isfera tar-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi ( 58 ). Il-punt tat-tluq tagħha kien il-personalità ġuridika tal-Komunità Ekonomika Ewropea (ta’ dak iż-żmien) ( 59 ). Anki qabel ma qieset is-suġġett tal-ftehim, il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet li personalità ġuridika kienet tfisser li “[…] fir-relazzjonijiet esterni tagħha l-Komunità tgawdi l-kapaċità li tistabbilixxi rabtiet kuntrattwali ma’ pajjiżi terzi […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 60 ).
100.
Kif nifhem dik il-parti tas-sentenza ERTA, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-kunċett tal-personalità ġuridika internazzjonali kellu jkun interpretat b’riferiment għall-kapaċitajiet li d-dritt internazzjonali jagħtiha. B’analoġija, bil-kundizzjoni li d-dritt internazzjonali ma jipprekludix organizzazzjoni internazzjonali milli jkollha l-kapaċità li tagħmel u li tintrabat b’dikjarazzjonijiet unilaterali, il-fatt li l-UE għandha personalità ġuridika internazzjonali jfisser li hija tista’ tassumi obbligi skont id-dritt internazzjonali b’dan il-mod.
101.
Ninnota wkoll li dawk li abbozzaw il-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Ewropa kellhom il-ħsieb li, billi jagħmlu lill-UE suġġett tad-dritt internazzjonali, l-UE kienet tkun “[…] tista’ jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-mezzi kollha ta’ azzjoni internazzjonali (id-dritt li tikkonkludi trattati, id-dritt ta’ legazzjoni, id-dritt li tissottometti talbiet jew li taġixxi quddiem qorti internazzjonali jew imħallef, id-dritt li ssir membru ta’ organizzazzjoni internazzjonali jew li ssir parti ta’ konvenzjonijiet internazzjonali, pereżempju l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR), id-dritt li tgawdi immunitajiet), kif ukoll il-ħsieb li torbot lill-Unjoni internazzjonalment” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 61 ). Għalhekk inqis li l-UE tista’ toħroġ dikjarazzjonijiet vinkolanti unilateralment li permezz tagħhom tassumi obbligi skont id-dritt internazzjonali.
102.
Kif dan isir hija kwistjoni tad-dritt tal-UE ( 62 ).
103.
Kif diġà semmejt, l-Artikolu 218 TFUE jistabbilixxi kif obbligi assunti mill-UE vis-à-vis Stati terzi (u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra) permezz ta’ ftehim internazzjonali għandhom jiġu nnegozjati u kif ftehimiet bħal dawn għandhom jiġu ffirmati u konklużi. F’dik id-dispożizzjoni, regoli separati jikkonċernaw il-politika barranija u ta’ sigurtà komuni u żewġ paragrafi ma jikkonċernawx il-proċessi ta’ negozjar, iffirmar u konklużjoni (Artikolu 218(9) u (11) TFUE). La l-Artikolu 218 TFUE u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tat-Trattat ma tikkonċerna espressament il-proċedura għall-azzjoni esterna tal-UE permezz ta’ dikjarazzjoni vinkolanti unilateralment.
104.
Jekk l-UE għandha teżerċita kompetenza bħal din, ma jistax ikun minnu li ma tapplika ebda regola proċedurali. Inkella kulħadd ikun jista’ jagħmel li jrid dwar, inter alia, min ikun jista’ jieħu l-inizjattiva, liema istituzzjonijiet ikunu involuti u min ikun jeħtieġlu jitkellem lil min u meta. Jeħtieġu wkoll garanziji proċedurali minħabba li dikjarazzjoni unilaterali bħal dik meta ssir validament tkun torbot lill-istituzzjonijiet tal-UE u tista’, għalhekk, tipprevali fuq atti tal-UE.
105.
Ebda parti f’dawn il-proċeduri ma argumentat li l-Artikolu 218 TFUE ma japplikax.
106.
Insib il-bażi proċedurali preċiża ta’ deċiżjoni li tadotta dikjarazzjoni vinkolanti unilateralment inqas evidenti.
107.
Il-fatt li t-Trattati ma jistabbilixxux il-proċedura għall-adozzjoni ta’ tip partikolari ta’ azzjoni esterna li biha l-UE tassumi obbligi skont id-dritt internazzjonali ma huwiex xi ħaġa eċċezzjonali. Storikament it-Trattati adattaw għall-prattika tar-relazzjonijiet esterni tal-UE u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak ir-rigward. Peress li dikjarazzjonijiet vinkolanti unilateralment minn organizzazzjonijiet internazzjonali huma kważi mingħajr preċedent, in-nuqqas ta’ proċedura espressa separata ma hijiex sorpriża.
108.
Għażla waħda hija li jiġi kkunsidrat li, fin-nuqqas ta’ bażi legali proċedurali espressa, l-UE ma tkunx tista’ teżerċita l-kompetenzi esterni tagħha permezz ta’ dikjarazzjoni vinkolanti unilateralment. Huwa għall-Istati Membri li jemendaw it-Trattati. Il-perikolu f’dak l-approċċ huwa li dan jimplika li l-UE tista’ tuża biss forom ta’ azzjoni esterna li għalihom jeżistu regoli proċedurali espressi fit-Trattati. Dak jista’ jimmina l-effikaċja tal-azzjoni tal-UE fix-xena internazzjonali. Il-fatti li huma l-bażi ta’ dawn il-proċeduri juru dak ir-riskju. L-UE riedet tevita tuża l-proċedura ta’ negozjar u konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali biex tirrispondi malajr għall-ħtieġa li jingħata titolu internazzjonali għal aċċess għall-ilmijiet tagħha (u b’dak il-mod tkun konformi mad-dritt tal-UE u mad-dritt internazzjonali).
109.
Mhux għall-Qorti tal-Ġustizzja li tfassal sett ta’ regoli proċedurali li għalihom ma hemmx bażi fit-Trattati. Ma’ dan li għidt, jista’ jkun hemm possibbiltajiet oħra.
110.
Għażla oħra tkun li jintuża l-Artikolu 352(1) TFUE bħala l-bażi legali għall-proċedura li għandha tkun applikata għal adozzjoni ta’ deċiżjoni li tapprova dikjarazzjoni vinkolanti unilateralment li s-suġġett tagħha jkun fil-kompetenza (esterna) tal-UE. Dak imbagħad jiffunzjona bħala tip ta’ proċedura fil-kontumaċja għal azzjoni esterna tal-UE li għaliha t-Trattati ma jipprovdux regoli proċedurali. Bħala tali, it-test tal-Artikolu 352(1) TFUE ma jidhirx li jeskludi dik il-possibbiltà ( 63 ). Jista’ jiġi invokat fejn azzjoni tal-UE tkun meħtieġa biex jinkiseb wieħed mill-objettivi stabbiliti fit-Trattati u t-Trattati ma jipprovdux is-setgħat meħtieġa għal dik l-azzjoni. Il-funzjoni tiegħu hija li jimla l-vojt fejn ebda dispożizzjoni speċifika tat-Trattat ma tagħti setgħat espliċiti jew impliċiti għal azzjoni iżda li setgħat bħal dawn ikunu madankollu meħtieġa ( 64 ). Din l-għażla tinvolvi l-aċċettazzjoni li “is-setgħat meħtieġa” li huma neqsin jistgħu jinkludu r-regoli proċedurali għall-adozzjoni ta’ dikjarazzjoni vinkolanti unilateralment. Skont l-Artikolu 352(1) TFUE, id-Dikjarazzjoni jkun jeħtiġilha tiġi adottata mill-Kunsill li jaġixxi b’mod unanimu fuq il-proposta tal-Kummissjoni u wara li jikseb l-approvazzjoni tal-Parlament. Skont l-Artikolu 352(2) TFUE, il-Kummissjoni jkun jeħtiġilha wkoll tiġbed l-attenzjoni tal-Parlamenti nazzjonali għall-proposti b’din il-bażi legali. L-adozzjoni ta’ dikjarazzjoni vinkolanti unilateralment tkun, għalhekk, tinvolvi l-użu ta’ proċedura li hija iktar kunsiderevolment stretta u ta’ iktar żgombru f’xi aspetti minn dik prevista għal ftehimiet internazzjonali fl-Artikolu 218 TFUE. Hemm il-perikolu wkoll li kull forma ta’ azzjoni esterna li għaliha ma jeżistux regoli proċedurali espliċiti jkollha mbagħad tkun adottata skont din il-proċedura.
111.
F’dawn il-proċeduri din is-soluzzjoni timplika li l-bażi legali tad-Deċiżjoni kellha tinkludi l-Artikolu 352(1) TFUE u d-dispożizzjoni(jiet) tat-Trattati li jistabbilixxu l-objettivi tal-azzjoni esterna — għalhekk b’riferiment għall-Artikolu 43(2) jew (3) TFUE. Madankollu l-kwistjoni jekk il-Kunsill kellux jikseb l-approvazzjoni jew l-opinjoni tal-Parlament ma tiddependix minn liema subparagrafu tal-Artikolu 43 TFUE kien japplika. Skont l-Artikolu 352(1) TFUE, il-Kunsill kien ikun jeħtieġlu jikseb l-approvazzjoni tiegħu.
112.
It-tielet għażla hija li jkun applikat l-Artikolu 218 TFUE b’analoġija.
113.
Dikjarazzjonijiet vinkolanti unilateralment u ftehimiet internazzjonali huma sorsi separati ta’ obbligi skont id-dritt internazzjonali. Madankollu, it-tnejn jinvolvu deċiżjoni tal-UE li torbot lilha nfisha skont id-dritt internazzjonali. Jidher, għalhekk, validu li wieħed jistaqsi: għaliex il-mod li bih dik id-deċiżjoni tittieħed għandu jkun fundamentalment differenti għal dikjarazzjonijiet vinkolanti unilateralment meta mqabblin ma’ ftehimiet internazzjonali? Dawk tal-ewwel ma humiex sempliċiment dikjarazzjonijiet jew stqarrijiet politiċi li permezz tagħhom l-UE tkun irrappreżentata fix-xena internazzjonali jew li jsiru fil-kuntest tal-involviment tal-UE fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livell internazzjonali. Lanqas ma huma tip ta’ deċiżjoni interna li għandha tkun adottata skont proċeduri li japplikaw għal azzjoni interna (bħal, possibbilment, il-proċedura leġiżlattiva ordinarja).
114.
Jekk dak huwa minnu, jista’ l-Artikolu 218 TFUE japplika b’analoġija?
115.
Essenzjalment l-Artikolu 218 TFUE jistabbilixxi l-proċeduri kostituzzjonali li għandhom ikunu applikati meta l-UE taġixxi biex issir parti għal ftehim internazzjonali, billi dak huwa l-iktar mod ovvju li bih l-UE tassumi obbligi skont id-dritt internazzjonali. Stati wkoll tipikament jipprevedu proċeduri kostituzzjonali għall-istess għan.
116.
L-Artikolu 218 TFUE huwa bbażat fuq bilanċ interistituzzjonali partikolari bejn il-Kummissjoni (li tibda l-proċess u tirrappreżenta lill-UE esternament), il-Kunsill (li huwa responsabbli li jiddeċiedi li l-UE għandha tkun marbuta mid-dritt internazzjonali) u l-Parlament (li għandu f’kull żmien ikun mgħarraf u jista’ jintalab biex japprova jew biex jagħti opinjoni) ( 65 ).
117.
