KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fid-19 ta’ Diċembru 2013 ( 1 )
Kawża C‑224/12 P
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep NV
“Appell — Għajnuna mill-Istat mogħtija lil bank li tikkonsisti f’kontribuzzjoni ta’ kapital bi skambju għal titoli — Tibdil tal-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-remunerazzjoni u l-fidi tat-titoli — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni, suġġett għall-impenji — Applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat”
1.
B’dan l-appell il-Kummissjoni qegħda tikkontesta s-sentenza tal-Qorti Ġenerali ( 2 ) illi permezz tagħha ġiet annullata parzjalment deċiżjoni ( 3 ) li tirrigwarda għajnuna mogħtija mill-Istat tal-Pajjiżi l-Baxxi lill-bank ING Groep NV (iktar ’il quddiem l-“ING”). Din id-deċiżjoni stabbiliet, inter alia, illi l-għajnuna ta’ ristrutturazzjoni fil-forma ta’ kontribuzzjoni ta’ kapital bi skambju għal titoli, u suġġetta għal kundizzjonijiet speċifiċi għar-rimbors, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) KE (li sar l-Artikolu 107(1) TFUE), iżda kkunsidrat illi hija kompatibbli mas-suq komuni meta suġġeta għal numru ta’ impenji min-naħa tal-ING u l-Istat.
2.
Il-kwistjoni ewlenija tirrigwarda l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat (jiġifieri, essenzjalment, jekk l-impriża benefiċjarja setgħetx tikseb mingħand investitur privat, li jkun qiegħed jopera f’kundizzjonijiet normali tas-suq, l-istess vantaġġ bħal dak illi sar disponibbli għaliha permezz tar-riżorsi tal-Istat ( 4 )) għal tibdil fil-kundizzjonijiet tar-rimbors fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat. Qegħda wkoll tiġi kkontestata l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-ammont ta’ dħul illi tilef l-Istat minħabba dan it-tibdil fil-kundizzjonijiet. Iridu jiġu ttrattati wkoll kwistjonijiet dwar l-implikazzjonijiet tal-annullament tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE. Jiġifieri, kif dan l-annullament jaffettwa elementi oħra tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari l-impenji tal-ING u tal-Istat tal-Pajjiżi l-Baxxi.
L- għajnuna u d-deċiżjoni kkontestata
3.
B’deċiżjoni tat-12 ta’ Novembru 2008 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inizjali”), il-Kummissjoni awtorizzat rikapitalizzazzjoni ta’ emerġenza favur l-ING illi permezz tagħha l-Istat tal-Pajjiżi l-Baxxi issottoskriva għal EUR 10 biljun f’titoli maħruġa mill-ING (iktar ’il quddiem il-“kontribuzzjoni ta’ kapital”). Skont il-kundizzjonijiet oriġinali, l-ING setgħet tagħżel illi tifdi t-titoli b’EUR 15-il wieħed (50 % iżjed mill-prezz tal-ħruġ) fi żmien tliet snin jew, wara dan iż-żmien, sabiex tikkonvertihom f’azzjonijiet ordinarji. Madankollu, fil-każ tal-aħħar il-Pajjiżi l-Baxxi setgħu jagħżlu li ING tifdi b’EUR 10, bl-interessi. Ċedola (pagament tal-interessi) fuq it-titoli titħallas lill-Istat biss jekk l-ING tkun ħallset dividend fuq l-azzjonijiet ordinarji. Il-Kummissjoni kkostatat illi l-kontribuzzjoni ta’ kapital kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat favur ING u awtorizzatha biss proviżorjament. Kieku kien ġie sottomess pjan ta’ ristrutturazzjoni lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur, l-awtorizzazzjoni kienet tiġi estiża awtomatikament sakemm il-Kummissjoni tkun ħadet deċiżjoni dwar dan il-pjan. Id-deċiżjoni inizjali kienet tirrigwarda numru ta’ impenji illi ntrabtu bihom il-Pajjiżi l-Baxxi, inter alia r-restrizzjoni fuq it-tkabbir tal-karta tal-bilanċ tal-ING.
4.
Fil-31 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Pajjiżi l-Baxxi bid-deċiżjoni tagħha illi tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2) KE (id-“deċizjoni ta’ ftuħ ( 5 )”) peress illi kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-faċilità ta’ sostenn ta’ assi mhux likwidi (iktar ’il quddiem il-“FSAI”) mogħtija lill-ING, mal-prinċipji ġenerali dwar il-miżuri ta’ salvataġġ tal-assi ( 6 ). Madankollu, din il-miżura ġiet approvata għal perjodu ta’ sitt xhur. Ġie ukoll iddikjarat illi l-Pajjiżi l-Baxxi kienu ntrabtu illi jissottomettu pjan ta’ ristrutturazzjoni li jkopri kemm il-kontribuzzjoni ta’ kapital kif ukoll l-FSAI.
5.
Fit-12 ta’ Mejju 2009, il-Pajjiżi l-Baxxi ssottomettew dan il-pjan. Wara li saru laqgħat mal-Kummissjoni, fit-22 ta’ Ottubru 2009 ġie ppreżentat pjan irrevedut. Dan il-pjan irrevedut kien jinkorpora, minn naħa, l-impenji fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni u, min-naħa l-oħra, tibdil fil-kundizzjonijiet oriġinali tar-rimbors tal-kontribuzzjoni ta’ kapital, li permezz tagħhom l-ING setgħet tifdi sa 50% tat-titoli bil-prezz illi bihom inħarġu, b’interessi ta’ 8.5 % fuq iċ-ċedola annwali u primjum jekk l-azzjonijiet tagħha jinbiegħu b’iżjed minn EUR 10. Skont il-prezz tal-azzjonijiet, il-primjum seta’ jvarja minn EUR 340 miljun sa EUR 705 miljun, sabiex jiġi żgurat redditu minimu intern ta’ 15 %.
6.
Fit-18 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, dwar il-kontribuzzjoni ta’ kapital, it-tibdil tal-kundizzjonijiet tar-rimbors, l-FSAI, u l-garanziji pprovduti skont l-iskema nazzjonali ta’ garanzija ta’ kreditu.
7.
L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi:
“L-għajnuna ta’ ristrutturar pprovduta mill-Pajjiżi l-Baxxi lill-ING tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat.
L-għajnuna hija kumpatibbli mas-suq komuni, soġġetta għall-impenji stabbiliti fl-Anness II.
Il-limitazzjoni temporanja fuq it-tkabbir tal-karta tal-bilanċ stabbilita fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Novembru 2008 li tikkonċerna l-miżura tar-rikapitalizzazzjoni lil ING, tneħħiet.”
8.
L-Anness II kien jinkludi 11-il sett ta’ impenji (f’dawn il-proċeduri wkoll imsejħa “miżuri kumpensatorji”) fir-rigward tal-Istat tal-Pajjiżi l-Baxxi u/jew l-ING, bil-għan illi jiġi rrimedjat it-tgħawiġ tal-kompetizzjoni kkaġunat mill-għajnuna ta’ ristrutturazzjoni.
9.
Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni ma applikatx il-kriterju tal-investitur privat fir-rigward tal-kontribuzzjoni ta’ kapital, tat-tibdil fil-kundizzjonijiet tar-rimbors jew tal-FSAI, għalkemm dan il-kriterju applikatu fir-rigward tal-garanziji tal-kreditu. F’dak illi jirrigwarda t-tibdil tal-kundizzjonijiet tar-rimbors, ikkunsidrat li skont il-kundizzjonijiet l-oriġinali ING kien ikollha tħallas primjum ta’ EUR 2.5 biljun, iżda, peress illi issa tkun trid tħallas biss bejn EUR 340 miljun u EUR 705 miljun, hi kienet qegħda tgawdi minn vantaġġ addizzjonali ta’ bejn EUR 1.79 biljun u EUR 2.2 biljun ( 7 ).
Is- sentenza appellata
10.
Kemm il-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll ING appellaw id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali.
11.
Fil-Kawża T-29/10, il-Pajjiżi l-Baxxi talbu l-annullament “[ta]l-ewwel paragrafu [...] tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, li huwa, inter alia, ibbażat fuq il-konstatazzjoni, esposta fil-premessa 98 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors tal-kontribuzzjoni ta’ kapital mogħtija mill-awtoritajiet Olandiżi tinkludi għajnuna addizzjonali lil ING fl-ammont ta’ EUR 2 biljun”.
12.
Fil-kawża T-33/10, l-ING, sostnuta mill-bank ċentrali tal-Pajjiżi l-Baxxi, id-De Nederlandsche Bank NV (iktar ’il quddiem id-“DNB”), talbet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata b’mod partikolari “sa fejn din tikkunsidra li l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors tal-kontribuzzjoni ta’ kapital tinkludi għajnuna addizzjonali fl-ammont ta’ EUR 2 biljun.”
