KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fid-19 ta’ Diċembru 2013 ( 1 )
Kawża C‑515/12
“4finance” UAB
vs
Valstybinė vartotojų teisių apsaugos tarnybau
Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Qorti Amministrattiva Suprema (il‑Litwanja)]
“Protezzjoni tal-konsumaturi — Prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi — Skema piramidali — Jekk il-konsumaturi għandhomx iħallsu kontribuzzjoni sabiex jidħlu fi skema piramidali — Jekk hemmx rabta bejn il-kontribuzzjoni mħallsa minn membri ġodda u l-kumpens imħallas lil membri eżistenti — Jekk l-ammont tal-kontribuzzjoni huwiex rilevanti”
1.
Id-Direttiva 2005/29/KE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali” jew id-“Direttiva”) ( 2 ) tipprojbixxi, inter alia, l-iskemi promozzjonali piramidali (iktar ’il quddiem l-“iskemi piramidali”). Il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (Qorti Amministrattiva Suprema) (il-Litwanja) tistaqsi tliet domandi rigward l-interpretazzjoni tad-Direttiva relatata ma’ tali skemi. Hija tixtieq tkun taf jekk il-konsumaturi għandhomx iħallsu kontribuzzjoni sabiex skema piramidali tkun taqa’ fl-ambitu tad-Direttiva. Jekk dan huwa l-każ, għandu jiġi stabbilit li l-iskema inkwistjoni hija ffinanzjata minn dik il-kontribuzzjoni u l-ammont meħtieġ sabiex wieħed jirreġistra ma’ skema huwa fattur rilevanti?
Il-leġiżlazzjoni
Id-Direttiva
2.
Il-premessi 2 sa 6 fil-preambolu għad-Direttiva jispjegaw li l-istabbiliment ta’ sett ta’ regoli uniformi li jtejbu l-funzjonament tas-suq intern huwa għan fundamentali. Il-premessi 7 u 8 jiddikjaraw rispettivament li d-Direttiva “tindirizza prattiċi kummerċjali konnessi direttament ma’ l-influwenza fuq id-deċiżjonijiet transazzjonali tal-konsumaturi fir-rigward ta’ prodotti” u “tipproteġi direttament l-interessi leġittimi tal-konsumatur minn prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur”. Skont il-premessa 11, id-Direttiva “[t]oħloq livell komuni għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur” billi tistabbilixxi “projbizzjoni ġenerali waħda għal dawk il-prattiċi kummerċjali żleali li joħolqu distorsjoni fl-imġieba ekonomika tal-konsumaturi”. Il-premessa 12 tiddikjara: “L-armonizzazzjoni għandha żżid konsiderevolment iċ-ċertezza legali kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-kummerċ. Kemm il-konsumaturi kif ukoll il-kummerċ sejrin ikunu jistgħu jserrħu fuq qafas regolatorju wieħed ibbażat fuq kunċetti legali definiti b’mod ċar li jirregolaw l-aspetti kollha ta’ prattiċi kummerċjali żleali fl-Unjoni Ewropea. L-effett għandu jkun li jiġu eliminati l-ostakoli li joħorġu mit-tifrik tar-regoli dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lil interessi ekonomiċi tal-konsumatur, u għandu jkun tali li jippermetti l-kisba tas-suq intern f’dan il-qasam.” Il-premessa 17 tiddikjara: “Hu kunsiljabbli li dawk il-prattiċi kummerċjali li huma f’kull ċirkustanza żleali għandhom jiġu identifikati sabiex tiġi provduta ċertezza legali akbar. L-Anness I għalhekk fih lista sħiħa ta’ dawn il-prattiċi kollha. Dawn huma biss il-prattiċi kummerċjali li jistgħu jiġu meqjusa żleali, mingħajr l-eżami ta’ kull każ għalih fid-dawl tad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 sa 9. Il-lista tista’ tiġi modifikata biss b’reviżjoni tad-Direttiva.”
3.
L-Artikolu 1 jiddefinixxi l-għan tad-Direttiva bħala “li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tikseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur billi tapprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi”.
4.
L-Artikolu 2 fih ċerti definizzjonijiet ewlenin:
“[...]