L-Artikolu 218(3) u (4) TFUE jikkonċerna l-involviment tal-UE fin-negozjati dwar il-ftehim, u, għalhekk, il-kontenut tal-impenji li dwarhom l-UE tista’ mbagħad taqbel. Essenzjalment il-Kummissjoni għandha tirrappreżenta lill-UE wara deċiżjoni tal-Kunsill għal dak il-għan. Dawn l-istadji fil-proċedura jistgħu jidhru li huma mingħajr fini għal dikjarazzjoni vinkolanti unilateralment. Ma hemm ebda test għal negozjati ma’ partijiet terzi; u li l-Kummissjoni jkun jeħtiġilha li l-ewwel titlob awtorizzazzjoni mill-Kunsill biex tħejji proposta għad-dikjarazzjoni jidher li ma huwiex neċessarju, minħabba li dan tal-aħħar għandu fi kwalunkwe każ l-aħħar kelma dwar jekk l-UE għandhiex tkun marbuta skont id-dritt internazzjonali. Għal dikjarazzjonijiet vinkolanti unilateralment, ma hemmx ħtieġa li dawn id-distinzjonijiet isiru. Lanqas ma jista’ japplika l-Artikolu 218(7) TFUE, minħabba n-nuqqas ta’ ftehim li jipprovdi għal modifiki li għandhom ikunu adottati bi proċedura ssimplifikata jew minn korp li jkun twaqqaf.
118.
Madankollu, fil-fehma tiegħi, il-kompetenzi tal-Kunsill li jawtorizza l-iffirmar tal-ftehim u li jikkonkludi l-ftehim huma bbażati fuq bilanċ interistituzzjonali partikolari bejnu u l-Kummissjoni li huwa partikolari għal dik il-parti tal-proċedura. Hemm ukoll l-irwol tal-Istati Membri x’wieħed iqis ( 66 ). Hekk, pereżempju, jekk il-Kunsill jistax jew le (u possibbilment sa fejn) jirrifjuta li jadotta deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim għandu jitqies fid-dawl (mill-inqas) tal-kontenut tal-ftehim, tal-proposta tal-Kummissjoni, tad-direzzjonijiet tal-Kunsill dwar negozjar u kull element ieħor rilevanti għal dak l-istadju tal-proċedura. Jekk l-Artikolu 218(6) TFUE għandu japplika b’analoġija għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tapprova dikjarazzjoni vinkolanti unilateralment, jista’ wieħed sempliċement jassumi li għandu jeżisti bilanċ interistituzzjonali identiku u li l-kompetenzi rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Kunsill ikunu l-istess?
119.
Il-parti li jifdal tal-Artikolu 218(6) TFUE tista’ tkun trasposta faċilment għal deċiżjonijiet li japprovaw dikjarazzjonijiet vinkolanti unilateralment. Essenzjalment, il-Kunsill għandu jiddeċiedi (fil-prinċipju b’maġġoranza kwalifikata), dejjem b’xi forma ta’ involviment tal-Parlament. Għalhekk, anki fejn il-ftehim ikun ikopri suġġett li għalih it-Trattati ma jipprevedux rwol għall-Parlament, ftehim internazzjonali dwar l-istess suġġett ikun jeħtieġlu l-intervent tal-Parlament, li għandu wkoll, skont l-Artikolu 218(10) TFUE, ikun mgħarraf minnufih u b’mod sħiħ fl-istadji kollha tal-proċedura.
120.
Imbagħad hemm l-Artikolu 218(9) TFUE, li jwaqqaf il-proċedura “li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali”. Ma jidhirx li hemm raġunijiet konvinċenti biex tkun applikata dik il-proċedura speċifika anki għal dikjarazzjonijiet unilaterali magħmulin mill-UE li jkunu maħsubin li jorbtu lill-UE skont id-dritt internazzjonali indipendentement minn kull azzjoni oħra minn parti terza. Fil-fatt, jekk l-Artikolu 218(9) TFUE japplika għal dikjarazzjonijiet vinkolanti unilateralment, ma jkunx jimporta jekk dawn isirux jew le fil-kuntest ta’ sede stabbilita minn ftehim li tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali.
121.
Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 218(11) TFUE ma hijiex ikkontestata f’dawn il-proċeduri. L-objettiv ta’ dik id-dispożizzjoni huwa li “[…] [jipprekludi] l-kumplikazzjonijiet li jirriżultaw minn kontestazzjonijiet legali fir-rigward tal-kompatibbiltà mat-trattati ta’ ftehim internazzjonali li jinvolvu lill‑[UE]” ( 67 ). Billi l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu pożizzjoni dwar il-kontenut u l-proċedura għall-adozzjoni ta’ ftehim bħal dan, jistgħu jkunu evitati diffikultajiet serji u konsegwenzi ħżiena ( 68 ). Eżatt bħal ftehim internazzjonali, dikjarazzjoni vinkolanti unilateralment malli ssir iġġib obbligu skont id-dritt internazzjonali li fuqu Stati terzi jistgħu jibbażaw ruħhom u li l-ksur tiegħu jista’ jġib responsabbiltà skont id-dritt internazzjonali. Il-fatti f’dawn il-proċeduri juru dan b’mod tajjeb, u jsostnu iktar il-fehma li l-Artikolu 218(11) TFUE jista’ jkun traspost għal dikjarazzjonijiet vinkolanti unilateralment.
122.
Ir-raba’ għażla hija l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li fuqhom il-kompetenza esterna nfisha hija bbażata. Dik ir-regola tista’ twassal għal riżultati differenti. Sakemm dik il-kompetenza tkun espliċita, l-applikazzjoni tagħha tista’ tirriżulta fl-applikazzjoni mill-ġdid, b’analoġija, tal-Artikolu 218 TFUE (jew ta’ regoli speċifiċi dwar ftehimiet internazzjonali f’qasam partikolari). Jekk dik il-kompetenza tkun impliċita, ir-riżultat ikun li jiġu applikati l-istess regoli proċedurali kif applikati għall-azzjoni interna (espliċita). Għalhekk, pereżempju, dikjarazzjoni vinkolanti unilateralment jista’ jkun jeħtiġilha li tiġi adottata bl-applikazzjoni tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja. F’dak il-każ l-argumenti li jiena ġbart fil-qosor hawn fuq kontra l-applikazzjoni tal-Artikolu 218 TFUE b’analoġija (minħabba li d-dispożizzjoni sempliċement ma tqisx il-karattru ta’ dikjarazzjoni vinkolanti unilateralment jew il-mod li bih tkun ifformulata u, għalhekk, għandha r-riskju li tikkomprometti l-allokazzjoni tas-setgħat bejn l-istituzzjonijiet) jidhru li huma anki iktar rilevanti hawnhekk ( 69 ).
123.
Għalhekk, kull waħda minn dawn l-għażliet għandha dgħjufijiet. B’bilanċ, iżda, l-applikazzjoni tal-Artikolu 218 TFUE b’analoġija tidher li hija s-soluzzjoni l-iktar prattika, anki jekk dik il-konklużjoni teżiġi t-tiġbid tat-test tad-dispożizzjoni minħabba li mhux kull parti tista’ tapplika għal dikjarazzjonijiet vinkolanti unilateralment bl-istess mod bħal fil-każ ta’ ftehim internazzjonali.
124.
Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li l-Artikolu 218 TFUE ma jistax iservi bħala l-bażi legali proċedurali għad-Deċiżjoni, din tkun raġuni suffiċjenti għall-annullament tad-Deċiżjoni, mingħajr ma jkun hemm il-ħtieġa li jitqiesu l-motivi attwalment magħmulin mill-Parlament u mill-Kummissjoni.
125.
Issa ser ngħaddi biex inqis dawn il-motivi fuq l-assunzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tapprova l-użu tal-Artikolu 218 TFUE bħala l-bażi legali proċedurali biex l-UE tagħmel dikjarazzjoni vinkolanti unilateralment.
L-użu tal-bażi legali l-ħażina (l-ewwel motiv fil-Kawża C‑103/12 u l-ewwel u t-tieni parti tal-ewwel motiv talba fil-Kawża C‑165/12)
L-argumenti
126.
Il-Parlament u l-Kummissjoni jargumentaw li l-Kunsill żbalja meta bbaża d-Deċiżjoni fuq l-Artikoli 43(3) u 218(6)(b) TFUE minflok fuq l-Artikoli 43(2) u 218(6)(a) TFUE.
127.
Fis-sottomissjoni tagħhom, l-Artikolu 43(3) TFUE huwa eċċezzjoni għall-Artikolu 43(2) TFUE u, għalhekk, għandu jkun interpretat b’mod strett. Essenzjalment, dan tal-aħħar huwa bażi għal kull miżura (leġiżlattiva) meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi tal-PKS, filwaqt li dak tal-ewwel huwa bażi biss għall-miżuri (regolatorji) elenkati hemmhekk, b’mod partikolari miżuri li jiffissaw u jallokaw opportunitajiet tas-sajd. L-Artikolu 43(3) TFUE ma jsemmi la l-għoti ta’ aċċess għall-ilmijiet tal-UE lil bastimenti ta’ pajjiżi terzi biex jistadu hemmhekk u lanqas l-awtorizzazzjoni biex jeżerċitaw attivitajiet tas-sajd.
128.
L-Artikolu 43(3) TFUE ma huwiex dwar l-adozzjoni ta’ atti leġiżlattivi skont it-tifsira tal-Artikolu 289 TFUE. Dan tal-aħħar jintroduċi l-proċedura leġiżlattiva ordinarja (li hija ddefinita fl-Artikolu 294 TFUE) u jirreferi għall-użu ta’ proċeduri leġiżlattivi speċjali f’każijiet speċifiċi elenkati b’mod eżawrjenti fit-Trattati. Għalhekk, setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li ma jaqgħu fl-ebda waħda miż-żewġ kategoriji bilfors huma proċeduri mhux leġiżlattivi. Tabilħaqq, skont il-Kummissjoni, l-iffissar ta’ opportunitajiet tas-sajd huwa essenzjalment att eżekuttiv, anki jekk il-proċedura tal-Artikolu 43(3) TFUE hija sui generis. Il-Parlament jissottometti li ma tista’ tittieħed ebda miżura abbażi tal-Artikolu 43(3) TFUE, anki meta din titqies bħala bażi legali awtonoma, mingħajr deċiżjoni (politika) preliminari dwar l-objettivi tal-PKS — deċiżjoni li għandha tkun adottata skont l-Artikolu 43(2) TFUE.
129.
Il-Kummissjoni tissottometti li l-argument testwali tal-Kunsill ( 70 ) jiffoka, b’mod partikolari, fuq il-verżjoni Franċiża tal-Artikolu 43(3) TFUE (“mesures relatives à”, jiġifieri, “miżuri relatati ma’”). Il-verżjoni Ingliża tuża “measures on” li tissuġġerixxi rabta iktar diretta u iktar qawwija. Filwaqt li l-Artikolu 43(3) TFUE huwa wiesa’ biżżejjed biex ikopri ċerti regoli li huma relatati funzjonalment mal-iffissar ta’ opportunitajiet tas-sajd, ma jistax ifisser li kull miżura li “tirrelata” (anki remotament) mal-iffissar ta’ opportunitajiet tas-sajd għandha tkun ibbażata fuq dik id-dispożizzjoni. Il-Parlament jadotta approċċ iktar strett u jqis li deċiżjonijiet biss dwar is-suġġetti elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 43(3) TFUE jistgħu jkunu bbażati fuq dik id-dispożizzjoni.
130.
Il-Parlament u l-Kummissjoni argumentaw ulterjorment li d-dritt tal-UE jipprovdi għal proċess fi tliet stadji għall-għoti lil bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi ta’ aċċess għall-ilmijiet tal-UE u għar-riżorsi ta’ ġo fihom. L-ewwel nett, aċċess potenzjali jingħata permezz ta’ ftehim internazzjonali li l-bażi legali tiegħu huwa l-Artikolu 43(2) TFUE (u li għandu jkun adottat skont l-Artikolu 218(6)(a)(v) TFUE). It-tieni nett, il-Kunsill jista’ mbagħad jipproċedi biex jagħti opportunitajiet tas-sajd abbażi tal-Artikolu 43(3) TFUE. It-tielet nett, wara l-iffissar u l-allokazzjoni ta’ dawk l-opportunitajiet tas-sajd, il-Kummissjoni toħroġ awtorizzazzjonijiet tas-sajd għal bastimenti individwali. Pajjiż terz ma jistax jingħata opportunitajiet tas-sajd permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (it-tieni stadju) mingħajr ma jkun hemm ftehim internazzjonali (l-ewwel stadju) konkluż f’isem l-UE skont l-Artikolu 218(6)(a)(v) TFUE. Id-distinzjoni kunċettwali bejn aċċess għal ilma u aċċess għal riżorsi tidher ukoll mill-fatt li aċċess għal ilma tipikament jingħata għal perjodu twil, possibbilment indefinit, filwaqt li opportunitajiet tas-sajd ikunu ffissati u allokati fuq bażi annwali.
