KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fit-13 ta’ Frar 2014 ( 1 )
Kawża C‑476/12
Österreichischer Gewerkschaftsbund
vs
Verband Österreichischer Banken und Bankiers
[talba għal deċiżjoni preliminari mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija)]
“Ftehim Qafas dwar xogħol part-time — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni — Ftehim kollettiv li jipprovdi għal allowance għall-ulied dipendenti — Allowance imħallsa pro rata lil ħaddiema part-time”
1.
Ftehim kollettiv bejn sindakat u federazzjoni ta’ min jimpjega jeħtieġ li kuntratti ta’ impjieg f’settur ekonomiku partikolari jkunu jinkludu dispożizzjoni dwar il-ħlas ta’ ‘allowance għall-ulied dipendenti’ sabiex jiġu parzjalment ikkumpensati l-ispejjeż ta’ min jimpjega għall-manteniment tal-ulied tiegħu jew tagħha. Il-prinċipju ta’ pro rata temporis inkluż fil-Klawżola 4.2 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time (“il-Ftehim Qafas”) anness mad-Direttiva tal-Kunsill 97/81 ( 2 ) jista’ jiġi applikat għal dik l-allowance? Jekk fin-negattiv, jista’ l-iżvantaġġ għal ħaddiema part-time li jirriżulta meta jsir tnaqqis proporzjonali fl-allowance għall-ulied dipendenti (biex jirrifletti s-sigħat inqas ta’ xogħol tagħhom) jiġi ġġustifikat oġġettivament abbażi tal-Klawżola 4.1 tal-Ftehim Qafas? Fl-aħħar nett, jekk skont interpretazzjoni korretta tal-Ftehim Qafas dan it-tnaqqis proporzjonali tal-allowance għall-ulied dipendenti huwa illegali, l-Artikolu 28 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (’il-Karta’) jinvalida ċerti partijiet tal-ftehim kollettiv inkwistjoni?
2.
Dawn huma essenzjalment id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema), l-Awstrija, li joriġinaw minn kawża bejn l-Österreichischer Gewerkschaftsbund (il-Federazzjoni Sindakali Awstrijaka, “l-ÖGB”) u l-Verband Österreichischer Banken und Bankiers (l-Assoċjazzjoni tal-Banek u l-Bankiera), “l-VÖBB” dwar l-interpretazzjoni korretta tal-ftehim kollettiv innegozjat bejniethom (’il-ftehim kollettiv għas-settur bankarju’).
I – Id-dritt tal-UE
Il-Karta
3.
Id-dritt ta’ negozjar u azzjoni kollettiva huwa garantit bl-Artikolu 28 tal-Karta, li jistipula li:
“Il-ħaddiema u dawk li jħaddmu, jew l-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom, għandhom, skond il-liġi tal-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali, id-dritt li jinnegozjaw u li jikkonkludu ftehim kollettivi fil-livelli xierqa u, fil-każ ta’ konflitti ta’ interess, li jieħdu azzjoni kollettiva, inkluż l-istrajk, sabiex jiddefendu l-interessi tagħhom”.
It- TFUE
4.
L-Artikolu 157(2) TFUE jinkludi tifsira ta’ “paga” għall-għanijiet tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “paga” tfisser il-paga jew is-salarju komuni bażiku jew minimu u kwalunkwe remunerazzjoni oħra, sew jekk fi flus jew in natura, li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament, għall-impjieg tiegħu, mingħand min iħaddmu”.
Id- Direttiva 97/81 u l-Ftehim Qafas
5.
L-għan tad-Direttiva 97/81 kien li jiġi implimentat il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time, li huwa anness ma’ din id-direttiva ( 3 ).
6.
Il-Ftehim Qafas innifsu kien konkluż bil-għan li jiġu stabbiliti l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet minimi għal xogħol part-time, u jinħoloq qafas ġenerali għall-eliminazzjoni ta’ diskriminazzjoni kontra ħaddiema part-time u l-iżvilupp tal-potenzjal għal xogħol part-time fuq bażi aċċettabbli kemm għal min iħaddem u għall-ħaddiema ( 4 ).
7.
Il-Klawżola 1 tal-Ftehim Qafas tipprovdi:
“L-iskop ta’ dan il-Ftehim Qafas hu:
(a)
li jipprovdi għat-tneħħija tad-diskriminazzjoni kontra ħaddiema part-time u li jtejjeb il-kwalità ta’ xogħol part-time;
(b)
li jiffaċilita l-iżvilupp ta’ xogħol part-time fuq bażi volontarja u li jikkontribwixxi għall-organizzazzjoni flessibbli ta’ ħin ta’ xogħol b’tali mod li jieħu in konsiderazzjoni il-bżonnijiet ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema”.
8.
Il-Klawżola 4 tistabbilixxi l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni:
“1.
Fejn għandhom x’jaqsmu il-kundizzjonijiet tax-xogħol, ħaddiema part-time m’għandhomx jiġu trattati b’manjiera inqas favorevoli minn ħaddiema full-time tal-istess tip biss minħabba li huma jaħdmu part-time kemm-il darba dan it-trattament differenti mhuwiex oġġettivament ġustifikat.
2.
Meta approprjat, għandu japplika l-prinċipju ta’ pro rata temporis.
[…]”
II – Il-Liġi Awstrijaka
9.