13.
Il-Qorti Ġenerali għaqqdet il-kawżi u annullat “l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-[deċiżjoni kkontestata], it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni u l-Anness II ta’ din id-deċiżjoni”. Ir-raġunar tagħha f’dan ir-rigward, kif espost fil-punti 95 sa 160 tas-sentenza appellata, jista’ jiġi rrikapitulat fil-qosor skont kif ġej.
14.
It-tibdil tal-kundizzjonijiet tar-rimbors, illi bis-saħħa tagħhom il-Pajjiżi l-Baxxi bbenefikaw minn qligħ iggarantit illi ma kienx disponibbli skont il-kundizzjonijiet l-oriġinali, kellu jiġi evalwat fid-dawl tal-kriterju tal-investitur privat. Il-Kummissjoni ma applikatx dan il-kriterju għal din is-sitwazzjoni u injorat id-diversi rapporti disponibbli dwar il-qligħ previst u dwar l-aġir ta’ investitur privat. L-argumenti tagħha illi ING kienet marbuta tifdi t-titoli skont il-kundizzjonijiet oriġinali ma kinux konvinċenti.
15.
Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-ħlas taċ-ċedola illi sar obbligatorju taħt il-kundizzjonijiet il-ġodda. Għalhekk l-ammont ta’ kull għajnuna kellu jitnaqqas b’mod proporzjonali mal-ammont taċ-ċedola.
16.
Għalhekk il-Kummissjoni żbaljat fil-kalkolu tagħha tal-ammont tal-għajnuna mill-Istat illi kien jinvolvi t-tibdil tal-kundizzjonijiet tar-rimbors. Kieku kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni r-remunerazzjoni mibdula, tkun tista’ tiġi affettwata l-evalwazzjoni kemm ta’ dak li jista’ jiġi kklassifikat bħala għajnuna kif ukoll tal-kompatibbiltà mas-suq komuni, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kontribut ta’ ING jew tal-miżuri intiżi li jirrimedjaw it-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni.
17.
L-għajnuna ta’ ristrutturazzjoni kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, kienet tinkludi l-għajnuna illi suppost irriżultat mit-tibdil tal-kundizzjonijiet tar-rimbors, iżda mingħajr ma ddistingwietha mill-bqija tal-għajnuna. Għalhekk dan l-ewwel paragrafu kellu jiġi annullat fl-intier tiegħu.
18.
Il-Kummissjoni kienet analizzat il-portata tal-miżuri kumpensatorji fid-dawl ta’, inter alia, l-għajnuna li rriżultat mit-tibdil tal-kundizzjonijiet tar-rimbors. Minħabba l-iżbalji tagħha, ma setgħetx tkompli tikkontendi illi l-għajnuna ta’ ristrutturazzjoni kienet tikkostitwixxi dak l-ammont sinjifikanti illi abbażi tiegħu kienu ġew evalwati l-miżuri kumpensatorji. Il-Kummissjoni għalhekk kienet żbaljat fil-konklużjoni tagħha illi tibdil tal-kundizzjonijiet tar-rimbors irriżulta f’għajnuna mill-Istat ta’ bejn wieħed u ieħor EUR 2 biljun. L-irregolarità ta’ din il-kostatazzjoni rriżultat fl-irregolarità tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u tal-Anness II tiegħu, fis-sens illi l-kompatibbiltà tal-għajnuna ta’ ristrutturazzjoni kienet tiddependi minn analiżi u minn impenji li kellhom jiġu evalwati fid-dawl tal-għajnuna ta’ ristrutturazzjoni, illi kienet tinkludi l-għajnuna addizzjonali.
L- appell u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
19.
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza appellata, tiċħad ir-rikorsi fl-ewwel istanza u tikkundanna r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u lil ING ibatu l-ispejjeż;
—
sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiġi kkunsidrata u li tirriżerva l-ispejjeż;
—
iktar sussidjarjament, tannulla t-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u lil ING ibatu l-ispejjeż tal-appell.
20.
Il-Kummissjoni tressaq sitt aggravji:
—
l-ewwel nett, ma hemm ebda rekwiżit illi jiġi applikat il-kriterju tal-investitur privat fir-rigward tat-tibdil tal-kundizzjonijiet tar-rimbors għal miżura illi fiha nnifisha tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat;
—
it-tieni nett, il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-kalkolu tagħha tad-dħul illi tilef l-Istat minħabba t-tibdil tal-kundizzjonijiet tar-rimbors;
—
it-tielet nett, anki jekk il-Kummissjoni erronjament ittrattat it-tibdil tal-kundizzjonijiet bħala għajnuna mill-Istat, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex il-jedd illi tannulla fl-intier tiegħu l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata;
—
ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat illi t-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata kien neċessarjament kontra l-liġi minħabba illi l-Kummissjoni kienet żbaljat meta kkostatat illi t-tibdil tal-kundizzjonijiet tar-rimbors kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat;
—
il-ħames nett, il-Qorti Ġenerali ħadet deċiżjoni ultra petita meta annullat it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u l-Anness II tagħha;
—
is-sitt nett, sussidjarjament, kieku l-Qorti Ġenerali kellha raġun illi tannulla l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u l-Anness II tagħha, ma setgħetx ma tannullax it-tielet paragrafu tal-Artikolu 2.
21.
Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkunsidra li s-sitt aggravji huma kollha infondanti, u jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
Tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż;
—
sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.
22.
L-ING jidhrilha illi bosta mill-aggravji huma, fl-intier tagħhom jew in parti, inammissibbli, ineffettivi, jew mingħajr ebda skop ġuridiku u illi l-appell in ġenerali huwa infondat. Għalhekk titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
Tiddikjara parti mill-appell inammissibbli u/jew parzjalment ineffettiv, tiċħdu kompletament, u tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż;
—
sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u tirriżerva l-ispejjeż;
23.
DNB, intervenjenti fl-ewwel istanza insostenn ta’ ING, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel u r-raba’ aggravji bħala infondati.
24.
Il-Qorti tal-Ġustizzja awtorizzat serje oħra ta’ sottomissjonijiet limitati għall-ewwel aggravju. Is-seduta tas-26 ta’ Settembru 2013 iffokat fuq l-ewwel u r-raba’ aggravji.
Żviluppi paralleli
25.
Fil-11 ta’ Mejju 2012, il-jum illi fih ippreżentat l-appell tagħha fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ġdida illi tirrigwarda l-għajnuna ta’ ristrutturazzjoni mogħtija lill-ING ( 8 ). F’din id-deċiżjoni, hija eżaminat it-tibdil fil-kundizzjonijiet tar-rimbors fid-dawl tal-kriterju tal-investitur privat, u ħadet il-pożizzjoni illi investitur privat ma kienx jaċċetta dawn il-kundizzjonijiet. Għalhekk il-Kummissjoni kkonkludiet illi t-tibdil kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat iżda li, fid-dawl ta’ ċerti impenji proposti mill-Pajjiżi l-Baxxi, kien kompatibbli mas-suq intern.
26.
Din id-deċiżjoni ġiet ikkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali kemm mill-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll minn ING għar-raġuni, inter alia, illi l-Kummissjoni kienet żbaljat fl-applikazzjoni tagħha tal-kriterju tal-investitur privat. Madankollu, ir-rikorsi ġew sussegwentement irtirati u l-kawżi mħassra mir-reġistru ( 9 ).
L-ewwel aggravju (l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat)
27.
Matul il-proċess tal-analiżi tagħha fil-punti 95 sa 114 tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali ġibdet l-attenzjoni għall-fatt illi, sabiex miżura tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, trid, inter alia, tagħti lill-impriża benefiċjarja vantaġġ ekonomiku illi din l-impriża ma kinitx tkun tista’ tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq. Fil-każ ta’ kontribuzzjoni ta’ kapital, għandu jiġi evalwat jekk, f’ċirkustanzi simili, investitur privat ta’ statura paragunabbli ma’ dik ta’ awtorità pubblika setax ġie pperswadut jagħmel kontributi kapitali tal-istess kobor. Fejn, ladarba jkun iddeċieda illi jissottoskrivi għal kapital maħruġ minn impriża illi jkun suġġett għal ċerti kundizzjonijiet ta’ rimbors, l-Istat jaqbel illi jbiddel dawn il-kundizzjonijiet, kemm il-kontribut tal-kapital kif ukoll it-tibdil tal-kundizzjonijiet tar-rimbors jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, jekk l-Istat ma jkunx aġixxa f’kull każ bħal ma kieku jaġixxi investitur privat f’sitwazzjoni simili. Il-Kummissjoni ma setgħetx ma tevalwax it-tibdil fil-kundizzjonijiet tar-rimbors fid-dawl tal-kriterju tal-investitur privat sempliċiment għaliex il-kontribuzzjoni ta’ kapital innifisha kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Huwa biss wara li tkun saret din l-evalwazzjoni li l-Kummissjoni setgħet tikkonkludi jekk kienx ingħata vantaġġ addizzjonali.