ċ)
‘prodott’ tfisser kwalunkwe merkanzija jew servizz inkluża proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi;
d)
‘prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur’ (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘prattiċi kummerċjali’) tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi;
(e)
’il-ħolqien ta’ distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika ta’ konsumaturi’ tfisser l-użu ta’ prattika kummerċjali sabiex tiġi mfixkla b’mod apprezzabbli il-kapaċità tal-konsumatur li jagħmel deċiżjoni nfurmata, li bih il-konsumatur jiġi mġiegħel jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra;
[…]
(h)
‘diliġenza professjonali’ tfisser l-istandard ta’ sengħa u kura speċjali li kummerċjant huwa raġjonevolment mistenni li jeżerċita fir-rigward ta’ konsumaturi, proporzjonat ma’ prattika onesta fis-suq u/jew mal-prinċipju ġenerali tal-bona fidi fil-qasam ta’ attività tal-kummerċjant;
[…]
(k)
‘deċiżjoni transazzjonali’ tfisser kwalunkwe deċiżjoni meħuda minn konsumatur dwar jekk, kif u taħt liema kondizzjonijiet jixtri, iħallas il-prezz sħiħ jew parti mill-prezz ta’ prodott, iżomm jew jiddisponi minn prodott jew jeżerċita xi dritt kontrattwali fir-rigward tal-prodott, kemm jekk il-konsumatur jiddeċiedi li jieħu jew ma jiħux xi azzjoni
[...]”.
5.
L-Artikolu 3 jistipula, b’mod partikolari, li d-Direttiva:
“1. […] għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara transazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott”.
6.
L-Artikolu 3(9) jistipula: “Fir-rigward ta’ ‘servizzi finanzjarji’ kif definiti fid-Direttiva 2002/65/KE, u proprjetà immobbli, l-Istati Membri jistgħu jimponu kondizzjonijiet li huma iktar restrittivi jew preskrittivi minn din id-Direttiva f’dak il-qasam li hija tapprossima”.
7.
L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva jipprojbixxi l-prattiki kummerċjali żleali. Skont l-Artikolu 5(2), prattika kummerċjali hija żleali jekk “hija kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali” u “toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata […]”. L-Artikolu 5(5) jiddikjara: “Fl-Anness I tinsab lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. L-istess lista waħdanija għandha tapplika fl-Istati Membri kollha u tista tiġi modifikata biss permezz ta’ revizjoni tad-Direttiva”.
8.
L-Artikoli 6 sa 9 ma humiex rilevanti hawnhekk. Huma jkopru (rispettivament) l-azzjonijiet qarrieqa; l-ommissjonijiet qarrieqa; il-prattiki kummerċjali aggressivi u l-użu ta’ fastidju, kostrizzjoni u influwenza mhux xierqa.
9.
Il-punt 14 tal-“lista s-sewda” fl-Anness I tad-Direttiva huwa fformulat kif ġej: “Fejn il-kummerċjant jistabbilixxi, jopera jew jippromwovi skema promozzjonali piramidali fejn konsumatur iħallas [kontribuzzjoni] għall-opportunità li jirċievi kumpens derivat primarjament mill-introduzzjoni ta’ konsumaturi oħrajn fl-iskema minflok mill-bejgħ jew konsum ta’ prodotti” ( 3 ).
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
10.
Skont l-Artikolu 7(22) tal-Lietuvos Respublikos nesąžiningos komercinės veiklos vartotojams draudimo įstatymas (Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar il-projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi), prattika kummerċjali titqies qarrieqa u għaldaqstant żleali fejn isseħħ fil-forma tal-istabbiliment, tal-operat jew tal-promozzjoni ta’ skema piramidali għad-distribuzzjoni ta’ prodotti fejn il-konsumaturi jingħataw l-opportunità li jirċievu ħlas primarjament għall-introduzzjoni ta’ membri oħra fl-iskema minflok għall-bejgħ jew għall-konsum ta’ prodotti.
Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari
11.