L-Artikolu 54(2) tal-Arbeits- und Sozialgerichtsgesetz (Il-Liġi dwar il-Qrati tax-Xogħol u l-Qrati Soċjali, ‘l-ASGG’) jistipula proċedura speċjali li tista’ tiġi invokata sabiex tinkiseb deċiżjoni definittiva dwar it-tifsira ta’ dispożizzjoni legali sostantiva li l-interpretazzjoni korretta tagħha hija ta’ importanza minn tal-inqas għal tlett impjegati jew persuni li jimpjegaw. Is-sentenza dikjaratorja li tingħata jkollha effett legalment vinkolanti.
10.
L-Artikolu 19d tal-Arbeitszeitgesetz (“Liġi Awstrijaka dwar il-ħin tax-xogħol, iktar ’il quddiem l-AZG”) jipprovdi:
“1. Ix-xogħol ikun “part-time” meta n-numru ta’ sigħat ta’ xogħol miftiehem għal kull ġimgħa huwa, bħala medja, inqas min-numru ta’ sigħat normali skont il-liġi maħduma kull ġimgħa jew inqas min-numru ta’ sigħat normali maħduma kull ġimgħa kif previst mill-ftehim kollettiv applikabbli.
[…]
6. Ħaddiema part-time ma għandhomx iġarrbu żvantaġġ meta pparagunati ma’ ħaddiema full-time għar-raġuni li huma jaħdmu part-time, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw differenza fit-trattament[…]
7. F’każ ta’ litigazzjoni, min iħaddem irid jipprova li kundizzjoni inqas favorevoli ma hijiex ibbażata fuq l-attività li tkun qiegħda ssir fuq bażi part-time”.
11.
Sa fejn jista’ jiġi vverifikat mid-digriet tar-rinviju, ma hemm l-ebda obbligu statutorju fil-liġi nazzjonali li jobbliga lil min iħaddem jinkludi, f’kuntratt ta’ impjieg, dispożizzjoni għall-ħlas ta’ allowance għall-ulied dipendenti. Kwalunkwe obbligu sabiex dan isir joriġina mill-ftehim kollettivi li jiġu nnegozjati bejn is-sindakati u min jimpjega (jew grupp ta’ persuni li jimpjegaw) f’settur ekonomiku partikolari; jew jirriżulta minn negozjar individwali bejn min jimpjega u l-impjegat (prospettiv).
Il-ftehim kollettiv għas-settur bankarju
12.
Il-Kapitolu III tal-ftehim kollettiv għas-settur bankarju, intitolat “Benefiċċji Soċjali”, jipprovdi li “allowances għall-familja u allowances għall-ulied jingħataw bħala benefiċċju soċjali”.
13.
L-Artikolu 22(1) ta’ dan il-ftehim jipprovdi:
“Il-ħaddiema għandhom dritt għall-allowance għall-ulied dipendenti għal kull wild li fir-rigward tiegħu huma għandhom dritt għall-allowance tal-familja statutorja u jagħtu prova li qegħdin jirċievuha. L-allowance għall-ulied dipendenti hija dovuta għall-ewwel darba (jew għal-aħħar darba) għax-xahar kalendarju li matul tiegħu l-kundizzjoni għall-ħlas tiġi ssodisfatta/ma tibqax issodisfatta.”
14.
L-Artikolu 22(4) jipprovdi li l-Artikolu 21(2), li jirrigwarda l-kalkolu tal-allowance għall-familja, japplika b’analoġija għall-allowance għall-ulied dipendenti. L-Artikolu 21(2) jipprovdi li għall-ħaddiema part-time l-allowance tiġi “kkalkulata billi l-ammont pagabbli lill-ħaddiema full-time jiġi diviż bin-numru ta’ sigħat ta’ xogħol fil-ġimgħa kif stipulat fil-ftehim kollettiv (jiġifieri, 38.5 siegħa) u billi r-riżultat jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ sigħat ta’ xogħol fil-ġimgħa tal-ħaddiem part-time kkonċernat”.
III – Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari
15.
L-ÖGB, f’isem l-impjegati part-time li l-kuntratti tax-xogħol tagħhom huma rregolati bil-ftehim kollettiv għas-settur bankarju, ressqet kawża quddiem l-Oberster Gerichtshof skont l-Artikolu 54(2) tal-ASGG fejn talbet li tingħata sentenza dikjaratorja li tali impjegati part-time kellhom dritt għall-ħlas sħiħ tal-allowance għall-ulied dipendenti, u mhux għal allowance għall-ulied dipendenti mnaqqsa pro rata sabiex jiġu riflessi s-sigħat ta’ xogħol attwali tagħhom.
16.
L-Oberster Gerichtshof issospendiet il-proċeduri u rrinvjat id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“(1)
Il-prinċipju ta’ pro rata temporis li l-applikazzjoni tiegħu hija prevista mill-Klawżola 4(2) tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time, japplika minħabba n-natura ta’ dan il-benefiċċju għal allowance għall-ulied dipendenti mħallsa minn min iħaddem fl-eżekuzzjoni ta’ ftehim kollettiv bħala benefiċċju soċjali intiż sabiex jikkumpensa parzjalment l-ispejjeż ta’ manteniment li l-ġenituri għandhom isostnu fir-rigward tal-ulied li insostenn tagħhom din l-allowance hija mħallsa?