28.
Fil-punti 115 sa 125, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-analiżi tal-Kummissjoni tat-tibdil tal-kundizzjonijiet tar-rimbors u kkonkludiet illi din kienet interpretat ħażin il-kunċett tal-għajnuna billi naqset milli tevalwa jekk, meta aċċetta dan it-tibdil, l-Istat kienx aġixxa bħal ma kien jaġixxi investitur privat f’sitwazzjoni simili, b’kunsiderazzjoni partikolari għall-fatt illi t-tibdil ipprovda għar-rimbors antiċipat u pprovda ċertezza ikbar fir-rigward ta’ redditu sodisfaċenti f’kundizzjonijiet tas-suq.
29.
Fil-punti 126 sa 134, il-Qorti Ġenerali kompliet biex teżamina l-probabbiltà illi ING kienet teżerċita l-għażla tagħha, skont il-kundizzjonijiet tar-rimbors l-oriġinali, illi tifdi t-titoli fl-ewwel tliet snin, fid-dawl ta’ dak illi sostniet il-Kummissjoni illi ING kienet tkun de facto obbligata tagħmel dan, u b’hekk tipprovdi l-Istat bi dħul ta’ EUR 2.5 biljun u illi l-Istat, billi aċċetta l-kundizzjonijiet mibdula, kien ċeda d-dritt tiegħu għal dak id-dħul u b’hekk ipprovda għajnuna addizzjonali. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet illi ING kienet fil-fatt teżerċita l-għażla biss f’ċirkustanzi speċifiċi illi ma seħħewx, u li ma kienx probabbli li jseħħu.
30.
Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex raġun tqis li l-kriterju tal-investitur privat kellu jiġi applikat fir-rigward tat-tibdil tal-kundizzjonijiet tar-rimbors. Fil-qalba tal-argument tagħha hemm l-asserzjoni li t-tibdil ma setax jiġi interpretat bħala miżura separata li kellha tiġi evalwata separatament mill-kontribuzzjoni ta’ kapital. Ma hemmx dubju li l-kontribuzzjoni ta’ kapital kienet tikkostitwixxi miżura ta’ għajnuna mill-Istat, li minnha kienu jiffurmaw parti integrali l-kundizzjonijiet tar-rimbors l-oriġinali. Din il-miżura kienet tikkostitwixxi obbligu li bħala awtorità pubblika, l-Istat kellu jassumi, sabiex jevita disturb serju fl-ekonomija tal-Pajjiżi l-Baxxi minħabba falliment ta’ bank nazzjonali sistemiku. Ebda’ investitur privat ma qatt seta’ jkun f’din il-pożizzjoni, u għalhekk ma kienx hemm skop illi jiġi applikat il-kriterju tal-investitur privat għall-kontribuzzjoni ta’ kapital — inkluż il-kundizzjonijiet tar-rimbors tagħha, kemm jekk l-oriġinali jew dawk mibdula. L-unika evalwazzjoni li kellha ssir kienet dwar jekk it-tibdil ipprovdiex lil ING b’vantaġġ addizzjonali.
31.
Il-partijiet l-oħra essenzjalment huma tal-fehma li t-tibdil tal-kundizzjonijiet tar-rimbors kien separat mill-kontribuzzjoni ta’ kapital l-oriġinali. Ladarba din l-kontribuzzjoni kienet saret, l-Istat kien f’pożizzjoni illi seta’ sab ruħu fiha investitur privat — jiġifieri detentur ta’ titoli. Investitur bħal dan jista’ jkun proprju jixtieq, għal raġunijiet ekonomiċi raġonevoli, illi jerġa’ jinnegozja l-kundizzjonijiet illi skonthom kellhom jinfdew it-titoli. Hekk ġara fil-każ tal-Istat tal-Pajjiżi l-Baxxi, illi pprefera jiskambja redditu inqas ċert, għalkemm potenzjalment ogħla, għal rimbors iggarantit, illi anki jekk iktar baxx, xorta waħda jkun irrappreżenta redditu sodisfaċenti fuq l-investiment. F’dan il-każ, ma kienx biss possibbli iżda neċessarju, skont il-ġurisprudenza, illi jiġi applikat il-kriterju tal-investitur privat sabiex jiġi ddeterminat jekk it-tibdil tal-kundizzjonijiet tar-rimbors kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.
32.
ING issostni wkoll illi l-argument tal-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni ta’ kapital u t-tibdil tal-kundizzjonijiet tar-rimbors kienu jiffurmaw parti minn serje ta’ miżuri konnessi, huwa fattwalment inammissibbli.
33.
M’hinix konvinta minn dan l-argument dwar l-ammissibbiltà. Il-konnessjonijiet fattwali bejn il-miżuri ma humiex inkwistjoni hawn. Dak illi għandha inkwistjoni huwa punt ta’ liġi, dwar jekk, fid-dawl ta’ dawn il-konnessjonijiet, il-Qorti Ġenerali kellhiex raġun meta ddeċidiet illi l-Kummissjoni kien messa applikat il-kriterju tal-investitur privat meta kienet qegħda teżamina t-tibdil tal-kundizzjonijiet tar-rimbors.
34.
Barra dan, nixtieq nenfasizza illi l-aggravju preżenti jirrigwarda biss din il-kwistjoni. Huwa irrelevanti x’kien ikun ir-riżultat ta’ dan il-kriterju li kieku ġie applikat. Sa ċertu punt l-argument żvija għall-kwistjoni tal-aħħar u — sa dan il-punt — ma għandux jitqies. Barra dan, il-kriterju issa ġie applikat mill-Kummissjoni u l-kontestazzjonijiet fir-rigward ta’ kif ġie applikat dan il-kriterju issa ġew irtirati ( 10 ). Madankollu, dawn iċ-ċirkustanzi ma jnaqqsux mill-bżonn illi tiġi riżolta l-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali kellhiex raġun tiddeċiedi illi kellu jiġi applikat fid-deċiżjoni kkontestata.
35.
Fil-fehma tiegħi, hemm żewġ domandi illi għandhom jiġu risposti fil-kunsiderazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat: (i) l-aġir tal-Istat kien tali li jista’ jiġi pparagunat b’mod sinjifikattiv ma’ att ta’ investitur privat; (ii) jekk iva, dan l-aġir ġie ddeterminat mill-kunsiderazzjonijiet illi huma rilevanti biss jew, tal-anqas primarjament, għall-Istat fil-kapaċità tiegħu ta’ awtorità pubblika, jew dan l-istess aġir seta’ jittieħed ukoll f’“kundizzjonijiet normali tas-suq minn investitur privat li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-Istat ( 11 )?” L-istadju (i) jirrigwarda l-applikabbiltà tal-kriterju, l-istadju (ii) jirrigwarda l-applikazzjoni tiegħu. F’dan il-każ lilna tikkonċernana biss l-applikabbiltà.
36.
Il-Kummissjoni hija interessata li tillimita l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat. Jista’ jkun illi tibża’ li kieku dan il-kriterju jkollu jiġi applikat sistematikament, miżura illi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, ma kinitx tittieħed minn investitur privat raġonevoli tista’ tiġi analizzata fis-sens illi tissodisfa l-kriterju ( 12 ). Jekk dan ikun il-każ, din issir kwistjoni ġenerali. Madankollu, f’dan il-każ tista’ tiġi ttrattata biss billi jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi tal-kontribuzzjoni ta’ kapital f’ING u t-tibdil tal-kundizzjonijiet tar-rimbors.
37.
Ma hemmx dubju li, sa fejn jikkonċerna l-kontribuzzjoni ta’ kapital innifisha, ma kien hemm ebda similarità sinjifikattiva bejn l-aġir tal-Istat u dak ta’ investitur privat. Meta “salva” bank nazzjonali sistemiku fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja serja li nqalgħet fl-2008, l-Istat tal-Pajjiżi l-Baxxi kien qiegħed jaġixxi biss fil-kapaċità tiegħu ta’ awtorità pubblika suprema mħassba dwar l-istabbiltà tal-ekonomija nazzjonali b’mod ġenerali. Huwa ċar illi din ma hijiex kapaċità illi investitur privat jista’ jkollu. Huwa wkoll paċifiku li l-kontribuzzjoni ta’ kapital kif ġiet proposta fil-bidu kellha tiġi evalwata fl-intier tagħha, inkluż il-kundizzjonijiet tar-rimbors l-oriġinali li kienu jiffurmaw parti integrali mill-għajnuna proposta.
38.