“4finance” UAB (iktar ’il quddiem “4finance”) tagħti self ta’ ammont żgħir lill-konsumaturi permezz ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod. Mis-26 ta’ Ottubru 2010 sal-15 ta’ Frar 2011, hija għamlet kampanja ta’ reklamar li kienet tindika li kull min jirreġistra fuq is-sit tal-internet tagħha kien ser jirċievi kreditu fil-kont bankarju tiegħu jew tagħha għal kull “ħabib/a” introdotti minnhom li mbagħad kienu jirreġistraw fis-sit tal-internet ta’ 4finance. Il-proċess kien kif ser jiġi spjegat issa. Sabiex jirreġistraw, il-konsumaturi kellhom jimlew formola online u jħallsu miżata ta’ reġistrazzjoni purament simbolika ta’ LTL 0.01. 4finance talbet lil dawk li kienu qegħdin jirreġistraw sabiex jistiednu lill-“ħbieb” jirreġistraw billi, fl-ispazju apposta fuq il-paġna tal-internet, jindikaw in-numru tat-telefon ċellulari jew l-indirizz tal-posta elettronika ta’ dik il-persuna. Permezz ta’ dik l-informazzjoni, 4finance setgħet tikkummerċjalizza s-self tagħha ta’ ammont żgħir lil dawk il-“ħbieb” li kienu jiġu mistiedna jirreġistraw. Jekk dik il-persuna tirreġistra, il-konsumatur li jkun ipprovda d-dettalji ta’ kuntatt tagħha kien jirċievi kreditu (“bonus”) ta’ LTL 10 jew ta’ LTL 20) ( 4 ). Wara li ssir ir-reġistrazzjoni, il-persuna kkonċernata mbagħad kienet tikseb id-dritt li tapplika għal self ta’ ammont żgħir ma’ 4finance, li jiġi konkluż permezz ta’ kuntratt li jsir mill-bogħod ( 5 ).
12.
Il-Valstybinė vartotojų teisių apsaugos tarnyba (Awtorità Statali għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Konsumatur) qieset li 4finance kienet stabbilixxiet skema ta’ bejgħ piramidali li tagħti lill-konsumaturi d-dritt li jirċievu ħlas primarjament għall-introduzzjoni ta’ membri ġodda fl-iskema minflok għall-bejgħ jew għall-konsum ta’ prodotti. Għaldaqstant, hija ħarġet deċiżjoni li timponi multa ta’ LTL 8 000 fuq 4finance għal ksur tad-dritt nazzjonali li jipprojbixxi tali skemi.
13.
4finance ikkontestat dik id-deċiżjoni u ppreżentat rikors intiż sabiex il-Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos (Ministeru tal-Finanzi) jiġi kkundannat iħallas lura il-multa. Fil-25 ta’ Ottubru 2011, il-qorti tal-prim’istanza ċaħdet dan ir-rikors. 4finance sussegwentement appellat quddiem il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (Qorti Amministrattiva Suprema), li rrinvijat lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“(1)
Il-punt 14 tal-Anness I [tad-Direttiva] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li tiġi stabbilita, operata jew promossa skema promozzjonali piramidali għandu jitqies bħala prattika kummerċjali li f’kull ċirkustanza hija qarrieqa biss meta l-konsumatur ikun meħtieġ iħallas kontribuzzjoni għall-opportunità li jirċievi kumpens derivat primarjament mill-introduzzjoni ta’ konsumaturi oħra fl-iskema minflok mill-bejgħ jew mill-konsum ta’ prodotti?
(2)
Jekk ikun meħtieġ li l-konsumatur iħallas kontribuzzjoni għall-opportunità li jirċievi kumpens, l-ammont tal-kontribuzzjoni mħallsa mill-konsumatur inkambju għall-opportunità li jiriċeivi kumpens derivat primarjament mill-introduzzjoni ta’ konsumaturi oħra fl-iskema pjuttost milli mill-bejgħ jew mill-konsum ta’ prodotti għandu impatt fuq il-klassifikazzjoni tal-iskema promozzjonali piramidali bħala prattika kummerċjali qarrieqa fis-sens tal-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva? Kontribuzzjonijiet imħallsa mill-konsumaturi li jkunu ta’ ammont purament simboliku u li jitħallsu sabiex il-konsumaturi jistgħu jiġu kkunsidrati bħala kontribuzzjonijiet inkambju għall-opportunità li jirċievu kumpens fis-sens tal-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva?