(2)
Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:
Il-Klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 97/81/KE għandha tiġi interpretata fis-sens li, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-imsieħba soċjali meta jistabbilixxu għan ta’ politika soċjali u ekonomika kif ukoll il-miżuri xierqa għall-ksib ta’ dan il-għan, nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema part-time li tirriżulta mit-tnaqqis tad-dritt tal-allowance għall-ulied dipendenti minħabba t-tul tal-ħin ta’ xogħol tagħhom huwa oġġettivament iġġustifikat jekk jiġi kkunsidrat li projbizzjoni ta’ kalkolu proporzjonali
(a)
tagħmel iktar diffiċli, jew impossibbli, l-impjieg part-time mogħti lill-ġenituri (Elternteilzeit) u/jew xogħol marġinali matul il-perijodu ta’ leave parentali (Elternkarenzurlaub) u/jew
(b)
toħloq distrosjoni tal-kompetizzjoni minħabba ż-żieda fl-ispejjeż finanzjarji li għandu min iħaddem sabiex jimpjega numru ikbar ta’ ħaddiema part-time, żvantaġġ dan li jwassal għal tnaqqis fir-rieda ta’ min iħaddem li jimpjega ħaddiema part-time, u/jew
(ċ)
għandha l-effett li tiffavorixxi lill-ħaddiema part-time li għandhom kuntratti oħra ta’ impjieg part-time u li għandhom numru ta’ drittijiet għal benefiċċju bħall-allowance għall-ulied dipendenti skont ftehim kollettiv, u/jew
(d)
għandha l-effett li tiffavorixxi lill-ħaddiema part-time minħabba li dawn jiddisponu minn iktar ħin barra mix-xogħol mill-impjegati full-time u għalhekk ikunu faċilment jistgħu jieħdu ħsieb uliedhom?
(3)
Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel u għat-tieni domanda: L-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sistema tad-dritt tax-xogħol fejn partijiet sinjifikattivi ta’ standards minimi ta’ xogħol huma stabbiliti skont evalwazzjonijiet ta’ politika soċjali miftiehma bejn partijiet għall-ftehim kollettivi li għandhom kwalifiki għolja u li ġew magħżula b’attenzjoni, in-nullità (fil-liġi nazzjonali) ta’ regola anċillari li tmur kontra l-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni stabbilita minn ftehim kollettiv (jiġifieri r-regola tal-kalkolu proporzjonali tal-allowance għall-ulied dipendenti fil-każ ta’ xogħol part-time), twassal għan-nullità tad-dispożizzjoni sħiħa dwar dan is-suġġett (jiġifieri l-allowance għall-ulied dipendenti) li fiha din ir-regola fil-ftehim kollettiv inkwistjoni?”
17.
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-ÖGB, mill- VÖBB u mill-Kummissjoni, u lkoll kemm huma attendew għas-seduta u ppreżentaw sottomissjonijiet orali.
IV – Evalwazzjoni
Rimarki preliminari
18.
Il-punti li ġejjin jidhru li huma punti komuni bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali (kwalunkwe verifika neċessarja hija, ċertament, kwistjoni għall-qorti nazzjonali).
19.
L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju nnifisha tiddeskrivi l-allowance għall-ulied dipendenti inkwistjoni bħala “benefiċċju kuntrattwali mħallas minn min jimpjega, li mhux biss jipprovdi kumpens għall-piż finanzjarju addizzjonali ta’ trobbija tat-tfal imġarrab minħabba x-xogħol, iżda huwa maħsub li jikkumpensa għall-ispejjeż ta’ manteniment li jsostnu l-ġenituri li jaħdmu. Għaldaqstant l-allowance għall-ulied dipendenti hija allowance imħallsa minn min jimpjega sabiex tissupplimenta l-allowance supplimentari (tal-Istat) għall-familja […]. Bħala supplement għall-allowance statutorja għall-familja, l-allowance għall-ulied dipendenti għandha għan simili għal dak tal-allowance għall-familja statutorja”. Madankollu il-qorti tar-rinviju tagħmilha ċara li l-allowance għall-ulied dipendenti imħallsa skont ftehim kollettiv għas-settur bankarju ma hijiex ħlas tas-sigurtà soċjali. ( 5 )
20.
It-tieni nett, jeżisti qbil ( 6 ) li l-allowance għall-ulied dipendenti hija “paga” skont it-tifsira ta’ (dak li llum huwa) l-Artikolu 157 TFUE.
21.
It-tielet nett, preċiżament minħabba li l-allowance għall-ulied dipendenti hija ħlas monetarju, din tista’ tiġi użata mill-impjegat biex mhux biss jitħallsu l-ispejjeż tat-trobbija tat-tfal iżda anki spejjeż oħra li jkun hemm meta wieħed ikollu wlied (bħal ħlas għall-ikel, ħwejjeġ u ġugarelli) jew tabilħaqq spejjeż tad-dar b’mod ġenerali.
22.
Ir-raba’ nett, mill-1979 impjegat irid jipprova li għandu dritt għall-allowance statutorja tal-familja sabiex jikseb l-allowance kuntrattwali għall-ulied dipendenti skont il-ftehim kollettiv għas-settur bankarju. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet infurmata li, qabel dik id-data, kien meħtieġ li jkunu prodotti iktar provi kull sena u li r-rabta mad-dritt għall-allowance statutorja għat-trobbija tat-tfal primarjament kienet saret sabiex tissimplifika l-piż amministrattiv li jiġi ppruvat l-intitolament għal allowance għall-ulied dipendenti.
Ir-relazzjoni bejn il-Klawżoli 4.1 u 4.2 tal-Ftehim Qafas u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-pro rata temporis
23.