Għalhekk tqum id-domanda dwar jekk il-kundizzjonijiet tar-rimbors il-mibdula kellhomx jiġu evalwati fuq l-istess bażi tal-kundizzjonijiet l-oriġinali, jew jekk it-tibdil kellux jitqies bħala miżura separata.
39.
Jidhirli illi setgħu jiġu previsti żewġ approċċi: ir-rievalwazzjoni tal-kontribuzzjoni ta’ kapital b’mod ġenerali, billi l-kundizzjonijiet l-oriġinali jiġu ssostitwiti bil-kundizzjonijiet tar-rimbors il-mibdula, sabiex jiġi ddeterminat mill-ġdid l-ammont tal-għajnuna; jew l-evalwazzjoni tat-tibdil tal-kundizzjonijiet bħala miżura separata, sabiex jiġi ddeterminat jekk, u jekk dan ikun minnu, sa liema punt, ir-riżorsi tal-Istat intużaw biex jipprovdu lil ING b’benefiċċju. Skont l-ewwel approċċ, l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tar-rimbors ikun jifforma parti integrali mill-evalwazzjoni tal-kontribuzzjoni ta’ kapital mogħtija mill-Istat fil-kapaċità tiegħu ta’ awtorità pubblika, u ma kien ikun hemm ebda similarità sinjifikattiva mal-aġir ta’ investitur privat. Madankollu, il-Kummissjoni fil-fatt adottat it-tieni approċċ. Jekk dan l-approċċ kienx l-approċċ ġust ma huwiex importanti għall-iskopijiet preżenti. Il-fatt hu li dan kien l-approċċ illi adottat il-Kummissjoni.
40.
Għaldaqstant, jidhirli li huwa diffiċli għall-Kummissjoni li issa tasserixxi li t-tibdil tal-kundizzjonijiet tar-rimbors kien inseparabbli mill-kontribuzzjoni ta’ kapital u li seta’ jiġi evalwat biss skont l-istess kriterji. Jidhirli wkoll illi, jekk dan it-tibdil jiġi evalwat bħala miżura separata, isir proprju impossibbli illi wieħed jipparaguna l-aġir tal-Istat ma’ dak ta’ investitur privat.
41.
Huwa veru li l-kontribuzzjoni ta’ kapital tal-bidu kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u li, intrinsikament, investitur privat qatt ma jista’ jkun f’pożizzjoni li jagħti għajnuna mill-Istat. Madankollu, permezz tal-għajnuna li ta fil-bidu, l-Istat sar detentur ta’ titoli li kellhom jiġu mifdija skont kundizzjonijiet speċifiċi. Investitur privat jista’ wkoll ikun f’pożizzjoni bħal din. Ma jidhirlix illi l-fatt li l-valur tat-titoli miżmuma mill-Istat ikun ogħla minn dak normali fil-każ ta’ investitur privat, jikkostitwixxi kunsiderazzjoni deċiżiva. Lanqas il-kwistjoni dwar jekk it-titoli kinux ta’ natura mhux tas-soltu, kif allegat il-Kummissjoni — li fi kwalunkwe każ hija kwistjoni ta’ fatt illi f’appell, taqa’ barra l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Kwalunkwe detentur ta’ titoli, fi kwalunkwe ammont u ta’ kwalunkwe natura, jista’ jkun jixtieq jew jaqbel illi jerġa’ jinnegozja l-kundizzjonijiet tal-fidi tagħhom. Għalhekk huwa konsegwentement importanti li f’dan ir-rigward jiġi pparagunat l-aġir tal-Istat ma’ dak ta’ investitur privat ipotetiku f’pożizzjoni simili. Jidhirli li d-domanda hija sempliċiment: “Kien ikun raġonevoli għal investitur privat illi, kienet x’kienet ir-raġuni, żamm it-titoli bl-istess kundizzjonijiet, u li qagħad attent għall-kundizzjonijiet tas-suq, ikun qabel mal-istess tibdil ta’ dawn il-kundizzjonijiet?”
42.
Nixtieq nenfasizza illi wasalt għal din il-fehma abbażi tal-fatt illi, kif fil-fatt ġara, il-Kummissjoni ttrattat it-tibdil tal-kundizzjonijiet tar-rimbors bħala miżura separata illi kienet kapaċi tiġi evalwata bħala waħda li tikkostitwixxi għoti ta’ benefiċċju identifikabbli lil ING mir-riżorsi tal-Istat. Filwaqt li ma jien qegħda nieħu ebda pożizzjoni dwar jekk dan l-approċċ kienx tajjeb jew xieraq, jidhirli li li kieku l-Kummissjoni kellha tevalwa mill-ġdid il-kontribuzzjoni ta’ kapital b’mod ġenerali, inkluż il-kundizzjonijiet tar-rimbors il-mibdula, kull riskju tat-tip illi jien alludejt għalih fil-punt 36 iktar ’il fuq seta’ ġie evitat, anki kieku ġie applikat il-kriterju tal-investitur privat. Li kieku l-kontribuzzjoni ta’ kapital kollha kienet ġejja mir-riżorsi tal-Istat sabiex jingħata vantaġġ mingħajr ebda kumpens jew redditu mit-tranżazzjoni speċifika (għall-kuntrarju ta’ benefiċċju ġenerali għall-ekonomija nazzjonali), x’aktarx illi l-kriterju tal-investitur privat ma kienx jiġi ssodisfatt. Madankollu, din l-evalwazzjoni ma saritx, u l-kwistjoni dwar l-applikabbiltà tal-kriterju f’dawn iċ-ċirkustanzi ma qamitx. Fil-fatt it-tibdil tal-kundizzjonijiet tar-rimbors ġie evalwat bħala miżura separata u ma kien hemm ebda raġuni għaliex ma jiġix applikat il-kriterju tal-investitur privat.
43.
Għaldaqstant niċħad l-ewwel aggravju.
It-tieni aggravju (l-evalwazzjoni tat-telf tad-dħul)
44.
Fil-punti 135 sa 142 tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat illi, anki jekk il-Kummissjoni setgħet tikkonkludi li l-Istat kien sofra telf ta’ dħul, ma ddeterminatx b’mod korrett l-ammont ta’ dan it-telf. Il-Kummissjoni ma kkunsidratx il-fatt illi, skont il-kundizzjonijiet tar-rimbors kif mibdula, il-ħlas ta’ ċedola fir-rigward ta’ interessi akkumulati fiż-żmien ta’ rimbors antiċipat ma baqax jiddependi fuq il-ħlas ta’ dividend lid-detenturi ta’ ishma ordinarji. Il-Kummissjoni kienet konxja ta’ dan il-fatt u ma kellhiex il-jedd illi tinjorah. F’dan il-każ l-Istat tal-Pajjiżi l-Baxxi rċieva EUR 258.5 miljun meta sar rimbors antiċipat fil-21 ta’ Diċembru 2009 — ammont illi ma kienx jirċievi skont il-kundizzjonijiet tar-rimbors l-oriġinali, minħabba illi ebda dividend ma tħallas għas-sena 2009. Filwaqt illi l-Kummissjoni ma setgħetx tkun taf dan l-ammont minn qabel, kien messha indagat dwar x’effett seta’ kellu dan il-pagament fuq l-ammont ta’ għajnuna addizzjonali msemmi fid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, fid-deċiżjoni kkontestata l-ammont tat-telf li sofra l-Istat ġie erronjament stmat li kien mijiet ta’ miljun ta’ euro ogħla milli suppost, żball illi invalida l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-kunċett ta’ għajnuna.
45.
L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li skont il-kundizzjonijiet oriġinali tar-rimbors kif ippreżentati mill-Pajjiżi l-Baxxi, ING kienet marbuta tħallas l-interessi akkumulati kull meta tirrimborsa l-kontribuzzjoni ta’ kapital, u li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi stqarr illi l-kundizzjonijiet tar-rimbors ma kinux tbiddlu fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni rrevedut; il-Kummissjoni għalhekk kellha raġun ma tnaqqasx l-interessi mħallsa fl-2009. Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u ING jikkontestaw din l-allegazzjoni iżda jqisuha bħala argument fattwali li fi proċedura ta’ appell jaqa’ barra l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
46.
It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li l-interessi li ma kinitx naqqset (massimu ta’ EUR 303 miljun) ma setax kellhom effett fuq jekk it-tibdil tal-kundizzjonijiet tar-rimbors jiġix ikklassifikat bħala għajnuna, jew fuq l-evalwazzjoni tal-kombatibbiltà tagħha mas-suq intern jew mal-iskop tal-impenji fil-forma ta’ miżuri kumpensatorji. Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u ING jsostnu li l-impenji inkwistjoni (fl-Anness II tad-deċiżjoni kkontestata) ma nħolqux b’mod volontarju iżda ġew imposti mill-Kummissjoni fid-dawl tal-ammont tal-għajnuna involuta. Li kieku dan l-ammont ġie ddeterminat b’mod korrett, il-portata tal-impenji neċessarji kienet tinbidel.