(3)
Il-punt 14 tal-Anness 1 tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex skema promozzjonali piramidali titqies bħala prattika kummerċjali qarrieqa, huwa importanti biss li l-kumpens jitħallas lill-konsumatur li jkun diġà rreġistrat essenzjalment talli jintroduċi konsumaturi oħra fl-iskema pjuttost milli għall-bejgħ jew il-konsum ta’ prodotti jew inkella hija importanti wkoll il-kwistjoni ta’ sa fejn il-kumpens imħallas lill-parteċipanti f’din l-iskema talli introduċew konsumaturi ġodda ikun iffinanzjat mill-kontribuzzjonijiet tal-membri l-ġodda? F’dan il-każ, il-kumpens imħallas lill-parteċipanti fl-iskema promozzjonali piramidali diġà rreġistrati għandu jkun, kompletament jew fil-parti l-kbira tiegħu, iffinanzjat mill-kontribuzzjonijiet tal-membri introdotti reċentement f’din l-iskema?”
14.
4finance, il-Gvernijiet tar-Repubblika Ċeka, tal-Italja, tal-Litwanja u tal-Polonja u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Peress li ma ntalbet li tinżamm ebda seduta, ebda waħda ma nżammet.
Evalwazzjoni
Osservazzjonijiet preliminari
15.
Kulħadd jaqbel li l-kawża prinċipali tikkonċerna prattika kummerċjali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi li tinvolvi l-promozzjoni, il-bejgħ jew il-provvista ta’ prodotti lill-konsumaturi għall-iskopijiet tad-Direttiva.
16.
F’din il-kawża, awtorità Statali qed tipprova tinforza leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju għandha tagħmel dak kollu li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tagħha, filwaqt li tikkunsidra l-korp kollu tad-dritt domestiku, bil-għan li tiżgura l-effett sħiħ tad-Direttiva, skont l-għan li din trid tilħaq ( 6 ).
L-ewwel domanda
17.
Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk konsumatur għandux iħallas kontribuzzjoni sabiex skema piramidali tkun tikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali skont il-punt 14 tal-Anness I.
18.
Fl-eżami ta’ dik id-domanda, huwa meħtieġ li jiġi indirizzat x’jikkostitwixxi skema piramidali. Tali skemi ġew deskritti fl-osservazzjonijiet kollha ppreżentati f’din il-kawża (minbarra f’dawk tal-Kummissjoni ( 7 )), iżda d-deskrizzjonijiet ivarjaw.
19.
4finance tiddikjara li hija topera netwerk ta’ kummerċjalizzazzjoni legali, u mhux skema piramidali. Hija tqis li skema piramidali tinvolvi: (i) tip ta’ investiment; (ii) frodi marbuta mal-użu tas-somom investiti; (iii) ħlasijiet magħmula lil investituri eżistenti bl-użu ta’ fondi kkontribwiti minn investituri ġodda; (iv) il-wegħda ta’ qligħ kbir iktar min-normal; u (v) dħul iġġenerat min-numru ta’ investituri ġodda li jidħlu fl-iskema pjuttost milli mill-prodotti li jinbiegħu.
20.
Ir-Repubblika Ċeka tqis li l-qofol ta’ tali skemi huwa li kull konsumatur iħallas sabiex jidħol fihom bil-konsapevolezza li ser jirċievi kumpens idderivat mill-konsumaturi sussegwenti li jirreġistraw fl-iskema. Ma hemm ebda valur miżjud iżda sempliċement distribuzzjoni mill-ġdid tar-riżorsi. L-Italja tiddikjara li f’tali skemi l-prodotti jkunu ta’ importanza sekondarja u jservu biss bħala skuża sabiex jiġu rreklutati konsumaturi oħrajn fl-iskema: l-iskema fiha nnifisha hija ta’ importanza primarja. Il-Litwanja tosserva li ma hemm ebda definizzjoni tat-terminu “skema piramidali” fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja iżda hija tqis li numru kbir ta’ studji juri biċ-ċar li element fundamentali ta’ tali skemi huwa li hemm rabta bejn il-vantaġġ riċevut mill-konsumatur (il-kumpens jew il-ħlas) u l-fatt li huwa jistieden membri ġodda jirreġistraw fl-iskema. Hija proprju dik ir-rabta li tistabbilixxi jekk tali skemi humiex legali jew illegali. Il-Polonja hija tal-fehma li l-qofol ta’ skema piramidali huwa li l-qligħ jew il-lukru jiddependu mill-ħlasijiet mill-persuni li jinsabu fil-livelli l-iktar baxxi fl-istruttura piramidali pjuttost milli mill-bejgħ ta’ prodotti.