Ħaddiema part-time, min-natura tagħhom, jaħdmu inqas sigħat minn ħaddiema full-time, il-ħaddiem “full-time ekwivalenti” (attwali jew ipotetiku) (ħafna drabi magħruf fil-qosor bħala l-‘f.t.e.’). B’mod ġenerali dawn jirċievu salarju inqas. Jekk jirċievu rata inqas fis-siegħa mill-f.t.e., dan huwa b’mod ċar trattament diskriminatorju. Jekk huma jirċievu eżattament l-istess rata fis-siegħa iżda — peress li huma jaħdmu (pereżempju) 20 siegħa fil-ġimgħa pjuttost milli 40 — jieħdu inqas paga d-dar, dan it-tnaqqis fis-salarju pro rata temporis ma jissolleċita ebda kumment negattiv. Dan jitqies impliċitament li huwa “oġgettivament ġustifikat”.
24.
Il-Klawżola 4.2 tal-Ftehim Qafas tirrifletti dan billi tiddikjara b’mod lakoniku, “Meta approprjat, il-prinċipju tal-pro rata temporis għandu japplika”. Għalkemm il-persuna li għamlet l-abbozz setgħet kitbet (b’mod iktar ekonomiku), “Il-paga tista’ tingħata pro rata”, hija ma għamlitx hekk. L-użu tal-kliem “fejn approprjat” preżumibbilment ifisser li l-prinċipju pro rata temporis jista’ jiġi applikat aktarx b’mod iktar flessibbli. Iktar ’il quddiem, ser nindirizza dawn il-kliem f’iktar dettall ( 7 ).
25.
Ċerti “kundizzjonijiet tal-impjieg” fis-sens tal-Klawżola 4.1 (it-terminu ma huwiex definit) ma jistgħux, minħabba n-natura tagħhom, b’mod xieraq, jingħataw pro rata. Eżempju faċli huwa l-forniment minn min jimpjega ta’ tagħmir protettiv, bħal elmu protettiv: ma huwiex possibbli — jew xieraq — li tipprovdi nofs elmu. F’ċirkustanzi bħal dawn, jekk min jimpjega jiddistingwi bejn ħaddiem part-time u l-f.t.e. għall-iżvantaġġ tal-ewwel, hemm lok li tapplika l-Klawżola 4.1 tal-Ftehim Qafas. Min jimpjega huwa meħtieġ li jipprova li kwalunkwe trattament inqas favorevoli huwa ġġustifikat għal raġunijiet oġġettivi. Jekk ma jkunx jista’ jagħmel dan, id-differenza fit-trattament hija diskriminazzjoni li tmur kontra l-Klawżola 4.1 tal-Ftehim Qafas.
26.
Kunċettwalment, il-kwistjoni dwar jekk trattament differenzjat jeħtieġx, bħala pass separat, ikun “iġġustifikat” b’mod oġġettiv ma tiġix indirizzata bħala tali fi Klawżola 4.2 (peress li huwa aċċettat impliċitament li l-prinċipju pro rata temporis jinkorpora l-ġustifikazzjoni oġġettiva tiegħu stess). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja stħarrġet il-ġustifikazzjoni oġġettiva meta staqsiet huwiex “approprjat” li tapplika dak il-prinċipju għal ħaġa differenti minn remunerazzjoni bażika.
27.
Sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-Klawżola 4.2 tal-Ftehim Qafas biss fir-rigward tad-dritt għal leave annwali bi ħlas, li jinkludi kemm komponent ta’ ‘time off’ kif ukoll komponent ta’ “remunerazzjoni”. F’Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols ( 8 ) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien “approprjat” li jiġi applikat il-prinċipju ta’ pro rata temporis għal-leave annwali bi ħlas biex b’hekk il-leave kien imnaqqas fir-rigward ta’ perijodu ta’ impjieg part-time. Tali tnaqqis komparat mal-ħaddiema full-time kien ġustifikat għal raġunijiet oġġettivi. Dik is-sentenza kienet segwita f’Heimann ( 9 ), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-applikazzjoni tal-prinċipju pro rata temporis kienet approprjata fir-rigward tal-leave annwali bi ħlas ta’ ħaddiem b’xogħol għal perijodu qasir.
28.
F’numru ta’ każijiet oħra (mhux rigward il-Ftehim Qafas iżda l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat jekk diskriminazzjoni indiretta kinitx oġġettivament ġustifikata fejn ħaddiema part-time kienu ttrattati b’mod differenti b’riżultat tal-applikazzjoni tal-prinċipju pro rata temporis. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien oġġettivament iġġustifikat li jiġi applikat dak il-prinċipju għal pensjoni ta’ invalidità permanenti biex b’hekk l-ammont imħallas kien imnaqqas sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-impjegat kien ħa perijodu ta’ leave tal-ġenituri part-time li matul tiegħu kien għamel kontribuzzjonijiet u kiseb drittijiet tal-pensjoni proporzjonali għas-salarju (l-iktar baxx) li huwa rċieva ( 10 ). Min jimpjega kien intitolat li jnaqqas bonus pro rata temporis sabiex jirrifletti l-perijodi ta’ leave tal-ġenituri meħuda ( 11 ). Bl-istess mod, kien oġġettivament ġustifikat li jitnaqqas id-dritt għall-pensjoni b’mod proporzjonali sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ xogħol part-time u leave bla ħlas sabiex jiġu riflessi n-numru ta’ snin ta’ servizz attwali li jkun għamel uffiċjal tas-servizz ċivili meta mqabbel ma’ uffiċjal li jkun ħadem fuq bażi full-time matul il-karriera tiegħu ( 12 ).
29.