131.
Il-Parlament u l-Kummissjoni jissottomettu li l-objettivi tad-Deċiżjoni huma li bastimenti tal-Venezwela jingħataw dritt ta’ aċċess għall-ilmijiet tal-Unjoni biex jeżerċitaw attivitajiet tas-sajd u biex jissottomettu dawk l-attivitajiet għal salvagwardji biex ikun żgurat li josservaw l-objettivi tal-PKS. Ir-riferiment fil-paragrafu 2 tad-Dikjarazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Awtorizzazzjonijiet tas-Sajd ma hijiex biss dikjaratorja iżda tissuġġetta bastimenti tas-sajd tal-Venezwela għar-regoli tal-PKS. F’dak ir-rigward, il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni u d-Deċiżjoni huma simili (jekk mhux identiċi). Dak il-fatt fih innifsu juri li l-objettiv tad-Deċiżjoni ma nbidilx, minkejja l-bidla fil-bażi legali.
132.
Il-Kunsill, bl-appoġġ tal-intervenjenti Stati Membri, jargumenta li d-Deċiżjoni (inkluża d-Dikjarazzjoni annessa magħha) tirrelata mal-iffissar ta’ opportunitajiet tas-sajd. Il-Kunsill jissottometti li l-użu tal-frażi “għandu jadotta l-miżuri dwar” fl-Artikolu 43(3) TFUE jissuġġerixxi li hija tista’ tintuża bħala l-bażi legali għal miżuri minbarra dawk li jiffissaw u jallokaw opportunitajiet tas-sajd. Għalhekk tkopri dritt ikkwantifikat għal sajd li jista’ jkun espress b’modi differenti, inklużi TAC, limitazzjoni fuq attività stess tas-sajd (pereżempju, f’termini tal-kilowatts użati kuljum jew fl-għadd ta’ jiem li matulhom bastimenti jistgħu ma jkunux fil-port) jew limitazzjoni fuq l-għadd massimu ta’ bastimenti.
133.
Filwaqt li l-Artikolu 43(3) TFUE huwa għamla ta’ lex specialis b’rabta mal-lex generalis fl-Artikolu 43(2) TFUE, il-Kunsill jargumenta li huwa ma huwiex eċċezzjoni għal dan tal-aħħar. Huwa ma għandux, għalhekk, ikun interpretat restrittivament.
134.
Il-Kunsill ikompli jissottometti li, meta adottaw l-Artikolu 43(3) TFUE, dawk li abbozzaw it-Trattat kellhom f’moħħhom li jintroduċu proċedura ssimplifikata għall-adozzjoni ta’ miżuri tal-Unjoni li kellhom l-għan li jikkonservaw riżorsi fl-ilmijiet tal-Unjoni u li jirreaġixxu iktar malajr għal opinjonijiet xjentifiċi li jifformaw il-bażi għal dawk il-miżuri.
135.
Il-Kunsill jikkontesta l-argument li sakemm miżura tkun konnessa ma’ objettivi tal-PKS hija għandha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 43(2) TFUE u li ebda miżura ma tista’ tkun adottata abbażi tal-Artikolu 43(3) TFUE mingħajr deċiżjoni minn qabel dwar għażliet politiċi fir-rigward tal-PKS skont l-Artikolu 43(2) TFUE. Il-Kunsill jikkontesta wkoll id-distinzjoni “artifiċjali” tar-rikorrenti bejn aċċess għal ilmijiet u aċċess għal riżorsi.
136.
Fir-rigward tad-Deċiżjoni, il-Kunsill jissottometti li ż-ŻEE ’il barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża tinsab bejn ilmijiet territorjali u l-ibħra internazzjonali: hija żona sui generis li għaliha tapplika l-UNCLOS. Il-kompetenza tal-Istat kostali fuq iż-ŻEE hija limitata u jekk hijiex meħtieġa l-approvazzjoni tiegħu għal aċċess għaż-ŻEE jiddependi mill-għan ta’ dak l-aċċess. F’dak ir-rigward, la d-dritt internazzjonali u lanqas id-dritt tal-UE ma jeżiġu li jkun hemm ftehim formali.
137.
Il-Kunsill jissottometti li la l-objettiv u lanqas il-kontenut tad-Dikjarazzjoni inkwistjoni hawnhekk ma jmorru lil hinn mill-iskop tal-applikazzjoni tal-Artikolu 43(3) TFUE, jiġifieri l-iffissar u l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd. Anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha ssib li l-paragrafi 2 sa 4 tad-Dikjarazzjoni ma setgħux ikunu bbażati fuq l-Artikolu 43(3) TFUE, dik id-dispożizzjoni hija madankollu l-bażi legali t-tajba minħabba li dawk il-paragrafi huma anċillari għall-objettiv prinċipali tad-Deċiżjoni kkontestata, jiġifieri, biex ikun ikkonfermat l-impenn tal-Unjoni li tawtorizza bastimenti tal-Venezwela biex jistadu fiż-ŻEE.
L-evalwazzjoni
138.
F’dawn il-proċeduri l-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tinterpreta l-Artikolu 43(2) u (3) TFUE ( 71 ) biex ikun iddeterminat fuq liema dispożizzjoni d-Deċiżjoni kkontestata kellha tkun ibbażata. Għalhekk ma huwiex meħtieġ li jkunu ddefiniti b’mod eżawrjenti t-tipi kollha ta’ miżuri li għalihom tapplika kull dispożizzjoni.
139.
Il-partijiet kollha jidhru li jaqblu li jekk l-Artikolu 43(3) TFUE ma huwiex il-bażi legali t-tajba għad-Deċiżjoni, allura huwa l-Artikolu 43(2).
140.
Skont ġurisprudenza stabbilita, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi, b’mod partikolari l-għan u l-kontenut tal-att, li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju ( 72 ). Għalhekk jeħtieġ li jkunu eżaminati l-kontenut u l-objettivi tad-Deċiżjoni. Jista’ wkoll jitqies il-kuntest leġiżlattiv ( 73 ). Il-bażi legali tal-miżura mbagħad tiddetermina l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għall-adozzjoni tagħha ( 74 ).
141.
Jekk miżura tinstab li ssegwi għan doppju jew li għandha komponent doppju u jekk wieħed minnhom ikun jista’ jiġi identifikat bħala l-għan jew il-komponent il-prinċipali jew predominanti (filwaqt li l-ieħor ikun biss sekondarju), il-miżura għandha tkun ibbażata fuq bażi legali waħda, jiġifieri dik mitluba mill-għan jew mill-komponent il-prinċipali jew predominanti ( 75 ). Jekk miżura ssegwi diversi objettivi jew għandha diversi komponenti li jkunu konnessi b’mod indissoċjabbli u mingħajr ma waħda tkun sekondarja u indiretta b’rabta mal-oħra, eċċezzjonalment hija tkun ibbażata fuq diversi bażijiet legali korrispondenti ( 76 ).
142.
Ser nibda billi neżamina l-kontenut u bl-objettiv(i) tad-Deċiżjoni.
143.
Il-premessa 1 tad-Deċiżjoni tiddeskrivi l-prattika tal-bastimenti tal-Venezwela li joperaw fl-ilmijiet tal-UE, b’mod partikolari ż-ŻEE ’il barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża, suġġetta għall-konformità mal-atti applikabbli tal-UE li jirregolaw il-konservazzjoni u l-immaniġġjar tar-riżorsi tas-sajd. Il-premessa 2 tisħaq dwar għaliex jeħtieġ li tkun żgurata l-kontinwità ta’ dawn l-operazzjonijiet, jiġifieri minħabba li l-industrija tal-ipproċessar fil-Gujana Franċiża tiddependi mill-iżbark minn dawn il-bastimenti. Il-premessa 3 tiddeskrivi s-suġġett tad-Dikjarazzjoni, jiġifieri, biex tikkonferma “[i]r-rieda tal-[UE] li toħroġ awtorizzazzjonijiet tas-sajd għal għadd limitat ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Venezwela bil-kondizzjoni li jkunu konformi mal-atti applikabbli tal-Unjoni legalment vinkolanti”.
144.
L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni mbagħad japprova d-dikjarazzjoni indirizzata lill-Venezwela f’isem l-UE. L-Artikolu 2 huwa dwar in-notifika tad-Dikjarazzjoni lill-Venezwela.
145.
Jiena diġà eżaminajt bir-reqqa l-kontenut u l-objettivi tad-Dikjarazzjoni meta eżaminajt jekk l-UE kinitx kompetenti li tadottaha ( 77 ).
146.
Fil-fehma tiegħi, permezz tad-Dikjarazzjoni, l-UE timpenja lilha nfisha li tagħti aċċess għall-ilmijiet tal-UE lil bastimenti tal-Venezwela biex jistadu hemmhekk. Dak it-tip speċifiku ta’ aċċess għandu jingħata biss wara li jkunu ffissati opportunitajiet tas-sajd u nħarġu awtorizzazzjonijiet tas-sajd.
147.
Madankollu, d-Deċiżjoni (inkluża d-Dikjarazzjoni annessa magħha):
—
ma tistabbilixxix għall-2012 l-għadd massimu ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd għal bastimenti tal-Venezwela jew l-għadd massimu ta’ bastimenti preżenti fi kwalunkwe waqt, jew tidentifika t-tip ta’ ħut (dak kien sar wara fl-Artikolu 36(1) u fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 44/2012) ( 78 );
—
ma tistabbilixxix il-kundizzjonijiet speċifiċi li għandhom jitħarsu biex jinkisbu awtorizzazzjonijiet tas-sajd għal bastimenti tal-Venezwela fl-ilmijiet tal-UE fl-2012 (dak kien sar wara f’nota ta’ qiegħ il-paġna tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 44/2012) ( 79 ); jew
—
ma tagħtix awtorizzazzjonijiet tas-sajd għal bastimenti individwali tal-Venezwela (dak kien sar wara bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Marzu 2012) ( 80 ).
148.
Permezz tad-Dikjarazzjoni, l-UE impenjat lilha nfisha li tagħti aċċess għaż-ŻEE ’il barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża, li testendi mhux iktar minn 200 mil nawtiku mil-linja bażi tal-baħar territorjali, biex isir sajd hemmhekk. Mingħajr espressjoni ta’ approvazzjoni f’isem l-UE, bastimenti tal-Venezwela jkunu preklużi milli jidħlu f’dawk l-ilmijiet. Dak huwa hekk minħabba r-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw id-drittijiet u l-libertajiet tal-Istat kostali u Stati oħra fiż-ŻEE ta’ dak tal-ewwel. Skont l-Artikolu 56(1)(a) tal-UNCLOS, huwa l-Istat kostali (u hawnhekk, permezz ta’ Franza, l-UE) li għandu drittijiet sovrani għall-fini, inter alia, li jesplora u jisfrutta, jikkonserva u jimmaniġġja r-riżorsi naturali f’dawk l-ilmijiet. Għalhekk dak l-Istat kostali għandu d-dritt li jirrifjuta jew li jippermetti bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stati oħra jkollhom aċċess għaż-ŻEE tiegħu għall-finijiet kollha ħlief dawk (bħal-libertà ta’ navigazzjoni) li għalihom l-Istati kollha għandhom, skont l-Artikolu 58(1) tal-UNCLOS, id-dritt ta’ aċċess għaż-ŻEE. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja nnutat fis-sentenza Poulsen and Diva Navigation ( 81 ), il-ġurisdizzjoni tal-Istat kostali kemm fil-baħar territorjali kif ukoll fiż-ŻEE ma huwiex assolut; skont il-liġi tal-baħar (u b’mod partikolari l-UNCLOS), l-Istat kostali għandu jirrispetta d-dritt ta’ passaġġ innoċenti mill-baħar territorjali tiegħu ta’ bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stati oħra u b’mod partikolari l-libertà ta’ navigazzjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu fiż-ŻEE. Is-sajd, iżda, ma huwiex passaġġ innoċenti jew navigazzjoni ħielsa.