47.
Naqbel illi fi proċedura ta’ appell, l-argument dwar jekk il-kundizzjonijiet tar-rimbors mibdula ġewx deskritti b’mod korrett fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni rivedut, u l-punt sa fejn dawn setgħu kienu differenti mill-kundizzjonijiet oriġinali, jaqgħu barra l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet illi ż-żewġ serje ta’ kundizzjonijiet kienu differenti u li l-Kummissjoni kienet konxja ta’ dan il-fatt. Għalkemm il-Kummissjoni ppreżentat verżjoni differenti tal-fatti, ma hijiex tallega li l-Qorti Ġenerali għawġet is-sens ċar tal-evidenza.
48.
Il-kwistjoni ġuridika sostantiva hija dwar jekk il-Qorti Ġenerali kinitx iġġustifikata li tikkonkludi, mill-fatti kif sabithom, illi “ma tistax tiġi skartata l-ipoteżi” li, kieku l-Kummissjoni kienet ħadet kont tal-interess addizzjonali li rċieva l-Istat, dan “seta’ jkoll[u] effetti” fuq il-klassifikazzjoni tat-tibdil tal-kundizzjonijiet tar-rimbors bħala għajnuna jew fuq l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, jew fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri kumpensatorji, u illi tikkunsidra illi minħabba dan “l-evalwazzjoni tal-kunċett tal-għajnuna” ġie invalidat minn żball fattwali ( 13 ).
49.
Huwa ċar mill-fatti espressi fil-punt 14 et seq tas-sentenza appellata li, b’mod ġenerali, l-impenji imposti mill-Pajjiżi l-Baxxi u minn ING sabiex jiġi rrimedjat it-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni kienu essenzjalment imposti mill-Kummissjoni bħala kundizzjoni biex l-għajnuna tkun kompatibbli mas-suq intern. Madankollu, it-tibdil fil-kundizzjonijiet tar-rimbors — illi bl-evalwazzjoni tiegħu hija s-suġġett ta’ dan l-appell — ġie nnotifikat lill-Kummissjoni biss fit-22 ta’ Ottubru 2009, u ma hemm ebda indikazzjoni fis-sentenza appellata illi wara din id-data sar xi tibdil tal-impenji fid-dawl tat-bidla fil-kundizzjonijiet. Jidhirli wkoll li ma huwiex ċert illi differenza ta’ EUR 303 miljun, minn total ta’ bjen EUR 1.79 biljun u EUR 2.2 biljun (jiġifieri differenza ta’ bejn wieħed u ieħor 14 % u 17 %) kienet tinfluwenza d-deċiżjoni dwar jekk kienx hemm għajnuna mill-Istat, jew jekk kien hemm, jekk din kinitx kompatibbli mas-suq intern. Madankollu, jidhirli li huwa tal-anqas plawsibbli li l-impenji kien ikollhom jiġu rriveduti.
50.
Il-formulazzjoni użata mill-Qorti Ġenerali (“ma tistax tiġi skartata l-ipoteżi” illi l-evalwazzjoni “setgħet” ġiet “affetwata” minħabba żball fattwali) ma tidhirx illi hija indifensibbli f’dawn iċ-ċirkustanzi. Imma din ġiet invalidata mill-“evalwazzjoni tal-kunċett tal-għajnuna”? Peress illi l-Qorti Ġenerali ma kinitx kompetenti biex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha stess, jidhirli li l-unika konklużjoni li setgħet tasal għaliha kienet illi l-Kummissjoni kellha tagħmel evalwazzjoni oħra ġdida fuq il-bażi fattwali l-korretta.
51.
Għaldaqstant, kieku jien niċħad it-tieni aggravju.
It-tielet aggravju (l-annullament fl-intier tiegħu tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata)
52.
Fil-punti 151 sa 153 tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat illi, fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, ma saret ebda distinzjoni bejn id-diversi elementi tal-“għajnuna ta’ ristrutturazzjoni” illi ġiet ikkonstatata bħala għajnuna mill-Istat, iżda illi tinkorpora fiha l-għajnuna addizzjonali ta’ bejn wieħed u ieħor EUR 2 biljun li rriżultat mill-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet illi, minħabba l-iżbalji illi kkompromettew il-klassifikazzjoni tal-emenda bħala għajnuna addizzjonali, il-paragrafu kellu jiġi annullat fl-intier tiegħu.
53.
Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex il-jedd illi tannulla l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 fl-intier tiegħu. Minħabba li l-klassifikazzjoni ta’ miżuri li ma kinux jikkostitwixxu tibdil fil-kundizzjonijiet tar-rimbors (b’mod partikolari, il-kontribuzzjoni ta’ kapital u l-FSAI) bħala għajnuna mill-Istat kienet tista’ tiġi diżassoċjata minn kwalunkwe żball fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-emenda bħala tali, l-annullament kiser il-prinċipju tal-proporzjonalità. Barra dan, l-ewwel paragrafu kien att purament konfermattiv fir-rigward ta’ dawk il-miżuri l-oħra (illi kienu diġà ġew evalwati fid-deċiżjoni inizjali), u tali att ma jistax jiġi rikużat fi proċeduri ta’ annullament. L-annullament tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għandu għalhekk jiġi rrevokat sa fejn dan jikkonċerna miżuri li ma jikkostitwixxux l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors.
54.
Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u ING jiġbdu l-attenzjoni għall-fatt illi l-paragrafu inkwistjoni jikkonsisti f’sentenza waħda, illi ebda parti minnha ma setgħet tiġi annullata b’tali mod illi tippermetti li l-konstatazzjoni tal-għajnuna mill-Istat fir-rigward ta’ miżuri li ma jikkostitwixxux l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors, tibqa’ formalment intatta. Madankollu, l-annullament għandu jiġi interpretat fid-dawl tar-raġunar tal-Qorti Ġenerali, illi minnu jidher ċar li kienet biss il-klassifikazzjoni tal-għajnuna li tirriżulta mill-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors illi kienet qed tiġi kkontestata. Barra dan, dan l-annullament fil-fatt reġa’ rrestawra d-deċiżjoni inizjali, illi fiha kien instab illi l-kontribuzzjoni ta’ kapital kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, u l-paragrafu inkwistjoni ma kienx wieħed “purament” konfermattiv, peress illi kien ibbażat fuq rieżami tal-fatti, inklużi l-fatti l-ġodda relatati mal-kundizzjonijiet mibdula.
55.
Il-kwistjoni preżenti hija l-biċċa l-kbira waħda ta’ formalità. Ma huwiex qed jiġi argumentat illi l-Qorti Ġenerali ma kellha ebda ħsieb illi tannulla, bħala tali, il-klassifikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata bħala għajnuna mill-Istat, dawk il-miżuri illi ma jikkostitwixxux l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors, u l-anqas ma hu qiegħed jiġi allegat illi kellha tagħmel dan. Id-domandi li jqumu huma: x’kien l-effett tal-annullament fl-intier tiegħu tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata; u setgħet il-Qorti Ġenerali, wara li waslet għall-konklużjoni li l-klassifikazzjoni tal-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors bħala għajnuna mill-Istat kienet ivvizzjata, ipproċediet mod ieħor?
56.
F’dak illi jirrigwarda l-effett tal-annullament, il-Kummissjoni għandha raġun tippreċiża li proċedura għall-annullament kontra deċiżjoni li hi purament konfermattiva fil-konfront ta’ deċiżjoni preċedenti li ma kinitx ġiet ikkontestata fiż-żmien illi suppost, hija inammissibbli ( 14 ). Madankollu, din ir-regola, illi tirrigwarda l-ammissibbiltà ta’ rikors għall-annullament, sempliċiment tirrifletti l-fatt illi d-deċiżjoni preċedenti ma għadhiex tista’ tiġi annullata, u għalhekk l-annullament tad-deċiżjoni konfermattiva ma jkollu ebda effett fuq il-pożizzjoni legali. Għalhekk, sa fejn l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata kkonferma deċiżjonijiet preċedenti li kienu jikklassifikaw il-miżuri bħala għajnuna mill-Istat, l-annullament tiegħu ma jista’ jkollu ebda effett fuq il-konstatazzjonijiet preċedenti. Din il-konklużjoni tirrigwarda, fi kwalunkwe każ, il-konstatazzjonijiet illi l-kontribuzzjoni ta’ kapital u l-FSAI kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat ( 15 ). F’dak illi jirrigwarda l-garanziji, is-sitwazzjoni ma hijiex stabbilita b’mod daqshekk ċar fid-deċiżjoni kkontestata, iżda ma nsib ebda indikazzjoni li kien hemm xi deċiżjoni preċedenti li kkonkludiet li l-garanziji li diġà tħallsu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat ( 16 ).
57.