Meta l-Klawżola 4.2 tipprovdi li l-prinċipju pro rata temporis għandu jiġi applikat “fejn approprjat”, dan xi jfisser?
30.
L-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja sa issa ekwipara paga skont il-Ftehim ta’ Qafas ma’ paga skont it-Trattat u dan kien li paga tkun xi tkun tista’ tingħata pro rata: ara d-deċiżjonijiet kemm fil-ġurisprudenza dwar il-Ftehim Qafas u dik dwar id-diskriminazzjoni sesswali li għadni kif iċċitajt (Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols ( 13 ), Heimann ( 14 ), Gómez-Limón Sánchez-Camacho ( 15 ), Lewen ( 16 ) u Schönheit u Becker ( 17 )). F’dawn il-każijiet kollha, dak li ġie mnaqqas pro rata kif jaqa’ fi ħdan it-tifsira (wiesgħa) ta’ paga skont it-Trattat; u l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li dan it-tnaqqis kien oġġettivament iġġustifikat. Fiż-żewġ kawżi dwar il-Ftehim Qafas, Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols u Heimann, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikament iddeċidiet li kien “approprjat” (kif ukoll oġġettivament iġġustifikat) li jiġi applikat il-prinċipju pro rata temporis għal-leave annwali bi ħlas.
31.
Minn dan jidher li jsegwi li, fejn benefiċċju li jirriżulta minn impjieg jaqa’ fi ħdan it-tifsira ta’ paga skont it-Trattat, huwa “approprjat” li dan il-benefiċċju jitnaqqas pro rata temporis għal ħaddiem part-time.
L-ewwel domanda
32.
Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-Klawżola 4.2 tal-Ftehim Qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li huwa approprjat li jiġi applikat il-prinċipju tal-pro rata temporis għall-ħlas ta’ allowance għall-ulied dipendenti bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
33.
Jiena tal-fehma li hekk għandu jkun.
34.
Huwa minnu li — differenti minn dritt għall-pensjoni jew in-numru ta’ ġranet ta’ leave annwali bi ħlas — ma hemm ebda rabta oġġettiva bejn l-ammont tal-allowance għall-ulied dipendenti, il-“bżonn” min-naħa tal-impjegat li huwa indirizzat bl-allowance u s-sigħat maħduma minn tali impjegat. Kif ġie enfasizzat mill-ÖGB, l-eżistenza tal-ulied u l-ħtieġa li jkun hemm dispożizzjoni għall-ispejjeż assoċjati mat-trobbija tagħhom huma kwistjonijiet indipendenti minn jekk l-impjegat huwiex qiegħed jaħdem full-time jew part-time.
35.
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, fil-fehma tiegħi, abbażi tal-konstatazzjonijiet tal-qorti nazzjonali fl-ordni tar-rinviju tagħha, għalkemm l-allowance għall-ulied dipendenti titħallas biss lil dawk li juru li għandhom dritt għall-allowance statutorja għall-familja, issegwi għan partikolari u hija (naturalment) linja separata fir-rendikont tal-paga tal-impjegat, din manifestament tifforma parti minn dak li jitħallas lill-impjegat bis-saħħa tal-kuntratt ta’ impjieg tiegħu jew tagħha.
36.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allowance għall-ulied dipendenti hija b’mod ċar “paga” fis-sens ta’ (dak li llum huwa) l-Artikolu 157 TFUE, billi din hija kunsiderazzjoni li l-ħaddiem jirċievi, fi flus, rigward l-impjieg tiegħu minn min jimpjegah ( 18 ). Kemm il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll it-tifsira ta’ paga kif teżisti llum fit-Trattat tenfasizza li r-rabta bejn dawn il-ħlasijiet fi flus u l-impjieg tal-ħaddiem tista’ tkun diretta jew indiretta.
37.
F’Garland, ( 19 ) il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li meta vantaġġ mogħti lil impjegat joriġina mir-relazzjoni ta’ impjieg, in-natura legali preċiża tal-vantaġġ hija rrilevanti għall-għanijiet sabiex jiġi stabbilit jekk hijiex “paga”. F’Barber ( 20 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[g]ħalkemm huwa veru li ħafna mill-vantaġġi mogħtija minn min jimpjega jirriflettu wkoll konsiderazzjonijiet ta’ politika soċjali, il-fatt li benefiċċju huwa fin-natura ta’ paga ma jistax jiġi kkontestat meta l-ħaddiem għandu dritt jirċievi l-benefiċċju inkwistjoni minn min jimpjegah minħabba l-eżistenza tar-relazzjoni ta’ impjieg” (enfasi miżjuda).
38.
Peress li l-allowance għall-ulied dipendenti tikkostitwixxi “paga”, isegwi li huwa “approprjat” li jiġi applikat il-prinċipju pro rata temporis għal dak l-aspett ta’ paga, bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fir-rigward ta’ aspetti oħra ta’ remunerazzjoni. Il-fatt li l-allowance għall-ulied dipendenti sservi għan soċjali huwa ta’ min ifaħħru iżda ma jbiddilx il-klassifikazzjoni legali tagħha bħala “paga”; u paga tista’ tingħata pro rata ( 21 ).
39.
Il-formulazzjoni tal-Ftehim Qafas tagħti lok li jiġi kkunsidrat li hemm ċerta “triq tan-nofs”, li tikkonsisti fi “ħlasijiet soċjali minn min jimpjega” — li għalkemm huma “paga” fis-sens tad-definizzjoni klassika skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja — madankollu ma għandhomx ikunu pro rata għall-ħaddiema part-time bl-istess mod li tkun pro rata l-paga?