149.
L-Istat kostali wkoll għandu dmirijiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-konservazzjoni (Artikolu 61 tal-UNCLOS) u l-utilizzazzjoni (Artikolu 62 tal-UNCLOS) tar-riżorsi ħajjin fiż-ŻEE. Għalhekk, skont l-Artikolu 62(2) tal-UNCLOS, jekk l-Istat kostali ma jkollux, waħdu, il-kapaċità li jiġbor il-qabda permissibbli kollha, huwa għandu “permezz ta’ ftehimiet jew arranġamenti oħrajn” jagħti aċċess lil Stati oħra għal dak żejjed. Meta jingħata dak l-aċċess, l-Artikolu 62(4) tal-UNCLOS jeżiġi li ċittadini ta’ Stati oħra li jistadu fiż-ŻEE jikkonformaw mal-konservazzjoni u ma’ termini u kundizzjonijiet oħra li japplikaw skont il-liġi tal-Istat kostali.
150.
Fl-opinjoni tiegħi, id-Dikjarazzjoni sservi eżattament dik il-funzjoni: hija tip ta’ “ftehim jew arranġament ieħor” li permezz tiegħu l-UE timpenja lilha nfisha li tagħti aċċess lil Stat terz. Mingħajr dik l-espressjoni ta’ approvazzjoni, bastimenti tal-Venezwela ma jkunux jistgħu jistadu fl-ilmijiet tal-UE.
151.
Jekk strument bħal dan għandu jkun adottat skont ir-regoli proċedurali tal-Artikolu 218 TFUE, u jekk ikun ikopri qasam li għalih tapplika jew din il-proċedura leġiżlattiva ordinarja jew il-proċedura leġiżlattiva speċjali, il-Parlament ikollu jagħti l-approvazzjoni tiegħu qabel ma l-Kunsill ikun jista’ jadotta deċiżjoni li tapprova d-Dikjarazzjoni. Dak huwa hekk minħabba li ż-żewġ proċeduri interni huma proċeduri leġiżlattivi.
152.
Niddistingwi hawnhekk bejn in-natura tal-kompetenza u l-bażijiet biex ikun stabbilit l-involviment tal-Parlament f’azzjoni esterna skont l-Artikolu 218 TFUE. Mingħajr ma nidħol f’analiżi testwali tat-termini “areas” u “fields” użati fil-verżjoni Ingliża tat-Trattati, id-deskrizzjoni ta’ “areas” fl-Artikoli 3(1), 4 and 6 TFUE biex ikunu stabbiliti, rispettivament, il-kompetenzi esklużivi, kondiviżi u ta’ appoġġ tal-UE, tikkonċerna it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri. B’kuntrast, l-Artikolu 218(6) TFUE (li juża t-terminu “fields” fil-verżjoni Ingliża) jikkonċerna, fil-fehma tiegħi, it-tqassim tal-kompetenza bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, b’mod partikolari l-kompetenza tal-Parlament b’rabta ma’ dik tal-Kunsill.
153.
Għalhekk, il-fatt li l-UE għandha kompetenza esklużiva, skont l-Artikolu 3(1)(d) TFUE, għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar skont il-PKS u li għandhom ikunu adottati miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tal-PKS, skont l-Artikolu 43(2) TFUE, mill-Parlament u mill-Kunsill li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja ( 82 ), fih innifsu ma jsolvix il-kwistjoni tal-bażi legali t-tajba biex tkun adottata d-Deċiżjoni li tapprova d-Dikjarazzjoni. Għalhekk il-konklużjoni hija li jiġi injorat it-test tal-Artikolu 43(3) TFUE, li jipprevedi li ċerti miżuri li jsegwu l-objettivi tal-PKS jistgħu jittieħdu mingħajr l-approvazzjoni tal-Parlament minħabba li jirrigwardaw materji li huma koperti minn att li ma huwiex leġiżlattiv.
154.
Ftehim jista’ jkopri qasam wieħed jew iktar, li partijiet minnu jkunu rregolati bil-proċedura leġiżlattiva ordinarja u partijiet bi proċedura differenti. Madankollu, f’dawn il-proċeduri ebda parti ma argumentat li, minħabba s-suġġett tagħha, id-Deċiżjoni missha kienet adottata abbażi tal-Artikolu 43(2) u 43(3) TFUE.
155.
Id-Deċiżjoni tikkontribwixxi għall-aħjar użu tar-riżorsi ħajjin fiż-ŻEE billi dawk ir-riżorsi jkunu mmaniġġjati biex jirrendu l-vantaġġi ekonomiċi u soċjali li jipproduċu u jkunu kkonservati. Għalhekk hija miżura meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi tal-PKS, b’mod partikolari dawk iddefiniti fl-Artikolu 39 TFUE ( 83 ). Il-punt tat-tluq, għalhekk għandu jkun li d-Deċiżjoni għandha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 43(2) TFUE.
156.
Jien ma nqisx li l-Artikolu 43(3) TFUE jibdel dik il-pożizzjoni. Dik id-dispożizzjoni tapplika għal miżuti li huma deskritti f’termini iktar stretti iżda, madankollu, huma kollha wkoll meħtieġa biex ikunu segwiti l-objettivi tal-PKS. Għalhekk it-test tal-Artikolu 43(3) TFUE juri li japplika mill-inqas għal miżuri li jiffissaw prezzijiet attwali, imposti u għajnuna, li jillimitaw il-kwantitajiet ta’ sajd permissibbli (ikun b’liema mod ikun li bih dawk il-kwantitajiet ikunu ddefiniti jew imkejla), li jiffissaw opportunitajiet tas-sajd u li jiddeterminaw l-Istati Membri u l-Istati terzi li lilhom ikunu allokati opportunitajiet tas-sajd biex jistadu għal ċertu ħut, meta u fejn u possibbilment kif u għal liema fini.
157.
Id-Deċiżjoni inkwistjoni ma tagħmel ebda waħda minn dawn l-affarijiet ( 84 ).
158.
Madankollu, il-partijiet ma jaqblux dwar jekk l-Artikolu 43(3) TFUE jkoprix xi ħaġa oħra iktar minn dik il-lista ta’ miżuri, b’mod partikolari dwar il-frażi finali f’dik id-dispożizzjoni “[…] dwar l-iffissar u l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd”. Il-qofol tal-argument tal-Kunsill f’dak ir-rigward jidher li huwa bbażat fuq it-terminu ta’ konnessjoni użat biex tkun deskritta l-miżura u s-suġġett tagħha. Hekk, pereżempju, il-verżjoni Franċiża għandha “les mesures relatives à”, il-verżjoni Ġermaniża “die Maßnahmen zur”, il-verżjoni Olandiża “de maatregelen […] voor” u l-verżjoni Spanjola “las medidas relativas a”. Il-verżjonijiet tal-lingwi l-oħra kważi kollha jidher li jużaw terminu ta’ konnessjoni simili. Madankollu, l-verżjoni Ingliża tuża “measures on”.
159.
Id-diffikultà biex ikun iddefinit il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenza tal-Kunsill skont l-Artikolu 43(3) TFUE qiegħda fil-fatt li, min-naħa l-waħda, lista eżawrjenti ta’ suġġetti hija deskritta hemmhekk u, min-naħa l-oħra, it-terminu ta’ konnessjoni jwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ miżuri li huma koperti taħt l-Artikolu 43(3) TFUE.
160.
Jien naqbel mal-Kunsill li t-terminu ta’ konnessjoni użat fl-Artikolu 43(3) TFUE jissuġġerixxi li dik id-dispożizzjoni, meta tinqara waħedha, tista’ tkopri mhux biss miżuri li attwalment jiffissaw u/jew jallokaw opportunitajiet tas-sajd iżda wkoll dawk li f’xi tifsira usa’ “jirrigwardaw” l-iffissar u l-allokazzjoni tagħhom. Il-qari tad-dispożizzjoni flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 44 TFUE juri li f’kuntesti oħra dawk li abbozzaw it-Trattat użaw “għandha tistabbilixxi” bħala distinta minn “miżuri dwar l-iffissar” ( 85 ). Iżda dan iwassal sabiex jiġi mistoqsi x’kellha tfisser “jirrigwardaw” f’dak il-kuntest.
161.
Jiena mhux konvint li l-Artikolu 43(3) TFUE japplika għal kull miżura li b’xi mod hija konnessa ma’ opportunitajiet tas-sajd.
162.
Il-kuntest immedjat tat-terminu ta’ konnessjoni jikkonsisti mill-verb ‘iffissar’ u n-nom ‘allokazzjoni’. Dak jissuġġerixxi li l-Artikolu 43(3) TFUE ma jkoprix il-miżuri kollha dwar jew relatati ma’ opportunitajiet tas-sajd. Anzi, miżuri skont l-Artikolu 43(3) TFUE għandhom ikunu dwar l-atti li jiddefinixxu xi jkunu l-opportunitajiet tas-sajd u l-allokazzjoni tagħhom bejn Stati Membri u, possibbilment, bejn Stati terzi. Miżuri dwar aspetti oħra ta’ opportunitajiet tas-sajd ma humiex koperti bl-Artikolu 43(3) TFUE.
163.
L-Artikolu 43(3) TFUE għandu jinqara wkoll fil-kuntest tal-Artikolu 43 TFUE kollu kemm hu. Il-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 43 TFUE jistgħu jiddistingwu ruħhom għal żewġ raġunijiet: il-miżuri li jippreskrivu u l-proċeduri li jistabbilixxu biex ikunu adottati dawk il-miżuri.
164.
Filwaqt li l-proċedura ma tistax tiddetermina l-portata sostantiva tal-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni, il-fatt huwa li dawk li abbozzaw ippreskrivew il-proċedura leġiżlattiva ordinarja skont l-Artikolu 43(2) TFUE għall-kategorija usa’ ta’ miżuri; u proċedura mhux leġiżlattiva skont l-Artikolu 43(3) TFUE għal miżuri li inkella kienu jkunu suġġetti għall-Artikolu 43(2) TFUE. Għalhekk, jien tal-opinjoni li irrispettivament minn jekk l-Artikolu 43(3) TFUE huwiex jew le eċċezzjoni għall-Artikolu 43(2) TFUE li għandu jkun interpretat restrittivament, l-Artikolu 43(3) TFUE jidentifika subkategorija ta’ miżuri li inkella taqa’ taħt l-Artikolu 43(2) TFUE u jissuġġetta dawk il-miżuri għal proċedura separata li teskludi l-involviment tal-Parlament. Fil-fehma tiegħi, dak huwa għaliex miżuri skont l-Artikolu 43(3) TFUE jinvolvu deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu abbażi ta’ evalwazzjoni dettaljata (u sikwit teknika), kif jixraq għaċ-ċirkustanzi, ta’ informazzjoni rilevanti fir-rigward ta’ livelli sostenibbli ta’ sfruttar ta’ sajd u konservazzjoni u mmaniġġjar ta’ dawk ir-riżorsi. B’kuntrast, miżuri li huma prerekwiżit għall-iffissar u għall-allokazzjoni ta’ opportunitajiet ta’ sajd jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 43(2) TFUE.
165.
Qabel ma daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona, ebda dispożizzjoni tat-Trattati ma kienet tindirizza speċifikament il-proċeduri għall-iffissar u l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd. Minflok, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 37(2) KE kien jipprovdi, fir-rigward tal-PAK: “Fuq il-proposta tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill, jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, għandu joħroġ regolamenti jew direttivi, jew jieħu deċiżjonijiet, bla ħsara għal kull rakkomandazzjoni li huwa jista’ jagħmel”.