Għalhekk jidher illi l-annullament tal-ewwel paragrafu fl-intier tiegħu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata (a) ma kellu ebda effett fuq il-klassifikazzjoni preċedenti tal-kontribuzzjoni ta’ kapital u l-FSAI bħala għajnuna mill-Istat, iżda (b) annulla l-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat, fid-deċiżjoni kkontestata nnifisha, mhux biss tal-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors, iżda wkoll tal-għajnuna mogħtija taħt l-iskema ta’ garanzija ta’ kreditu. Madankollu, il-klassifikazzjoni tal-għajnuna mogħtija taħt l-iskema ta’ garanzija ta’ kreditu ma ġietx ikkontestata fil-proċeduri fl-ewwel istanza.
58.
F’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li kellha l-Qorti Ġenerali biex tipproċedi mod ieħor, il-Kummissjoni tikkwota eżempju fejn il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt annullat paragrafu simili f’deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, sa fejn dan kien jirrigwarda ċerti ammonti msemmija fih, iżda mhux identifikati fih separatament ( 17 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja aġixxiet pjuttost bl-istess mod f’ċirkustanzi simili, billi annullat, pereżempju, deċiżjoni li permezz tagħha ġiet ordnat l-irkupru tal-għajnuna mogħtija lil erba’ kumpanniji sa fejn l-ammont kien jinkludi l-interessi dovuti wara li dawn iż-żewġ kumpanniji, illi ma ġewx speċifikament identifikati fil-paragrafu rilevanti tal-parti operattiva tad-deċiżjoni, ġew iddikjarati falluti ( 18 ). Ma nara ebda raġuni għaliex il-Qorti Ġenerali ma kellhiex tieħu approċċ simili fis-sentenza appellata.
59.
Jien għalhekk jidhirli li t-tielet aggravju għandu jintlaqa’ peress illi, billi l-Qorti Ġenerali annullat fl-intier tiegħu l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, hi annullat ukoll il-konstatazzjoni f’din id-deċiżjoni li l-garanziji mill-iskema ta’ garanzija tal-kreditu nazzjonali li bbenefikat minnhom l-ING kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.
Ir-raba’ aggravju (l-annullament konsegwenzjali tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata)
60.
Fil-punti 154 sa 160 tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-għajnuna addizzjonali riżultanti mill-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors kienet parti integrali mill-għajnuna ta’ ristrutturazzjoni li kienet qegħda tiġi evalwata mill-Kummissjoni. Din l-għajnuna addizzjonali ma setgħetx tiġi mifruda mill-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata u mill-evalwazzjoni li wasslet għad-“determinazzjoni tal-livell ta’ impenji rikjest sabiex l-għajnuna tkun tista’ tiġi ddikjarata bħala kompatibbli [mas-suq komuni]”. L-irregolarità tal-konstatazzjoni li ngħatat għajnuna addizzjonali ta’ bejn wieħed u ieħor EUR 2 biljun għalhekk neċessarjament wasslet għall-irregolarità tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, illi kien jgħid illi l-għajnuna kienet kompatibbli mas-suq komuni “soġġetta għall-impenji stabbiliti fl-Anness II”, u tal-Anness II innifsu, sa fejn il-kompatibbiltà tal-għajnuna ta’ ristrutturazzjoni kienet tiddependi fuq analiżi u fuq impenji li s-sustanza tagħhom kellha tiġi evalwata fid-dawl tal-ammont tal-għajnuna, illi kien jinkludi din l-għajnuna addizzjonali.
61.
Il-Kummissjoni essenzjalment issostni li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex raġun tieħu dan l-approċċ, minħabba li l-impenji ġew proposti minn ING u mill-Istat tal-Pajjiżi l-Baxxi, u l-Kummissjoni ma kellha ebda setgħa li tirrifjutahom anki jekk dawn kienu jeċċedu dak illi kien neċessarju biex jiġi rrimedjat it-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni. Għalhekk, anki kieku l-Kummissjoni fil-fatt stmat l-ammont totali tal-għajnuna iżjed milli kien attwalment, dan ma kellu ebda konsegwenza għall-miżuri kumpensatorji offruti u aċċettati, u għalhekk ma kienx jiġġustifika l-annullament ta’ dawk il-partijiet tad-deċiżjoni kkontestata li stabbilew l-impenji li fid-dawl tagħhom l-għajnuna setgħet tiġi ddikjarata bħala kompatibbli. Il-Kummissjoni targumenta wkoll illi, minħabba li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx deċiżjoni li tikkonkludi proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 659/1999 ( 19 ), hija ma kellhiex is-setgħa li żżid il-kundizzjonijiet mad-deċiżjoni tagħha skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu.
62.
Il-partijiet l-oħra jirreferu għall-punti 14 sa 36 tas-sentenza appellata, illi jindikaw li l-Kummissjoni fil-fatt insistiet fuq l-impenji meħtieġa sabiex l-għajnuna tkun komptabbli. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat illi l-ammont ta’ għajnuna kien ġie erronjament stmat iżjed milli kien attwalment; li kieku din l-istima ma kinitx żbaljata, il-Kummissjoni ma kienx ikollha għalfejn tinsisti li jiġu imposti impenji daqshekk serji bħal ma għamlet.
63.
Fil-fehma tiegħi, huwa qabel kollox neċessarju li wieħed iħares lejn il-fatti kif ġew ikkonstatati mill-Qorti Ġenerali dwar kif oriġinaw l-impenji stabbiliti fl-Anness II tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, ma jidhirlix illi huwa rilevanti l-argument tal-Kummissjoni li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx deċiżjoni li kienet tikkonkludi proċedura ta’ investigazzjoni formali. Dak illi jgħodd hu jekk — skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali — il-Kummissjoni fil-fatt iddettatx il-kundizzjonijiet tal-impenji elenkati fl-Anness II tad-deċiżjoni kkontestata; jekk iva, ma tistax sempliċiment tiddependi fuq l-argument illi ma kellha ebda setgħa illi taċċetta impenji iżgħar.
64.
Fir-rendikont tal-proċedura amministrattiva fil-punti 9 sa 37 tas-sentenza appellata, ġew esposti konstatazzjonijiet ċari fis-sens illi l-Kummissjoni ripetutament indikat il-miżuri li dehrilha li huma neċessarji u ddikjarat li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ma kienx jista’ jiġi approvat mingħajr dawn il-miżuri. Il-Qorti Ġenerali tuża frażijiet bħal “it-talbiet tal-Kummissjoni” (punt 20), “kif rikjesti mill-Kummissjoni” (punt 29) u “sabiex tirrispondi għat-talbiet tal-Kummissjoni” (punt 31). B’kuntrast ma’ dan ma hemm ebda indikazzjoni ta’ xi aġir simili min-naħa tal-Kummissjoni wara li ġie nnotifikat it-tibdil tal-kundizzjonijiet tar-rimbors tat-22 ta’ Ottubru 2009, u l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-kompetenza li tagħmel xi konstatazzjoni dwar jekk, bejn din id-data u s-6 ta’ Novembru 2009, meta ntemmu t-taħdidiet dwar l-abbozz tad-deċiżjoni, ġewx immodifikati xi uħud mill-impenji fl-Anness II, kemm jekk fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni u kemm jekk ta’ xi parti oħra.
65.
Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma bbażatx il-konklużjoni, illi qegħda tiġi kkontestata mill-Kummissjoni f’dan l-aggravju, fuq il-preżunzjoni li kienu meħtieġa impenji speċifiċi bħala konsegwenza tat-tibdil tal-kundizzjonijiet tar-rimbors. Hi pjuttost dehrilha li l-livell ta’ impenji b’mod ġenerali li l-Kummissjoni kienet lesta taċċetta, kien direttament u proporzjonalment dipendenti fuq l-ammont tal-għajnuna, ukoll b’mod ġenerali, u għalhekk inkluż l-għajnuna li tirriżulta mit-tibdil tal-kundizzjonijiet tar-rimbors, illi l-evalwazzjoni tagħhom kienet diġà nstabet mill-Qorti Ġenerali li kienet ivvizzjata bi żbalji. Huwa f’dan il-kuntest illi l-Kummissjoni toġġezzjona li ma kellha ebda setgħa li tiddetermina l-livell tal-impenji u jidhrilha li r-raġunar tal-Qorti Ġenerali huwa difettuż.
66.