40.
Jiena miniex konvint li, strettament, huwa neċessarju li nwieġeb din id-domanda hawnhekk. Għalkemm l-allowance għall-ulied dipendenti sservi għan soċjali utli, il-fatt li hija inkluża bħala parti mill-pakkett ta’ remunerazzjoni huwa r-riżultat ta’ negozjar bejn iż-żewġ naħat tal-industrija. Anki jekk hemm ir-riskju ta’ simplifikazzjoni żejda, jista’ però jiġi suġġerit li, fi ħdan l-“envelop” ġenerali tal-ammont totali li min jimpjega f’dan is-settur huwa dispost li jħallas bħala pagi, il-partijiet fin-negozjati qablu li jipprovdu għajnuna addizzjonali lill-impjegati li għandhom it-tfal, u li komponenti oħra fi ħdan il-kalkolu ġenerali setgħu konċepibbilment ġew għaldaqstant aġġustati sabiex jakkomodaw din l-għażla ( 22 ). Madankollu, fl-aħħar tal-ġurnata, il-ftehim bejn il-partijiet soċjali huwa dwar il-paga, u mhux dwar għajnuna soċjali. Isegwi li l-allowance għall-ulied dipendenti, li hija parti integrali mill-paga, trid tiġi ttrattata bħala paga. Għalhekk min jimpjega għandu l-fakultà li japplika l-prinċipju pro rata temporis għal dik l-allowance meta l-impjegat jaħdem part-time.
41.
Nenfasizza li l-konklużjoni tiegħi hija bbażata fuq il-fatt li ma hemm ebda obbligu statutorju fuq min jimpjega sabiex iħallas il-benefiċċji soċjali inkwistjoni. Jekk (pereżempju) il-leġiżlatur nazzjonali kien iddeċieda li jimponi fuq min jimpjega l-piż tal-ħlas tal-allowance għall-ulied dipendenti lil dawk li jaħdmu (biex b’hekk l-Istat jissodisfa r-responsabbiltà li jħallas biss din l-allowance lil persuni mingħajr impjieg), min jimpjega jkun effettivament assuma r-rwol tal-Istat u l-konklużjoni tista’ tabilħaqq tkun differenti ( 23 ). Inżid ngħid ukoll li, filwaqt li hawnhekk il-ħaddiem part-time bla dubju jirċievi inqas flus mill-f.t.e. bħala allowance għall-ulied dipendenti u għalhekk f’termini ġenerali huwa inqas komdu finanzjarjament, huwa (jew hija) ma humiex mqegħdin fi żvantaġġ speċifiku minħabba l-fatt li l-allowance għall-ulied dipendenti hija pro rata. Huwa deliberatament li nħalli miftuħa l-kwistjoni dwar it-tweġiba li kieku kellu jintwera li jeżisti żvantaġġ speċifiku f’każ ieħor.
42.
Fl-aħħar nett, għalkemm il-Klawżola 4.2 hija redatta f’termini mandatorji — “Meta approprjat, il-prinċipju tal-pro rata temporis għandu japplika” (enfasi miżjuda) — fil-fehma tiegħi din ma għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tfisser li kull meta l-prinċipju huwa approrpjat, dan għandu jiġi applikat. Fi kliem ieħor, “il-prinċipju għandu japplika” ma jfissirx li “min iħaddem għandu jkun obbligat li japplika l-prinċipju anki jekk jixtieq ikun iktar ġeneruż” (huwa ma jistax, ċertament, iħallas lil ħaddiem part-time inqas minn dawk li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-prinċipju pro rata temporis) ( 24 ). Il-kliem “għandu japplika” sempliċement ifisser li, meta jkun approprjat li jiġi applikat il-prinċipju pro rata temporis, dan il-prinċipju għandu japplika mingħajr il-ħtieġa ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva ulterjuri. Il-fatt li l-ħaddiem part-time jaħdem inqas sigħat minn ħaddiem f.t.e. huwa suffiċjenti.
43.
Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda rrinvjata għandha tkun fis-sens li huwa approprjat, fi ħdan it-tifsira tal-Klawżola 4.2 tal-Ftehim Qafas, li jiġi applikat il-prinċipju pro rata temporis għall-allowance għall-ulied dipendenti prevista fi ftehim kollettiv, fejn ma hemm ebda obbligu statutorju fuq il-partijiet li jipprovdu għal allowance bħal din.
It-tieni domanda
44.
Din id-domanda essenzjalment tistaqsi jekk, fil-każ li l-allowance għall-ulied dipendenti ma tistax tingħata pro rata billi tiġi applikata l-Klawżola 4.2 tal-Ftehim Qafas, it-trattament mhux ugwali ta’ ħaddiema part-time li jirriżulta jekk jitħallsu inqas mill-allowance għall-ulied dipendenti sħiħa jistax madankollu jitqies li huwa oġġettivament iġġustifikat skont il-Klawżola 4.1 għal raġunijiet oħra. Id-domanda tal-qorti tar-rinviju tidentifika erba’ ġustifikazzjonijiet possibbli li, nassumi, tressqu quddiemha.
45.
Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mar-risposta għall-ewwel domanda, ma jkunx hemm bżonn li tingħata risposta għat-tieni domanda. Għall-finijiet ta’ kompletezza, madankollu jien se nittrattaha fil-qosor.
46.