166.
Dik id-dispożizzjoni kienet il-bażi legali għar-Regolament Bażiku tal-2002. Kien l-Artikolu 20(1) ta’ dak ir-regolament li stabbilixxa l-proċedura għal deċiżjoni (mingħajr l-involviment tal-Parlament) “[…] dwar il-limiti ta’ qbid u/jew opportunitajiet tas-sajd u dwar l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri kif ukoll dwar il-kondizzjonijiet assoċjati ma’ dawk il-limiti”: dawk il-miżuri kellhom ikunu adottati mill-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni. L-Artikolu 20(4) kien jipprovdi li l-Kunsill kellu wkoll jistabbilixxi “[…] l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għal pajjiżi terzi f’ilmijiet [tal-UE] u jalloka dawk l-opportunitajiet lil kull pajjiż terz.”
167.
Distinzjoni komparabbli bejn il-proċeduri issa tinsab fit-Trattati (li ma jagħmlu ebda distinzjoni, madankollu, li hija bbażata fuq jekk opportunitajiet tas-sajd humiex iffissati għal pajjiżi terzi minflok għall-Istati Membri).
168.
Fil-fatt, il-kliem użat fl-Artikolu 43(3) TFUE huwa simili ħafna għal dak tal-Artikolu III‑231(3) tat-Trattat li Jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa ( 86 ): “Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta r-regolamenti u d-deċiżjonijiet Ewropej dwar l-iffissar ta’ prezzijiet, imposti, għajnuna u limitazzjonijiet kwantitattivi u dwar l-iffissar u l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd.” B’differenza mill-Artikolu 20 tar-Regolament Bażiku tal-2002, it-test ta’ dik id-dispożizzjoni ma kien jagħmel ebda riferiment għall-“kundizzjonijiet assoċjati ma’ dawk il-limiti [ta’ qbid u sajd]”.
169.
Filwaqt li, għalhekk, jista’ jkun hemm marġni biex l-Artikolu 43(3) TFUE jkun interpretat bħala li jkopri miżuri minbarra d-deċiżjoni nnifisha dwar min jista’ jistad, x’jista’ jistad u fejn, miżuri li huma prerekwiżiti għal dik id-deċiżjoni ma humiex, fl-opinjoni tiegħi, koperti b’dik id-dispożizzjoni.
170.
Jien inqis li l-Kummissjoni kienet korretta li, skont id-dritt tal-UE u d-dritt internazzjonali, aċċess ta’ bastimenti tal-Venezwela għal ilmijiet tal-UE kien jeħtieġlu forma ta’ titolu internazzjonali. F’dak il-kuntest, il-Kunsill ma jistax jeżerċita l-kompetenza tiegħu skont l-Artikolu 43(3) TFUE u l-Kummissjoni ma tistax toħroġ awtorizzazzjonijiet tas-sajd, mingħajr id-deċiżjoni minn qabel tal-UE li tirrinunzja għad-dritt sovran tagħha fuq iż-ŻEE. Jekk u sakemm il-Venezwela tingħata aċċess għal ilmijiet tal-UE biex tistad hemmhekk, ma jista’ jkun hemm ebda opportunità tas-sajd x’tiġi ffissata. It-titolu internazzjonali kien prerekwiżit għall-Kunsill biex jeżerċita l-kompetenza tiegħu li jadotta miżuri dwar l-iffissar u jalloka opportunitajiet tas-sajd lill-Venezwela.
171.
Għalhekk, id-Deċiżjoni ma setgħetx hija stess tkun ibbażata fuq l-Artikolu 43(3) TFUE. It-terminu ta’ konnessjoni użat hemmhekk ma jistax ikun tant wiesa’ li jkopri miżuri li mingħajrhom ma jkunx hemm opportunitajiet tas-sajd x’jiġu ffissati u allokati. Isegwi li l-bażi legali tad-Deċiżjoni kellha tkun l-Artikoli 43(2) u 218(6)(a)(v) TFUE; u l-approvazzjoni tal-Parlament kienet meħtieġa qabel l-adozzjoni tagħha. Għalhekk, jiena nikkonkludi li l-ewwel motiv fil-Kawża C‑103/12 u l-ewwel u t-tieni parti tal-ewwel motiv fil-Kawża C‑165/12 għandhom jintlaqgħu.
Motivazzjoni kontradittorji għall-għażla tal-bażi legali (it-tielet parti tal-ewwel motiv fil-Kawża C‑165/12)
172.
It-tielet element tal-ewwel motiv tal-Kummissjoni kif ifformulata fir-rikors tagħha huwa li l-Kunsill żbalja kemm fil-motivazzjoni tiegħu għall-għażla tal-bażi legali, kif ukoll meta naqas li jikkonsulta, kontra l-ispirtu tal-Artikolu 295 TFUE, l-Parlament u l-Kummissjoni fir-rigward tal-għażla tiegħu. Id-Deċiżjoni ma tispjegax għaliex dikjarazzjoni li tagħti aċċess għall-ilmijiet tal-UE għandha titqies bħala miżura li tiffissa opportunitajiet tas-sajd. Tabilħaqq, skont il-Kummissjoni, il-motivazzjoni hija kontradittorja. Il-Kummissjoni tissottometti li t-titolu tad-Dikjarazzjoni espressament jirreferi għal opportunitajiet tas-sajd. Madankollu, it-test tad-Dikjarazzjoni jirrigwarda l-għoti ta’ aċċess għall-ilmijiet tal-UE lil bastimenti li jeħtiġilhom ikunu konformi ma’ partijiet tal-PKS. Dan jikser l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att ta’ applikazzjoni ġenerali għandhom ikunu loġiċi u ma juru ebda kontradizzjoni interna, kif ukoll jikser ir-rekwiżit li jsiru konsultazzjonijiet interistituzzjonali.
173.
Fir-risposta tagħha l-Kummissjoni dehret li llimitat kunsiderevolment il-portata ta’ dan il-motiv. Għalhekk fir-rigward tal-ewwel parti, hija qalet li ma kinitx argumentat li d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet ma kinitx suffiċjenti jew kienet nieqsa. Anzi l-pożizzjoni tagħha kienet li l-motivazzjoni setgħet titqies li kienet saret kontradittorja b’riżultat ta’ bidliet testwali magħmulin mill-Kunsill. Fir-rigward tat-tieni parti, hija ma kinitx argumentat li din kienet bażi separata għal annullament. Il-Kummissjoni ma żviluppatx dan il-motiv ulterjorment, billi rrikonoxxiet li l-Parlament ma kienx għamel motiv simili.
174.
Il-Kunsill irrisponda li r-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE kienu tħarsu minħabba li l-premessi 1 u 2 tad-Deċiżjoni jiddeskrivu l-kuntest li fih id-Deċiżjoni kienet adottata, u l-premessa 3 tiddefinixxi l-objettiv tad-Deċiżjoni, jiġifieri biex tikkonferma li l-UE kienet ser tagħti awtorizzazzjonijiet tas-sajd għal għadd limitat ta’ bastimenti tal-Venezwela. Il-Kunsill issottometta ulterjorment li l-proċedura kienet irregolata mill-Artikolu 218 TFUE u mhux mill-Artikolu 295 TFUE. F’dak il-każ, id-dikjarazzjonijiet magħmulin mill-Kummissjoni li joġġezzjonaw għall-bidliet tal-Kunsill għall-proposta tagħha juru li l-Kummissjoni kienet involuta b’mod sħiħ fil-proċedura.
175.
Abbażi tar-rikors tagħha, nifhem it-tielet parti tal-ewwel motiv tal-Kummissjoni fil-Kawża C‑165/12 bħala tikkonċerna l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ atti legali (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE) u għall-kooperazzjoni interistituzzjonali (Artikolu 295 TFUE).
176.
Filwaqt li, abbażi tar-risposta tagħha, il-Kummissjoni tidher li abbandunat din il-parti tal-ewwel motiv tagħha bħala bażi biex titlob l-annullament tad-Deċiżjoni, ninnota li n-nuqqas ta’ motivazzjoni (adegwata) jikkostitwixxi ksur ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali li jista’, jew anki għandu jitqajjem mill-Qorti tal-Ġustizzja ex officio ( 87 ).
177.
L-obbligu ta’ motivazzjoni f’atti legali stabbilit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE jfisser li l-motivazzjoni tal-istituzzjoni li tadotta l-miżura kkontestata għandha turi “[…] b’mod ċar u inekwivoku […] b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha […]”. Il-motivazzjoni ma jeħtiġilhiex tidħol f’kull punt rilevanti ta’ fatt u dritt ( 88 ). Jekk dak l-obbligu jkunx tħares jiddependi mill-kliem tal-miżura, mill-kontenut tagħha, u mill-korp kollu ta’ regoli legali li jirregolaw il-materja inkwistjoni ( 89 ).
178.
Id-diffikultà biex tinftiehem it-tielet parti tal-ewwel motiv tal-Kummissjoni tinsab fil-fatt li, meta titqies flimkien mal-ewwel u t-tieni parti, il-Kummissjoni titlob l-annullament tad-Deċiżjoni minħabba li, min-naħa l-waħda, meqjus il-kontenut u l-objettiv tad-Deċiżjoni, hija kienet adottata fuq il-bażi legali l-ħażina u min-naħa l-oħra hija vvizzjata minn motivazzjoni insuffiċjenti għall-ispjega tal-bażi legali l-ħażina mill-Kunsill.
179.
Fil-fehma tiegħi, meta att tal-UE jkun adottat fuq il-bażi legali l-ħażina la jkun meħtieġ u lanqas ma jkun dejjem possibbli li jkun eżaminat ulterjorment jekk l-istituzzjoni li tkun qed tadotta l-att tkunx tat motivazzjoni suffiċjenti għal dik il-bażi legali l-ħażina. F’dawk iċ-ċirkustanzi l-użu tal-bażi legali l-ħażina huwa raġuni suffiċjenti għal annullament.
180.
Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, tiddeċiedi li tindirizza l-parti tal-motiv tal-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 295 TFUE, ninnota li l-Kummissjoni taċċetta li hija setgħet tesprimi l-fehmiet tagħha u li, f’kull każ, huwa ċar li l-Kunsill talab l-opinjoni tal-Parlament u li l-Kummissjoni kellha x’taqsam mill-qrib fil-proċedura, kif jidher mid-dikjarazzjonijiet ripetuti li hija għamlet. F’dawk iċ-ċirkustanzi inqis li ma kienx ġie stabbilit ksur tal-Artikolu 295 TFUE.
181.
Għalhekk nikkonkludi li t-tielet parti tal-ewwel motiv tal-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
L-użu tal-proċedura l-ħażina (it-tieni motiv fil-Kawża C‑103/12)
182.
Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirriteni li d-Deċiżjoni setgħet tkun ibbażata fuq l-Artikolu 43(3) TFUE, il-Parlament jissottometti li l-Kunsill żbalja meta interpreta l-Artikolu 218(6)(a) TFUE minħabba li d-Deċiżjoni kellha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 218(6)(a)(v) TFUE. Jekk id-dritt tal-UE jippreskrivi li għandha tkun applikata l-proċedura leġiżlattiva ordinarja għall-adozzjoni ta’ atti leġiżlattivi meħtieġa biex jingħata effett lil politika tal-UE, allura ftehimiet internazzjonali li jirrigwardaw dik l-istess politika għandhom neċessarjament ikunu konklużi biss wara li jirċievu l-approvazzjoni tal-Parlament. Il-fatt li xi atti li jirrigwardaw element speċifiku ta’ din il-politika jkunu suġġetti għal proċedura oħra ma għandux impatt fuq il-proċedura li tirregola l-konklużjoni tal-ftehim internazzjonali. Dik l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li t-tifsira tal-kelma “field” fil-verżjoni Ingliża tal-Artikolu 218(6)(a)(v) TFUE tikkorrispondi ma’ dik tal-kelma “area” fil-verżjoni Ingliża tal-Artikoli 3, 4 u 6 TFUE.