Jidhirli li r-raġunar inkwistjoni hu fil-fatt inadegwat, iżda mhux għar-raġuni proposta mill-Kummissjoni. L-unika konklużjoni li wieħed jista’ jasal għaliha mill-konstatazzjonijiet fattwali tal-paragrafu 9 et seq tas-sentenza appellata, hi li l-livell tal-impenji li l-Kummissjoni kienet lesta illi taċċetta kien ġie ddeterminata qabel l-20 ta’ Ottubru 2009. Konsegwentement, in-notifika dwar it-tibdil tal-kundizzjonijiet tar-rimbors wara din id-data ma affettwatx dawn l-impenji. Għalhekk ma kien hemm ebda raġuni sabiex il-Qorti Ġenerali tannulla dawk il-partijiet tad-deċiżjoni kkontestata li rrendew il-konstatazzjoni tal-kompatibbiltà suġġetta għal dawn l-impenji. Li kieku l-Kummissjoni kkontestat din il-parti tas-sentenza appellata fuq dawn il-motivi, kont inkun lesta li nilqa’ r-rikuża.
67.
Madankollu, l-aggravju tal-Kummissjoni għandu jirnexxi jew jaqa’ permezz tal-argument tagħha li ma kellha ebda poter tinfluwenza l-impenji maħulqa volontarjament mill-Istat Membru u l-bank, liema argument ġie rrifjutat fil-konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali. Jidhirli li minħabba li l-Kummissjoni ma allegatx li l-fatti ġew mgħawġa, l-aggravju preżenti ma għandux jintlaqa’.
Il-ħames aggravju (l-annullament ultra petita tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata)
68.
Fil-punti 64 sa 66 tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali indikat it-talbiet tar-rikorrenti. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi talab illi jiġi annullat “l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, li huwa bbażat, inter alia, fuq il-konstatazzjoni esposta fil-premessa 98 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors tal-kontribuzzjoni ta’ kapital mogħtija mill-awtoritajiet Olandiżi tinkludi għajnuna addizzjonali lil ING fl-ammont ta’ EUR 2 biljun”; ING għamlet tliet talbiet, illi minnhom il-Qorti Ġenerali eżaminat biss l-ewwel waħda: l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata “sa fejn din tikkunsidra li l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors tal-kontribuzzjoni ta’ kapital tinkludi għajnuna addizzjonali fl-ammont ta’ EUR 2 biljun”.
69.
Fil-parti operattiva tas-sentenza, il-Qorti Ġenerali annullat l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u l-Anness II tiegħu.
70.
Il-Kummissjoni ssostni li, meta annullat it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u l-Anness II tiegħu, il-Qorti Ġenerali eċċediet il-ġurisdizzjonijiet tagħha, marret kontra l-prinċipju li s-suġġett tal-proċeduri għandu jkun limitat mill-partijiet, ħadet deċiżjoni ultra petita, u wettqet ksur ta’ proċedura li affettwa l-interessi tal-Kummissjoni b’mod negattiv. L-annullament mitlub fit-talbiet illi ġew eżaminati minn dik il-Qorti kien illimitat għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2, u ma kien hemm xejn fit-talba (b’mod partikolari, il-kliem “inter alia”) jew fir-risposti tal-partijiet għad-domandi bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali qabel is-seduta, illi seta’ jestendi għal partijiet oħra tad-deċiżjoni kkontestata.
71.
Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li ladarba l-paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata (il-kostatazzjoni illi l-għajnuna ta’ ristrutturazzjoni tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat) ġie annullat, il-konstatazzjoni fit-tieni paragrafu (illi l-għajnuna kienet kompatibbli “soġġetta għall-impenji stabbiliti fl-Anness II”) saret mingħajr skop, l-istess bħal dawn l-impenji; għalhekk il-Qorti Ġenerali ma ħaditx deċiżjoni ultra petita meta annullat dawk il-partijiet tad-deċiżjoni kkontestata b’risposta għat-talba għall-annullament tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2. ING ssostni li l-aggravju huwa inammissibbli minħabba li l-Kummissjoni ma qajmitx, fl-ewwel istanza, il-kwistjoni taċ-ċarezza u l-preċiżjoni tat-talbiet tal-partijiet. Iż-żewġ partijiet isostnu li, fit-tieni talba tagħha (għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata “sa fejn il-Kummissjoni ssuġġettat l-approvazzjoni tal-għajnuna għall-aċċettazzjoni tal-projbizzjonijiet ta’ leadership fuq il-prezzijiet kif indikat fid-deċiżjoni u fl-Anness II tagħha”), ING talbet l-annullament tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2.
72.
Ma nistax naqbel mal-oġġezzjoni ta’ ING kontra l-ammissibbiltà ta’ dan l-aggravju. Naturalment, huwa biss wara li l-Qorti Ġenerali tkun qatgħet is-sentenza li tista’ tqum kwistjoni dwar jekk ittieħditx deċiżjoni ultra petitia.
73.
F’dak illi jirrigwarda s-sustanza, naqbel mal-argument tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi. L-annullament tal-konstatazzjoni li l-għajnuna ta’ ristrutturazzjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) KE — u għalhekk kienet, fil-prinċipju, inkompatibbli mas-suq komuni — kien ifisser illi din ma kienx għadha tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u għalhekk ma kinitx għadha inkompatibbli. Minħabba dan, il-konstatazzjoni li l-għajnuna kienet kompatibbli mas-suq komuni suġġetta għal ċerti impenji ma setgħetx tiġi milqugħha, peress illi kien ikun ifisser illi għandhom jinħolqu impenji fir-rigward ta’ għajnuna li kienet diġà kompatibbli mingħajr dawn l-impenji. Konsegwentement, l-annullament tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u l-Anness II tagħha kien riżultat inevitabbli tal-annullament tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2, kif mitlub mill-partijiet fit-talbiet eżaminati mill-Qorti Ġenerali.
74.
Għalhekk jidhirli li l-ħames aggravju ma għandux jintlaqa’.
Is-sitt aggravju (sussidjarjament: il-fatt illi ma ġiex annullat it-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata)
75.
Fil-parti operattiva tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali annullat l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata (billi kkonstatat, rispettivament, illi l-għajnuna ta’ ristrutturazzjoni tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u li l-għajnuna kienet kompatibbli mas-suq komuni, suġġett għall-impenji fl-Anness II), filwaqt illi ħalliet intatt it-tielet paragrafu, illi permezz tiegħu ġiet irrevokata l-limitazzjoni provviżorja fuq it-tkabbir tal-karta tal-bilanċ imposta fuq ING.
76.
Fil-każ li l-aggravju preċedenti tagħha ma jintlaqax, il-Kummissjoni sussidjarjament issostni li, billi annullat l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma annullatx ukoll it-tielet paragrafu.
77.
Id-deċiżjoni inizjali ħadet kont tal-impenn ta’ ING illi tillimita t-tkabbir tal-karta tal-bilanċ tagħha sabiex tnaqqas it-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni kkawżat mill-kontribuzzjoni ta’ kapital. Il-Kummissjoni ddeċidiet, fid-dawl ta’ dan l-impenn, illi setgħet tapprova l-kontribuzzjoni ta’ kapital provviżorjament. It-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata rrevoka l-limitazzjoni provviżorja tal-karta tal-bilanċ illi kienet ir-riżultat tad-deċiżjoni inizjali. Id-deċiżjoni li jitneħħew dawn ir-restrizzjonijiet u l-konstatazzjoni ta’ kompatibbiltà, kienu bbażati fuq l-istess analiżi u impenji u għalhekk kienu indiviżibbli, u r-raġunar fil-konfront tagħhom ma jistax jinqata’ għalih. Li kieku l-Qorti Ġenerali kellha raġun illi tannulla din l-analiżi u dawn l-impenji, ING ma kienx messha ġiet meħlusha mir-restrizzjonijiet fuq il-karta tal-bilanċ illi kienet suġġetta għalihom qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. Li jitħalla t-tielet paragrafu intatt ibiddel is-sustanza tad-deċiżjoni. Kieku annullatu, il-Qorti Ġenerali xorta ma setgħetx tqiegħed lil ING f’pożizzjoni aħjar milli kienet qabel id-deċiżjoni kkontestata, u lanqas ma kienet tkun tista’ tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha b’dik tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni inizjali, meta awtorizzat provviżorjament il-kontribuzzjoni ta’ kapital.
78.
Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jistaqsi kif il-Qorti Ġenerali waslet biex tannulla t-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 meta ma saret ebda talba biex isir dan. L-iskop tat-tielet paragrafu ma ntilifx bl-annullament tal-ewwel u tat-tieni paragrafu. Jekk dan l-annullament għandux iwassal għall-annullament tat-tielet paragrafu jirrikjedi evalwazzjoni sostantiva li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tagħmel sakemm ma kinitx mitluba tagħmel dan, u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tagħmel waqt proċedura ta’ appell. Barra dan, l-aggravju ma għadx baqagħlu skop. Fil-11 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni ħadet deċiżjoni ġdida li fiha għal darb’oħra iddeterminat illi t-tibdil tal-kundizzjonijiet tar-rimbors kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (iżda ma kkwantifikathiex) u awtorizzat l-għajnuna bl-istess kundizzjonijiet. ING tqajjem argumenti simili: l-aggravju huwa manifestament inammissibbli minħabba li l-Kummissjoni ma talbietx dan il-ħelsien temporanju fl-ewwel istanza; u ma għad baqagħlu ebda skop wara d-deċiżjoni tal-11 ta’ Mejju 2012.