Bħala prinċipju, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk waħda mir-raġunijiet mogħtija tammontax għal ġustifikazzjoni oġġettiva għad-differenza fit-trattament, b’kunsiderazzjoni għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li qorti nazzjonali għandha tikkunsidra jekk il-miżura magħżula tikkorrispondix għal bżonn reali, hijiex approprjata sabiex jinkiseb l-għan segwit u hijiex neċessarja għal dak il-għan ( 25 ). Sempliċi ġeneralizzazzjonijiet mhux ser ikunu biżżejjed sabiex jiġġustifikaw differenza fit-trattament ( 26 ); u l-evitar ta’ spejjeż miżjuda ma hijiex raġuni li ser tiġġustifika oġġettivament diskriminazzjoni indiretta ( 27 ).
47.
Madankollu, wara li ntqal dan, fil-fehma tiegħi meta ħaddiem part-time jiġi trattat b’mod żvantaġġjat meta mqabbel mal-f.t.e. billi jintużaw is-sigħat maħduma tiegħu jew tagħha bħala l-bażi għal tnaqqis proporzjonali, jew huwa “approprjat” li tkun pro rata jew inkella le. Meta l-fatt li l-ħaddiem part-time jaħdem sigħat inqas jipprovdi ġustifikazzjoni fuq raġunijiet oġġettivi, l-applikazzjoni tal-prinċipju pro rata temporis huwa “approprjat” u huwa kopert bil-Klawżola 4.2 tal-Ftehim Qafas. Meta ma jkunx “approprjat”, ma hemm ebda skop addizzjonali li jiġi eżaminat jekk madankollu t-tnaqqis pro rata jkunx oġġettivament iġġustifikat għal raġunijiet oħra u għalhekk ma jiksirx il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit skont il-Klawżola 4.1.
48.
Għal din ir-raġuni, jien tal-fehma li l-erba’ raġunijiet possibbli għal ġustifikazzjoni oġġettiva li ssemmew b’mod favorevoli quddiem il-qorti nazzjonali ma jistgħux jipprovdu bażi taħt il-Klawżola 4.1 tal-Ftehim Qafas għal tnaqqis pro rata temporis fl-ammont imħallas lil ħaddiema part-time bħala allowance lill-ulied dipendenti.
It-tielet domanda
49.
Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju effettivament trid taċċerta jekk, f’każ li l-ħlas ta’ allowance għall-ulied dipendenti proporzjonalment imnaqqsa lil impjegati part-time hija illegali, l-Artikolu 28 tal-Karta jipprekludix kwalunkwe ħlas ta’ dik l-allowance taħt il-ftehim kollettiv.
50.
Għal darba oħra, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mar-risposta li qiegħed nipproponi għall-ewwel domanda, ma jkunx neċessarju li tingħata risposta għat-tielet domanda. Għall-finijiet ta’ amministrazzjoni tajba, jiena madankollu se nittrattaha fil-qosor.
51.
L-Artikolu 28 tal-Karta jistabbilixxi d-dritt għan-negozjar kollettiv. Dan id-dritt irid jiġi eżerċitat “skont il-liġi tal-Unjoni”. Jekk dispożizzjoni fi ħdan ftehim kollettiv hija prekluża bil-liġi tal-UE, il-qorti nazzjonali ma għandhiex tapplika din id-dispożizzjoni speċifika sal-punt meħtieġ sabiex jiġi indirizzat dak li huwa illegali. Għalhekk, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tiddeċiedi li l-liġi tal-UE kienet tipprekludi l-applikazzjoni tal-prinċipju pro rata temporis għal allowance għall-ulied dipendenti, id-dispożizzjoni speċifika li tipprovdi li l-allowance tkun pro rata għal ħaddiema part-time (hawnhekk, l-Artikolu 22(4) tal-ftehim kollettiv għas-settur bankarju) ikollha ma tiġix applikata. B’riżultat ta’ dan, l-allowance għall-ulied dipendenti tkun pagabbli b’mod sħiħ skont l-Artikolu 22(1) ta’ dak il-ftehim.
52.
Fil-fehma tiegħi, dan ir-rimedju limitat u proporzjonat la jirrendi l-ftehim ineffettiv u lanqas ibiddlu sal-punt li ma jibqax jixbah iktar dak li kien ġie miftiehem mill-partijiet. Għaldaqstant, ma jkun hemm ebda ksur tad-dritt tan-negozjar kollettiv stabbilit fl-Artikolu 28 tal-Karta.
V – Konklużjoni
53.
Għaldaqstant, għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb biss għall-ewwel domanda rrinvjata mill-Oberster Gerichtshof, l-Awstrija, kif ġej:
Huwa xieraq, fis-sens tal-Klawżola 4.2 tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva tal-Kunsill 97/8/KE li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CIPE u mill-ETUC, li jiġi applikat il-prinċipju pro rata temporis għal allowance għall-ulied dipendenti prevista fi ftehim kollettiv, fejn ma hemm ebda obbligu statutorju fuq il-partijiet li jipprovdu għal tali allowance.
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 Diċembru 1997, li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time konkluż mill-UNICE, CEEP u l-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267).
( 3 ) Ara l-Artikolu 1 tad-Direttiva 97/81.
( 4 ) Il-premessa 11 fil-preambolu għad-Direttiva 97/81. Ara wkoll il-punti 4, 5 u 7 fil-“Konsiderazzjonijiet Ġenerali” li jservu bħala preambolu għall-Ftehim Qafas.