183.
Il-Kunsill jissottometti li l-Parlament ma jistax ikollu l-kompetenza ta’ kodeċiżjoni f’relazzjonijiet esterni fejn ma għandux dik il-kompetenza għal azzjonijiet interni. Barra dan, il-PKS ma tikkostitwixxix qasam wieħed minħabba li miżuri tal-PKS jirrigwardaw kemm il-qasam tal-kompetenza esklużiva skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(d) TFUE, kif ukoll il-qasam tal-kompetenza kondiviża skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2)(d) TFUE.
184.
Fl-opinjoni tiegħi, ma jeħtieġx jitqies it-tieni motiv tal-Parlament, minħabba li d-Deċiżjoni kellha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 43(2) u fuq l-Artikolu 218(6)(a)(v) TFUE. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, tiddeċiedi li tagħmel hekk, jiena nkun tal-fehma li l-motiv għandu jiġi miċħuda għar-raġunijiet deskritti fil-punti 151 u 153 ta’ dawn il-konklużjonijiet (li kienu jirrigwardaw l-ewwel motiv tal-Parlament fil-Kawża C‑103/12).
Nuqqas li jkunu osservati l-prerogattivi tal-Parlament (it-tieni motiv fil-Kawża C‑165/12)
185.
Il-Kummissjoni tissottometti li l-Kunsill naqas milli josserva l-prerogattiva tal-Parlament li japprova, skont l-Artikolu 218(6)(a)(v) TFUE, att bħalma hija d-Deċiżjoni. Barra dan, il-Kummissjoni tisħaq li ma huwiex suffiċjenti li tintalab l-approvazzjoni tal-Parlament f’ċertu perjodu. Ħlief f’ċirkustanzi ta’ konsultazzjoni sempliċi, it-Trattati ma jippermettux lill-Kunsill jimponi terminu ta’ skadenza fuq il-Parlament u mbagħad, malli t-terminu jiskadi, jadotta d-deċiżjoni mingħajr l-approvazzjoni ta’ dan tal-aħħar.
186.
Skont il-Kunsill, id-Deċiżjoni kienet ibbażata sewwa fuq l-Artikolu 218(6)(b) TFUE. Il-Parlament ma għandux ikollu d-dritt li jżomm milli jittieħdu miżuri esterni fejn ma għandux dak id-dritt fir-rigward ta’ miżuri interni simili.
187.
Huwa paċifiku li l-Kunsill ma talabx l-approvazzjoni tal-Parlament qabel ma adotta d-Deċiżjoni. Jekk id-Deċiżjoni kienet ibbażata, b’mod żbaljat, fuq l-Artikolu 43(3) TFUE u kellha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 43(2) TFUE, isegwi awtomatikament li d-Deċiżjoni, sa fejn l-Artikolu 218 TFUE japplika għaliha, għandha tkun adottata bl-approvazzjoni tal-Parlament. In-nuqqas li tintalab dik l-approvazzjoni huwa ksur tal-prerogattivi tal-Parlament.
188.
Jien ikkonkludejt li l-ewwel motiv għandu jintlaqa’. Isegwi li t-tieni motiv fil-Kawża C‑165/12 ukoll għandu jintlaqa’.
Distorsjoni tal-Proposta tal-Kummissjoni (it-tielet motiv fil-Kawża C‑165/12)
189.
Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ssib li d-Deċiżjoni hija miżura dwar l-iffissar ta’ opportunitajiet tas-sajd u, għalhekk, tiċħad l-ewwel motiv, il-Kummissjoni targumenta li l-Kunsill kiser l-Artikoli 17 u 218(2) TFUE billi biddel il-proposta tagħha u naqas milli jirrispetta d-dritt ta’ inizjattiva ta’ din tal-aħħar. Filwaqt li l-Artikolu 293(1) TFUE jipprovdi li, fil-prinċipju, il-Kunsill jista’ jemenda (iżda b’mod unanimu biss) proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill ma jistax jibdel is-suġġett jew l-objettiv tagħha. F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑408/95 Eurotunnel et ( 90 ). F’dan il-każ il-Kunsill għamel l-iffissar ta’ opportunitajiet tas-sajd l-oġġett tal-proposta. Ir-riżultat huwa li l-Kunsill adotta deċiżjoni bħallikieku ma kien hemm ebda proposta mill-Kummissjoni.
190.
Il-Kunsill jissottometti li la d-dritt ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni u lanqas id-dritt tal-Kunsill li jiddeċiedi ma huma assoluti. Ma jistax ikun li kull darba li l-Kunsill jibdel il-bażi legali ta’ deċiżjoni, huwa awtomatikament ibiddel il-proposta tal-Kummissjoni u jonqos milli jagħraf id-dritt ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà vvalidat bidla tal-bażi legali magħmula jew mill-Kunsill u/jew mill-Parlament. Kull bidla għall-proposta kienet magħmula minħabba li kienet tirrigwarda miżura dwar l-iffissar ta’ opportunitajiet tas-sajd.
191.
It-tielet motiv tal-Kummissjoni hija bbażata fuq il-premessa li l-Qorti tal-Ġustizzja tirriteni li d-Deċiżjoni, u d-Dikjarazzjoni annessa magħha, kienet ibbażata kif xieraq fuq l-Artikolu 43(3) TFUE u fuq l-Artikolu 218 TFUE. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel miegħi li l-Artikolu 43(3) TFUE kien il-bażi l-ħażina, ma jkunx jeħtiġilha tqis din it-talba. Għall-kompletezza, madankollu, ser nindirizzaha fil-qosor.
192.
Abbażi ta’ dik il-premessa, huwa għall-Kummissjoni li tibda l-proċess skont l-Artikolu 218 TFUE u għall-Kunsill li jadotta d-Deċiżjoni li tapprova l-istrument.
193.
Jien diġà spjegajt li l-proċeduri deskritti fl-Artikolu 218 TFUE huma bbażati fuq bilanċ interistituzzjonali partikolari ta’ setgħat li jistgħu jkunu differenti għal dikjarazzjonijiet vinkolanti unilateralment kif imqabbla ma’ ftehimiet internazzjonali ( 91 ). Fi kwalunkwe każ, ma ninterpretax l-Artikolu 218(6) TFUE bħala li jfisser li l-Kunsill huwa prekluż milli jiddeċiedi li ma jikkonkludix ftehim jew milli jagħmel dikjarazzjoni vinkolanti unilateralment, jew milli jemenda l-proposta tal-Kummissjoni (skont l-Artikolu 293(1) TFUE). Fl-istess waqt, hekk kif il-proċess skont l-Artikolu 218 TFUE jagħmel progress, il-Kunsill evidentement ma jistax jeżerċita d-dritt li jemenda b’mod li jmur kontra kull deċiżjoni u azzjoni preċedenti li seta’ jkun ħa f’dak il-proċess.
194.
F’dawn il-proċeduri, huwa ċar li l-Kunsill bidel il-proposta tal-Kummissjoni, b’mod partikolari l-bażi legali tagħha.
195.
Fil-fehma tiegħi, il-partijiet kollha essenzjalment jaqblu li l-proposta tal-Kummissjoni u l-proposta rriveduta li kienet adottata mill-Kunsill it-tnejn kienu dwar miżura li biha l-UE taqbel li tagħti aċċess lil bastimenti tal-Venezwela għall-ilmijiet tal-UE. In-nuqqas ta’ qbil tagħhom huwa dwar il-karatterizzazzjoni ta’ dik il-miżura skont l-Artikolu 43 TFUE u, bħala riżultat, il-bażi legali tagħha.
196.
Għalhekk, jekk id-Deċiżjoni kienet ibbażata kif xieraq fuq l-Artikolu 43(3) TFUE u fuq l-Artikolu 218 TFUE, dak li għamel il-Kunsill kien, essenzjalment, li jikkoreġi l-bażi legali użata fil-proposta tal-Kummissjoni.
197.
Huwa minnu li l-bażi legali ta’ miżura tal-UE għandha tkun ibbażata fuq fatturi oġġettivi, b’mod partikolari l-għan u l-kontenut tal-miżura, li tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju ( 92 ). Madankollu, dawk il-fatturi jistgħu jibqgħu kostanti iżda xorta waħda jirriżultaw f’differenza ta’ opinjoni fir-rigward tal-bażi legali xierqa. Jekk f’ċirkustanzi bħal dawn il-Kunsill jibdel (fil-kuntest tal-premessa ta’ dan il-motiv, b’mod korrett) il-bażi legali, ma jfissirx li awtomatikament il-Kunsill ikun bidel il-portata tal-proposta tal-Kummissjoni f’termini ta’ suġġett u objettiv (kif huwa evidenti f’dawn il-proċeduri).
198.
Fuq dik il-bażi, jien inqis li l-Kunsill ma eċċediex il-kompetenza tiegħu meta emenda l-proposta tal-Kummissjoni. Jiena, għalhekk, niċħad t-tielet motiv fil-Kawża C‑165/12 bħala infondat.
It-talba biex jinżammu l-effetti tad-Deċiżjoni
199.
Fil-Kawża C‑165/12, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, biex iżżomm l-effetti tad-Deċiżjoni jekk tannullaha; u biex tidentifika dawk l-effetti. Dik il-miżura għandha tintemm jew meta l-Kunsill, bl-approvazzjoni tal-Parlament, ikun issostitwixxa d-Deċiżjoni b’att adottat fuq il-bażi legali t-tajba jew, jekk il-Parlament ma jagħtix l-approvazzjoni tiegħu, wara l-iskadenza ta’ perjodu qasir li matulu l-Kunsill u l-Kummissjoni jkunu jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa bħala materja tad-dritt internazzjonali biex jgħarrfu lill-Venezwela bl-irtirar tan-Note Verbale u biex jinnotifikaw operaturi ekonomiċi li l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd tagħhom kienu ġew irtirati.
200.
Il-Parlament ma għamilx talba simili fil-Kawża C‑103/12. Madankollu, fir-risposta tiegħu, il-Parlament qal li ma kien jara ebda ostakolu għaż-żamma tal-effetti tad-Deċiżjoni.
201.
Ebda parti ma oġġezzjonat għal din it-talba għalkemm mhux il-partijiet kollha ħadu l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita l-effetti tas-sentenza tagħha mingħajr ma tiffissa perjodu ta’ żmien li fih għandha tkun adottata deċiżjoni ġdida.
202.
Jien ikkonkludejt li d-Deċiżjoni għandha tkun annullata. Bħala riżultat, il-bażi skont id-dritt tal-UE (u d-dritt internazzjonali) għal aċċess tal-Venezwela għall-ilmijiet tal-UE, u b’hekk ukoll il-bażi għall-miżuri oħra ta’ ffissar u allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd u ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd għal bastimenti tal-Venezwela, tisparixxi.
203.
Raġunijiet importanti ta’ ċertezza legali ( 93 ) u l-ħtieġa li jkunu evitati konsegwenzi negattivi serji ( 94 ) jistgħu jiġġustifikaw deċiżjoni biex jinżammu l-effetti ta’ att annullat.
204.
Huwa paċifiku li l-attivitajiet tas-sajd ta’ bastimenti tal-Venezwela fl-ilmijiet tal-UE jikkontribwixxu kunsiderevolment għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-industrija tal-ipproċessar fil-Gujana Franċiża li tiddependi minn dan l-ħatt. Hi x’inhi l-bażi legali għal dak l-aċċess, taqliba f’daqqa tal-prattika qadima ta’ għoti ta’ aċċess għal dawk l-ilmijiet x’aktarx li tħalli konsegwenzi negattivi fuq din l-industrija. Tista’ tfixkel ukoll l-immaniġġjar tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE.
205.
L-effetti tad-Deċiżjoni għandhom, għalhekk, jinżammu sakemm tidħol fis-seħħ, f’perjodu raġonevoli ta’ żmien, deċiżjoni ġdida adottata fuq il-bażi legali t-tajba.