79.
Jidhirli li l-annullament tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata (u ma’ dan, bħala konsegwenza inevitabbli, tat-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu) kellu l-effett (kif ikkontenda l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-kuntest tat-tielet aggravju) illi jerġa’ jirrestawra d-deċiżjoni inizjali, illi fiha kien instab illi l-kontribuzzjoni ta’ kapital kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Skont is-sentenza appellata, il-Kummissjoni, sostniet f’din id-deċiżjoni li jekk jiġi ppreżentat pjan ta’ ristrutturazzjoni fi żmien sitt xhur, il-validità tad-deċiżjoni inizjali tiġi awtomatikament estiża sakemm tiġi adottata deċiżjoni dwar il-pjan ( 20 ). Din il-validità ġiet għalhekk estiża sakemm id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata. L-annullament tal-ewwel żewġ paragrafi tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata kien ifisser illi ma kienx għad hemm deċiżjoni dwar il-pjan ta’ ristrutturazzjoni. Bħala konsegwenza loġika, id-deċiżjoni inizjali, illi inkorporat fiha limitazzjoni fuq it-tkabbir tal-karta tal-bilanċ ta’ ING, suppost kellha terġa’ tibda tgawdi l-validità estiża tagħha sakemm tittieħed deċiżjoni ġdida u finali.
80.
Madankollu, il-Qorti Ġenerali ħalliet intatta t-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, u b’hekk — wieħed jista’ jassumi illi bi żvista, peress illi fis-sentenza appellata ma hemmx kunsiderazzjonijiet f’dan ir-rigward — biddlet il-kontenut tad-deċiżjoni inizjali.
81.
Ma huwiex sorprendenti li l-argumenti tal-partijiet f’dan ir-rigward jikkuntrastaw mal-argumenti tagħhom fil-kuntest tal-ħames aggravju. F’dan il-każ il-Kummissjoni sostniet illi l-Qorti Ġenerali ma kellhiex il-jedd illi tannulla parti mid-deċiżjoni ladarba ma kinitx saret talba speċifika għal dan mill-applikanti, u l-partijiet l-oħra sostnew illi dan l-annullament irriżulta awtomatikament mill-annullament tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Minħabba li l-aggravju preżenti tqajjem mill-Kummissjoni sussidjarjament biss, ma hemm ebda inkonsistenza fl-approċċ tagħha, iżda jidher illi hemm inkonsistenza fl-approċċ tal-partijiet l-oħra.
82.
Min-naħa tiegħi, jidhirli li huwa konsistenti mal-analiżi tiegħi tal-ħames aggravju li jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali, wara li annullat l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, mhux biss kellha l-jedd iżda kellha d-dover illi tannulla kemm it-tieni paragrafu kif ukoll it-tielet paragrafu ta’ dak l-artikolu, sabiex tevita li tbiddel is-sustanza tad-deċiżjoni inizjali, illi l-validità tagħha reġgħet ġiet irrestawrata u estiża permezz tal-annullament tal-ewwel paragrafu.
83.
Jien jidhirli wkoll illi l-oġġezzjoni ta’ ING fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ dan l-aggravju ma hijiex sostenibbli. Il-Kummissjoni ma setgħetx tkun mistennija, fl-ewwel istanza, titlob il-ħelsien provviżorju li qegħda titlob issa, minħabba li l-iskop tagħha kien illi tippreżerva d-deċiżjoni kkontestata.
84.
Għalhekk, kieku jien nilqa’ s-sitt aggravju.
Il- konsegwenzi tal-evalwazzjoni
85.
Jien wasalt għall-fehma li t-tielet aggravju għandu jintlaqa’ parzjalment u sitt aggravju għandu jintlaqa’ fl-intier tiegħu. B’konsegwenza ta’ dan, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata fis-sens illi, peress illi annullat fl-intier tiegħu l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, ma eskluditx minn dan l-annullament il-konstatazzjoni li l-garanziji li rċiviet ING mill-iskema nazzjonali ta’ garanzija ta’ kreditu kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, u peress illi din naqset milli tannulla t-tielet paragrafu tal-istess artikolu.
86.
Jidhirli li sentenza bħal din hija suffiċjenti biex jinqata’ l-appell, mingħajr ma jkun hemm ebda bżonn illi l-kawża tintbagħat lura lill-Qorti Ġenerali biex tkompli tiġi kkunsidrata. Barra dan, l-eżistenza tad-deċiżjoni sussegwenti tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Mejju 2012 tfisser illi l-konsegwenzi prattiċi tas-sentenza ser ikunu limitati.
87.
Skont l-Artikolu 138, 140 u 184 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jidhirli li kull waħda mill-partijiet għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha.
Konklużjoni
88.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha
—
tannulla s-sentenza li qegħda tiġi appellata sa fejn, meta annullat fl-intier tiegħu l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, hija naqset milli teskludi minn dak l-annullament il-konstatazzjoni li l-garanziji li rċiviet ING mill-iskema nazzjonali ta’ garanzija ta’ kreditu kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, u sa fejn naqset milli tannulla t-tielet paragrafu tal-istess artikolu;
—
tikkundanna lill-partijiet ibatu l-ispejjeż tagħhom fil-proċeduri tal-appell.
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Kawżi magħquda tad-29 ta’ Marzu 2010, Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep vs Il-Kummissjoni (T‑29/10 u T‑33/10).
( 3 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/608/KE, tat-18 ta’ Novembru 2009, dwar l-għajnuna mill-Istat C 10/09 (ex N 138/09) implimentata mill-Pajjiżi l-Baxxi għall-faċilità ta’ sostenn ta’ assi mhux likwidi u l-pjan ta’ ristrutturar tal-ING (ĠU 2010, L 274, p. 139; iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
( 4 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Scott (C-290/07 P, Ġabra I-7763, punt 68) u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, EDF (C-124/10 P, punt 78) u l-ġurisprudenza ċċitata. Il-kriterju tal-investitur privat huwa magħruf ukoll bħala l-prinċipju ta’ investitur privat jew il-kriterju (jew prinċipju) ta’ investitur f’ekonomija tas-suq (xi kultant imqassar għal “MEIP”).
( 5 ) Ara, ĠU C 158, 11.7.2009, p. 13.
( 6 ) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-Trattament ta’ Assi indeboliti fis-Settur Bankarju tal-Komunità (ĠU C 72, 26.3.2009, p. 1).
( 7 ) Ara wkoll il-punti 1 sa 49 tas-sentenza appellata.
( 8 ) C (2012) 3150 finali – Għajnuna mill-Istat SA.28855 (N 373/2009) (ex C 10/2009 u ex N 528/2009) — Il-Pajjiżi l-Baxxi — ING — għajnuna ta’ ristrutturazzjoni. Ara, b’mod partikolari, il-premessi 114 sa 156.
( 9 ) Digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Diċembru 2012 fil-Kawżi Magħquda T-325/12 u T-332/12, Il-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep vs Il-Kummissjoni.
( 10 ) Ara l-punti 25 u 26 hawn fuq.
( 11 ) EDF, punt 79).
( 12 ) Jista’ wkoll ikun hemm kwistjoni ta’ prattiċità peress illi, minħabba li l-kriterju tal-investitur privat jinvolvi evalwazzjoni ekonomika kumplessa, l-applikazzjoni tiegħu tkun ta’ piż kbir wisq fuq ir-riżorsi tal-Kummissjoni. Madankollu, ma naħsibx illi din il-kwistjoni jista’ jkollha rilevanza ġuridika.
( 13 ) Punti 141 u 142 tas-sentenza appellata.
( 14 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2012, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni (C-416/11 P, punt 32).
( 15 ) Ara l-premessi 97 u 99 fil-preambolu tad-deċiżjoni kkontestata.
( 16 ) Il-garanziji futuri huma wkoll ittrattati fid-deċiżjoni kkontestata, iżda huwa ppreċiżat illi dawn ser jiġu evalwati f’deċiżjoni separata (ara l-premessa 47 fil-preambolu).
( 17 ) Kawżi magħquda tat-13 ta’ Settembru 2010, Il-Greċja et vs Il-Kummissjoni (T-415/05, T-416/05 u T-423/05, Ġabra II-4749).
( 18 ) Sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2000, Spanja vs Il-Kummissjoni (C-480/98, Ġabra I-8717).
( 19 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).
( 20 ) Punt 10 tas-sentenza appellata, premessi 71 sa 74 fil-preambolu tad-deċiżjoni oriġinali.
Full & Egal Universal Law Academy