( 5 ) L-Oberster Gerichtshof applikat il-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tal-10 ta’ Ġunju 2010, Bruno u Oħrajn (Kawżi Magħquda C-395/08 u C-396/08, Ġabra I-5119, punti 41 u 42) u tal-15 ta’ April 2008, Impact (Kawża C-268/06, Ġabra I-2483, punt 131).
( 6 ) Il-kliem preċiż tal-ordni tar-rinviju f’paġna 15, punt 2.4, huma: “Unbestritten ist, dass es sich bei der zu beurteilenden Kinderzulage um Entgelt handelt” (“Ma huwiex ikkontestat li l-allowance għall-ulied dipendenti in kwistjoni hija paga”).
( 7 ) Ara punti 32 sa 43 iktar ’l isfel.
( 8 ) Sentenza tat-22 ta’ April, 2010 (Kawża C-486/08, Ġabra I-3527, punt 33).
( 9 ) Sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Heimann (Kawżi Magħquda C-229/11 u C-230/11, Ġabra, punti 34 sa 36).
( 10 ) Is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Gómez-Limón Sánchez-Camacho (Kawża C-537/07 Ġabra I-6525, punti 62 u 63).
( 11 ) Sentenza tal-21 ta’ Ottubru 1999, Lewen (Kawża C-333/97, Ġabra I-7243, punt 50).
( 12 ) Sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Schönheit u Becker (Kawżi Magħquda C-4/02 u C-5/02, Ġabra I-12575, punti 90 u 91).
( 13 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 iktar ’il fuq.
( 14 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 iktar ’il fuq.
( 15 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 iktar ’il fuq.
( 16 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 iktar ’il fuq.
( 17 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 iktar ’il fuq.
( 18 ) Ara sentenzi tad-9 ta’ Frar 1982, Garland (Kawża 12/81, Ġabra 359, punt 5); tas-17 ta’ Mejju 1990, Barber (Kawża C-262/88, Ġabra I-1889, punt 12); u tad-9 ta’ Frar 1999, Seymour-Smith u Perez (Kawża C-167/97, Ġabra I-623, punt 23).
( 19 ) Is-sentenza Garland, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 5. Ara wkoll sentenza tad-9 ta’ Settembru 1999, Krüger (Kawża C-281/97, Ġabra I-5127, punt 15).
( 20 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 iktar ’il fuq, punt 18.
( 21 ) Ara punti 30 u 31 iktar ’il fuq.
( 22 ) Għalhekk s-sindakat (l-ÖGB), jekk ikun jixtieq jiżgura livell imsaħħaħ ta’ protezzjoni għall-ħaddiema part-time, jista’ jinnegozja sabiex dik l-allowance għall-ulied tkun ħlas b’rata fissa lill-impjegati kwalifikanti kollha, indipendentement mis-sigħat maħduma, bħala parti min-negozjati ġenerali mal-korp rappreżentattiv ta’ min iħaddem (l-VÖBB). Bl-istess mod il-partijiet soċjali jistgħu jiddeċiedu (per eżempju) jekk l-allowance għall-ulied dipendenti għandhiex tkun marbuta mal-livell ta’ salarju u, jekk fl-affermattiv, preċiżament b’liema mod. Bla dubju jista’ jsir argument attraenti sabiex ċerti aspetti ta’ benefiċċji relatati max-xogħol ma jitnaqqsux pro rata fejn dan jista’ jsaħħaħ l-ugwaljanza sostantiva bejn is-sessi (ara l-konklużjonijiet tiegħi f’Gómez-Limón Sánchez-Camacho, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 aktar ’il fuq, punti 54 sa 56); iżda din l-interpretazzjoni sa issa ma ssegwix bħala obbligu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
( 23 ) Jista’ jkun ukoll li f’ċirkustanzi bħal dawn il-ħlas ikun jaqa’ barra mid-definizzjoni ta’ “paga” fl-Artikolu 157 TFUE: Ara s-sentenza Impact iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 131.
( 24 ) F’dan ir-rigward, ara l-eżempju impressjonanti ta’ meta ma jiġix applikat il-prinċipju ta’ pro rata temporis f’Mattew 20:1-16. Dawk li ġew impjegati l-ewwel kienu jaħdmu full-time (il-ġurnata kollha) u kienu jirċievu l-paga miftiehma; dawk li kienu jaħdmu biss parti mill-ġurnata (dawk impjegati f’nofsinhar, għal nofs ġurnata; u dawk impjegati l-aħħar, għal siegħa waħda biss) madankollu kienu jingħataw l-istess paga għax il-kap tal-familja li impjegahom għażel li jkun ġeneruż (litteralment ‘ότι έγώ άγαθόs είμι’ — “għaliex jien tajjeb” (v. 15)). Jekk dan kienx minħabba li l-kap tal-familja rrikonoxxa li l-bżonnijiet tagħhom (li jaqilgħu flus biex jitimgħu l-familji tagħhom) kienu l-istess, ma huwiex irrilevat fit-test.
( 25 ) Sentenzi tat-28 ta’ Frar, Kenny u Oħrajn (Kawża C-427/11, punt 37 u l-ġurisprudenza ċitata) u tat-13 ta’ Mejju 1986, Bilka-Kaufhaus (Kawża 170/84, Ġabra 1607, punt 36.
( 26 ) Sentenza tat-13 ta’ Lulju 1989, Rinner-Kühn (Kawża 171/88, Ġabra 2743, punt 14).
( 27 ) Sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1995, Hill u Stapleton (Kawża C-243/95, Ġabra I-3739).
Full & Egal Universal Law Academy