Spejjeż
206.
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Il-Parlament u l-Kummissjoni t-tnejn talbu l-kundanna tal-ispejjeż L-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li Stati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
Konklużjoni
207.
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/19/UE tas-16 ta’ Diċembru 2011 dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tad-Dikjarazzjoni dwar l-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE lil bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklussiva ’l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża;
—
tiddikjara li, skont l-Artikolu 264(2) TFUE, l-effetti tad-Deċiżjoni 2012/19 jinżammu sakemm tidħol fis-seħħ, f’perjodu raġonevoli ta’ żmien, deċiżjoni ġdida adottata fuq il-bażi legali t-tajba;
—
tordna lill-Kunsill iħallas l-ispejjeż tiegħu stess u dawk sostnuti mill-Parlament u mill-Kummissjoni; u
—
tordna lill-partijiet intervenjenti jbatu l-ispejjeż tagħhom stess.
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) B’Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ Novembru 1976 dwar ċerti aspetti esterni tal-ħolqien ta’ żona tas-sajd ta’ 200 mil fil-Komunità b’effett mill-1 ta’ Jannar 1977 (ĠU 1981 C 105, p. 1), il-Kunsill qabel li mill-1 ta’ Jannar 1977“[…] Stati Membri għandhom, permezz ta’ azzjoni miftiehma, jestendu l-limiti taż-żoni tas-sajd tagħhom għal 200 mil mill-Baħar tat-Tramuntana u mill-kosti tagħhom tal-Atlantiku tat-Tramuntana […]” u “[…] l-isfruttament ta’ riżorsi tas-sajd f’dawn iż-żoni minn bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi għandu jkun irregolat minn ftehimiet bejn il-Komunità u l-pajjiżi terzi kkonċernati” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
( 3 ) Ara, pereżempju, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 iktar ’il fuq u l-punti 23 u 32 iktar ’l isfel.
( 4 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/19/UE, tas-16 ta’ Diċembru 2011dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tad-Dikjarazzjoni dwar l-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE lil bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklussiva ’l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża (ĠU 2012 L 6, p. 8).
( 5 ) Meta jinqara flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) TFEU, li jiddeskrivi l-ftehimiet internazzjonali li għalihom għandha tinkiseb l-approvazzjoni tal-Parlament, ir-riferiment għall-Artikolu 43 TFEU fil-proposta tal-Kummissjoni għandu neċessarjament jinqara bħala riferiment għall-Artikolu 43(2) TFEU.
( 6 ) Artikolu 43 TFEU huwa s-suċċessur tal-Artikolu 37 KE. Ara wkoll il-punt 14 iktar ’l isfel.
( 7 ) Dik id-dispożizzjoni tiddeskrivi, inter alia, il-forom tal-organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u l-miżuri li tista’ tinkludi.
( 8 ) Dwar il-politika kummerċjali komuni.
( 9 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002, tal-20 ta’ Diċembru 2002, dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 5, p. 460), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 865/2007 tal-10 ta’ Lulju 2007 (ĠU L 192, p. 1) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2012 L 343, p. 1). L-emenda sussegwenti bir-Regolament (UE) Nru 1152/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 (ĠU L 343, p. 30) kienet tapplika biss mill-1 ta’ Jannar 2012 (ara l-Artikolu 2 ta’ dan tal-aħħar) u kienet ibbażata fuq l-Artikolu 43(2) TFEU. Mill-1 ta’ Jannar 2014 (jiġifieri wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni u l-introduzzjoni tar-rikorsi f’dawn il-proċeduri), il-miżura applikabbli hija r-Regolament (EU) Nru 1380/2013, li ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Bażiku tal-2002: ara l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2013, dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU 2013 L 354, p. 22). Dak ir-regolament kien adottat abbażi tal-Artikolu 43(2) TFEU.
( 10 ) Riferimenti għal “ilmijiet tal-Komunità” għandhom issa jinftiehmu bħala li jirreferu għal “ilmijiet tal-UE”.
( 11 ) Ara wkoll il-premessa 4.
( 12 ) Artikolu 4(2)(ċ) sa (e) tar-Regolament Bażiku tal-2002.
( 13 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008, tad-29 ta’ Settembru 2008, dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93 u (KE) Nru 1627/94 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 3317/94 (ĠU L 286, p.33).
( 14 ) Ara l-Artikolu 1(b) tar-Regolament dwar Awtorizzazzjonijiet tas-Sajd.
( 15 ) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 53/2010, tal-14 ta’ Jannar 2010, li jistabbilixxi għall-2010 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-UE u, għal bastimenti tal-UE f’ilmijiet fejn huma meħtieġa limiti ta’ qbid u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1359/2008, (KE) Nru 754/2009, (KE) Nru 1226/2009 u (KE) Nru 1287/2009 (ĠU L 21, p. 1), kif ikkoreġut.
( 16 ) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 57/2011, tat-18 ta’ Jannar 2011, li jiffissa għall‑2011 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-UE u, għal bastimenti tal-UE, f’ċerti ilmijiet mhux tal-UE (ĠU L 24,p. 1), kif emendat u kkoreġut.
( 17 ) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 44/2012, tas-17 ta’ Jannar 2012, li jiffissa għall‑2012 l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli fl-ilmijiet tal-UE u, għall-bastimenti tal-UE, f’ċerti ilmijiet mhux tal-UE għal ċerti stokkijiet tal-ħut li huma suġġetti għal negozjati jew ftehimiet internazzjonali (ĠU L 25, p. 55), kif emendat u kkoreġut.
( 18 ) Ara l-Artikolu 2(1) tal-Regolament TAC tal-2010, l-Artikolu 2 tar-Regolament TAC tal-2011 u l-Artikolu 2 tar-Regolament TAC tal-2012.
( 19 ) Ara wkoll il-punti 33 sa 52 (l-isfond għad-Dikjarazzjoni) u l-punti 53 sa 56 (test tad-Deċiżjoni u d-Dikjarazzjoni) iktar ’l isfel.
( 20 ) Ara l-Artikolu 34(1) tar-Regolament TAC tal-2010, l-Artikolu 36(1) tar-Regolament TAC tal-2011 u l-Artikolu 36(1) tar-Regolament TAC tal-2012.
( 21 ) Magħmula f’Montego Bay, fl-10 ta’ Diċembru 1982, 1833 UNTS 3. L-UNCLOS daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Diċembru 1994. L-UNCLOS kienet approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE, tat-23 ta’ Marzu 1998, li tirrigwarda l-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim tat-28 ta’ Lulju 1994 li għandu x’jaqsam ma’ l-implimentazzjoni tal-Parti XI tiegħu (ĠU Edizzjoni Speċjali, Kapitolu 4, Vol. 3, p. 260).
( 22 ) Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela għaż-żona ekonomika esklussiva ’l barra mill-kosta tad-dipartiment Franċiż tal-Gujana (COM(2010) 807 finali).
( 23 ) Testijiet Nukleari (In-New Zealand vs Franza) (“Testijiet Nukleari”), sentenza, QIĠ Ġabra 1974, p. 457, u Testijiet Nukleari (L-Awstralja vs Franza) (“Testijiet Nukleari”), sentenza, QIĠ Ġabra 1974, p. 253. F’noti ta’ qiegħ il-paġna sussegwenti, irreferejt biss għall-każ tal-ewwel.
( 24 ) Iżda ara wkoll il-punt 176 iktar ’l isfel dwar it-tielet parti tal-ewwel motiv tal-Kummissjoni.
( 25 ) Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx u tqis li l-prattika tfisser ftehim, il-mistoqsija tkun kif l-Artikolu 218 TFEU japplika għal ftehim ifformat b’dan il-mod.
( 26 ) Ara, pereżempju, l-Opinjoni 2/91 tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Marzu 1993, (EU:C:1993:106, punt 4) (fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddistingwiet bejn il-kapaċità, fuq il-livell internazzjonali, li jsir ftehim internazzjonali u l-portata tal-kompetenza li jsir hekk).
( 27 ) Ara, dwar il-ħtieġa li tingħad il-bażi legali li tippreskrivi l-forma legali li jkollha tittieħed minn att, pereżempju, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, (C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 28 ) F’dawn il-konklużjonijiet, nuża “pajjiż terz” u “Stat terz” b’mod li l-waħda tista’ tinbidel mal-oħra.
( 29 ) B’“organizzazzjoni internazzjonali” nifhem “organizzazzjoni intergovernattiva”.
( 30 ) Dwar il-ħtieġa li jkun irrispettat id-dritt internazzjonali fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-UE u fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE fid-dawl tad-dritt internazzjonali, ara l-Artikolu 3(5) TEU u l-Artikolu 21(1) TFEU. Ara wkoll, u pereżempju, is-sentenza Air Transport Association of America et, (C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 31 ) Fl-eżami tal-ewwel motiv tal-Parlament u tal-Kummissjoni dwar il-bażi legali tad-Deċiżjoni, jeħtieġ ikunu eżaminati l-kontenut u l-għanijiet kemm tad-Deċiżjoni kif ukoll tad-Dikjarazzjoni (ara l-punti 142 sa 150 iktar ’l isfel). L-għan ta’ dik l-analiżi huwa li jkun evalwat, bħala materja tad-dritt tal-UE, liema kompetenza speċifika mogħtija lill-awtoritajiet tal-UE tawtorizza l-adozzjoni minnha ta’ att.
( 32 ) Dak l-obbligu japplika wkoll għal bastimenti ta’ pajjiżi terzi li jistadu fiż-ŻEE ’il barra mill-Istat kostali skont l-Artikolu 62(4) tal-UNCLOS. Madankollu, il-Venezwela ma hijiex firmatarja tal-UNCLOS. Għall-finijiet ta’ dawn il-proċeduri, ma jeħtieġx jitqies l-istatus tad-dritt internazzjonali konswetudinarju ta’ din id-dispożizzjoni speċifika tal-UNCLOS (kif distint mill-istatus tal-kunċett taż-ŻEE).
( 33 ) Jekk id-Dikjarazzjoni hija fil-fatt ftehim bilaterali (jew parti minnu) bejn il-Venezwela u l-UE, imbagħad jista’ jeħtieġ li jkun iddeterminat jekk din id-dispożizzjoni tirrigwardax terminazzjoni tal-ftehim bilaterali milli rtirar minn tali ftehim.
( 34 ) Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati tal-1969 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1969”), Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331, u l-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati bejn Stati u Organizzazzjonijiet Internazzjonali jew bejn Organizzazzjonijiet Internazzjonali ffirmata fil-21 ta’ Marzu 1986 fi Vjenna (A/CONF.129/15) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1986”). Il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ssuġġeriet li d-definizzjoni ta’ trattat fl-Artikolu 2(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1969 tirrifletti d-dritt internazzjonali konswetudinarju [Fruntiera Territorjali u Marittima bejn il-Kamerun u n-Niġerja (Il-Kamerun vs In-Niġerja: Il-Gineja Ekwatorjali intervenjenti), sentenza QIĠ Ġabra 2002, p. 303, punt 263].
( 35 ) Ara, pereżempju, l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1969 dwar il-ftehimiet internazzjonali li ma humiex fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik il-konvenzjoni.
( 36 ) Ara wkoll punt 96 iktar ’l isfel.
( 37 ) Dik hija kwistjoni separata minn dik dwar jekk dikjarazzjoni magħmula mill-UE tkunx vinkolanti għall-istituzzjonijiet tal-UE u għall-Istati Membri bħala materja tad-dritt tal-UE. Ara, pereżempju, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, (EU:C:2009:590, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27 iktar ’il fuq, punt 44).
( 38 ) Ara, dwar dan, il-ġurisprudenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja li fuqha nibbaża ruħi f’din il-parti tal-konklużjonijiet (punti 89 sa 92 iktar ’l isfel), kif ukoll il-Prinċipji Gwida 2 tal-Prinċipji Gwida applikabbli għal dikjarazzjonijiet unilaterali ta’ Stati li jistgħu joħolqu obbligi legali tal-Kummissjoni dwar id-Dritt Internazzjonali (KDI) tan-Nazzjonijiet Uniti. Dawn il-prinċipji, b’kummentarji magħhom, kienu adottati mill-KDI fit-58 sessjoni tagħha (2006) u sottomessi lill-Assemblea Ġenerali bħala parti tar-rapport tal-KDI li jkopri x-xogħol ta’ dik is-sessjoni (A/61/10). L-Assemblea Ġenerali ħadet nota tagħhom f’A/RES/61/34. Ara wkoll il-punt 90 iktar ’l isfel.
( 39 ) Ir-Rapporteur Speċjali tal-KDI fl-ewwel rapport dwar atti unilaterali tal-Istati tiegħu aċċetta wkoll li atti unilaterali ta’ organizzazzjoni internazzjonali jista’ jkollhom qawwa legali: ara l-Ewwel rapport dwar atti unilaterali tal-Istati ta’ Victor Rodríguez-Cedeño, Rapporteur Speċjali (A/CN.4/486), punt 35.
( 40 ) Ara QIĠ, Testijiet Nukleari (In-New Zealand vs Franza), iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 iktar ’il fuq, punti 46, 51 u 53; QIĠ, Attivitajiet bl-Armi fit-Territorju tal-Kongo (Rikors Ġdid: 2002) (Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo vs Ir-Rwanda) (iktar ’il quddiem “Attivitajiet bl-Armi”), Ġurisdizzjoni u Ammissibbiltà, sentenza, QIĠ Ġabra 2006, p. 6, fil-punti 50 u 52. Ara wkoll il-Prinċipju Gwida 7 tal-KDI, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38 iktar ’il fuq.
( 41 ) Ara, pereżempju, QIĠ, Kawża dwar it-Tempju ta’ Preah Vihear (Il-Kambodja vs It-Tajlandja), Eċċezzjonijiet Preliminari, Sentenza tas-26 ta’ Mejju 1961, QIĠ Ġabra 1961, p. 17, p. 31; QIĠ, Testijiet Nukleari (In-New Zealand vs Franza), iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 iktar ’il fuq, punt 46 u 48. Ara wkoll, pereżempju, QIĠ, Kawża dwar it-Tilwima tal-Fruntieri (Il-Burkina Faso/Ir-Repubblika tal-Mali) (iktar ’il quddiem “It-Tilwima tal-Fruntieri”), sentenza, QIĠ Ġabra 1986, p. 554, punt 39.
( 42 ) Ara QIĠ, It-Tilwima tal-Fruntieri, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 41 iktar ’il fuq, punt 40; QIĠ, Testijiet Nukleari (In-New Zealand vs Franza), iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 iktar ’il fuq, punt 53; QIĠ, Attivitajiet bl-Armi, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 iktar ’il fuq, punt 49. Ara wkoll il-Prinċipju Gwida 3 tal-KDI, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38 iktar ’il fuq.
( 43 ) Ara QIĠ, Attivitajiet bl-Armi, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 iktar ’il fuq, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll il-Prinċipju Gwida 4 tal-KDI, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38 iktar ’il fuq.
( 44 ) Iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38 iktar ’il fuq.
( 45 ) Ara wkoll ir-Rapport tal-KDI adottat fit-58 sessjoni fl-2006 (A/61/10), in-nota ta’ qiegħ il-paġna 921, li, tispeċifika li l-kummentarji dwar il-Prinċipji Gwida “[…] huma noti ta’ spjegazzjoni li jeżaminaw mill-ġdid il-ġurisprudenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja u prattika rilevanti ta’ Stati analizzati minn diversi membri tal-Grupp ta’ Ħidma u mir-Rapporteur Speċjali u miġburin fil-qosor fit-tmien rapport mir-Rapporteur Speċjali (A/CN.4/557)” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
( 46 ) QIĠ, Testijiet Nukleari (In-New Zealand vs Franza), iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 iktar ’il fuq, punt 49. Ara wkoll it-tieni sentenza tal-Prinċipju Gwida 1 tal-KDI, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38 iktar ’il fuq: “Meta l-kundizzjonijiet għal dan ikunu tħarsu, il-karattru vinkolanti ta’ dikjarazzjonijiet bħal dawn ikun ibbażat fuq il-bona fide; Stati li jkollhom x’jaqsmu jkunu jistgħu mbagħad iqisuhom u joqogħdu fuqhom; Stati bħal dawn ikunu intitolati jeżiġu li obbligi bħal dawn ikunu osservati” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
( 47 ) Ara, dwar l-applikazzjoni ta’ dak il-prinċipju għal trattati, is-sentenza Brita, (C‑386/08, EU:C:2010:91, punt 44). Ara wkoll l-Artikolu 34 tal-Konvenzjonijiet ta’ Vjenna tal-1969 u tal-1986.
( 48 ) QIĠ, Testijiet Nukleari (In-New Zealand vs Franza), iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 iktar ’il fuq, punt 46. Ara wkoll il-Prinċipju Gwida 2 tal-KDI, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38 iktar ’il fuq.
( 49 ) Ara l-punti 74 sa 78 iktar ’il fuq.
( 50 ) Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi għar-relazzjonijiet esterni, ara, pereżempju, l-Opinjoni 2/94, EU:C:1996:140, punt 24.
( 51 ) ĠU 2012 C 326, p. 348. Ara wkoll l-Artikolu 5 TEU.
( 52 ) Opinjoni 1/75, EU:C:1975:145, p. 1360 dwar l-Artikolu 228(1) KEE; il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet dan il-punt fil-kuntest tad-diskussjoni tagħha dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal Opinjoni dwar il-kompatibbiltà tal-Arranġament tal-OECD dwar Standard ta’ Spiża Lokali mat-Trattat.
( 53 ) EU:C:1994:305, punti 25 u 27.
( 54 ) Franza vs Il-Kummissjoni, C‑233/02, EU:C:2004:173, punti 43 sa 45.
( 55 ) Ara l-punt 86 iktar ’il fuq.
( 56 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 22/70, EU:C:1971:32 (Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Stradali, iktar ’il quddiem is-“sentenza ERTA”).
( 57 ) It-Trattat ta’ Ruma ta bażi espliċita għal konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali fl-għamla ta’ ftehimiet dwar kummerċ u assoċjazzjoni.
( 58 ) Sentenza ERTA, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 56 iktar ’il fuq, punt 12.
( 59 ) Sentenza ERTA, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 56 iktar ’il fuq, punt 13.
( 60 ) ERTA, EU:C:1971:32, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 56 iktar ’il fuq, punt 14.
( 61 ) Rapport finali tal-Grupp ta’ Ħidma III dwar il-Personalità Ġuridika CONV 305/02 (WG III 16) (Brussell, 1 ta’ Ottubru 2002), punt 19. Ma hemm xejn x’juri li din l-intenzjoni partikolari kienet abbandunata meta, minflok, it-Trattat ta’ Lisbona kien abbozzat u adottat.
( 62 ) Kif ir-Rapporteur Speċjali tal-KDI kiteb fl-Ewwel rapport tiegħu dwar atti unilaterali ta’ Stati: “[…] ir-regoli dwar [l-elaborazzjoni ta’ atti unilaterali ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali] huma bbażati fuq it-testi bażiċi tal-organizzazzjoni u fuq l-istrumenti li joħorġu minn dawk it-testi u, fejn ikun applikabbli, fuq id-dritt internazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39 iktar ’il fuq, paragrafu 34).
( 63 ) Madankollu ninnota li d-Dikjarazzjoni 42 dwar l-Artikolu 352 tat-TFEU (ĠU C 326, p. 353) tgħid li l-Artikolu 352 TFEU “[…] ma jistax iservi bħala bażi għat-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni lil hinn mill-qafas ġenerali maħluq bid-dispożizzjonijiet tat-Trattati fl-intier tagħhom u, b’mod partikolari, b’dawk li jiddefinixxu l-missjonijiet u l-attivitajiet ta’ l-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, dan l-Artikolu ma jistax jintuża bħala bażi għall-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet li l-effett tagħhom ikun, fis-sustanza, li jemendaw it-Trattati bla ma jsegwu l-proċedura prevista fl-istess Trattati” Ara wkoll l-Opinjoni 2/94, EU:C:1996:140, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 50 iktar ’il fuq, paragrafu 30.
( 64 ) Ara, pereżempju, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑166/07, EU:C:2009:499, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 65 ) Ara wkoll is-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni (EU:C:2004:173, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 54 iktar ’il fuq, punt 28).
( 66 ) Ara, pereżempju, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C‑246/07, EU:C:2010:203, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata) fir-rigward tal-ħtieġa tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE.
( 67 ) Opinjoni 1/09, EU:C:2011:123, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 68 ) Ara l-Opinjoni 1/09, EU:C:2011:123, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 67 iktar ’il fuq, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 69 ) Ara, pereżempju, is-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni (EU:C:1994:305, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53 iktar ’il fuq, punt 41) fejn sabet li “[…] dik il-kompetenza interna [biex jittieħdu deċiżjonijiet individwali li japplikaw ir-regoli tal-kompetizzjoni] ma hijiex tali li tibdel it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-istituzzjonijiet tal-Komunità fir-rigward tal-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
( 70 ) Ara wkoll il-punt 132 iktar ’l isfel.
( 71 ) Ara wkoll is-sentenzi C‑124/13 Il-Parlament vs Il-Kunsill u C‑125/13 Il‑Kummissjoni vs Il-Kunsill li għadhom pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
( 72 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑137/12, EU:C:2013:675, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 73 ) Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑411/06, EU:C:2009:518, punt 64).
( 74 ) Ara s-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑130/10, EU:C:2012:472, punt 80).
( 75 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (EU:C:2013:675, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 72 iktar ’il fuq, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 76 ) Ara, pereżempju, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (EU:C:2009:518, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 73 iktar ’il fuq, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 77 ) Ara l-punti 74 sa 78 iktar ’il fuq.
( 78 ) Ara l-punt 26 iktar ’il fuq.
( 79 ) Ara l-punt 26 iktar ’il fuq.
( 80 ) Ara l-punt 52 iktar ’il fuq.
( 81 ) Ara C‑286/90, EU:C:1992:453, punt 25.
( 82 ) Dik il-proċedura hija ddefinita fl-Artikolu 294 TFEU.
( 83 ) Dawk jikkorrispondu għall-objettivi li l-Artikolu 62(2) u (3) tal-UNCLOS jassoċjaw ma’ ftehim jew arranġament ieħor li jagħtu lil Stati oħra aċċess għal dak li jibqa’ żejjed mill-qbid permissibbli.
( 84 ) Ara l-punt 147 iktar ’il fuq.
( 85 ) Dik id-dispożizzjoni tipprovdi li: “Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-ammont ta’ dawn il-ħlasijiet safejn huwa meħtieġ sabiex jerġa’ jintlaħaq il-bilanċ; tista’ wkoll tawtoriżża l-użu ta’ miżuri oħra, waqt li tiddefinixxi l-kondizzjonijiet u l-modalitajiet tagħhom.”
( 86 ) ĠU 2004, C 310, p. 1. Dan it-test ifforma l-bażi għax-xogħol tal-KIG 2007 (ara POLGEN 74, 26 ta’ Ġunju 2007).
( 87 ) Ara, pereżempju, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, (C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punti 34 u 35 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 88 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, (C‑63/12, EU:C:2013:752, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 89 ) Ibid, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 90 ) EU:C:1997:532, punt 19.
( 91 ) Ara l-punti 116 sa 118 iktar ’il fuq.
( 92 ) Ara l-punt 140 iktar ’il fuq.
( 93 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi Il-Parlament vs Il-Kunsill, (C‑490/10, EU:C:2012:525, punti 90 u 91, u Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑414/04, EU:C:2006:742, punt 59.
( 94 ) Ara, pereżempju, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, EU:C:2006:742, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 93 iktar ’il fuq, punt 59.
Full & Egal Universal Law Academy