21.
Il-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva jistabbilixxi lista kumulattiva u eżawrjenti ta’ dawk l-elementi li jridu jiġu stabbiliti sabiex il-projbizzjoni fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tapplika għall-iskemi piramidali. Il-frodi ma hijiex elenkata. Lanqas ma hemm ebda indikazzjoni li l-qligħ jew il-ħlas mogħtija lill-membri eżistenti li jistiednu rekluti ġodda sabiex jirreġistraw fl-iskema jridu jkunu ta’ (mill-inqas) ċertu valur. L-iskemi li jużaw teknika promozzjonali piramidali mingħajr dawk il-karatteristiċi partikolari elenkati minn 4finance, iżda fejn l-elementi kollha elenkati fil-punt 14 tal-Anness I ikunu preżenti, jikkostitwixxu prattiki kummerċjali qarrieqa u għaldaqstant huma żleali għall-iskopijiet tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva.
22.
Naturalment, l-iskemi piramidali jistgħu jkunu perikolużi, inkwantu jwiegħdu ħafna qligħ f’perijodu qasir ta’ żmien talli dak li jkun ma jagħmel xejn għajr milli jħallas miżata tad-dħul u jirrekluta parteċipanti ġodda li jagħmlu l-istess ħaġa, u b’hekk il-konsumaturi jitħeġġu jinvestu abbażi ta’ aspettattivi foloz jew mhux realistiċi. Madankollu, l-ammont tal-qligħ meta mqabbel mal-miżata tad-dħul jew mat-tul ta’ żmien li jgħaddi sabiex ikun hemm qligħ ma humiex fost l-elementi stabbiliti fil-punt 14 tal-Anness I. Għaldaqstant dawn huma wkoll irrilevanti għad-determinazzjoni ta’ jekk skema partikolari hijiex ipprojbita.
23.
Madankollu, il-qorti tar-rinviju ġustament tiġbed l-attenzjoni għal disparità lamentabbli bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ugwalment awtentiċi tad-Direttiva. Il-parti l-kbira tagħhom jinkludu l-ħlas ta’ kontribuzzjoni għall-opportunità li wieħed jirċievi kumpens bħala wieħed mill-elementi ta’ skema piramidali ( 8 ). Madankollu, fit-test Bulgaru, Ġermaniż, Grieg, Litwan, Sloven, Svediż u Ungeriż ma huwiex espress biċ-ċar rekwiżit li wieħed “iħallas”. It-testi bil-Litwan u bil-Ġermaniż (imsemmija mill-qorti tar-rinviju) jiddikjaraw, rispettivament: “piramidės pobūdžio skatinimo sistemos sukūrimas, naudojimas ar reklamavimas, kai vartotojui suteikiama galimybė gauti atlygį visų pirma už kitų vartotojų įtraukimą į tą sistemą, o ne už produktų pardavimą ar naudojimą” u “Einführung, Betrieb oder Förderung eines Schneeballsystems zur Verkaufsförderung, bei dem der Verbraucher die Möglichkeit vor Augen hat, eine Vergütung zu erzielen, die hauptsächlich durch die Einführung neuer Verbraucher in ein solches System und weniger durch den Verkauf oder Verbrauch von Produkten zu erzielen ist”. Għaldaqstant, f’dawk il-verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva, il-ħlas mill-konsumatur (il-kontribuzzjoni) sabiex jipparteċipa fi skema ma huwiex speċifikat bħala karatteristika meħtieġa ta’ skema piramidali. Madankollu, f’verżjonijiet lingwistiċi oħrajn (pereżempju, dik Franċiża, Pollakka u Spanjola, li wkoll ġew eżaminati mill-qorti tar-rinviju), dan huwa karatteristika essenzjali.
24.
4finance tiddikjara li l-ħlas ta’ LTL 0.01 meħtieġ sabiex wieħed jirreġistra ma kienx isir sabiex imbagħad dan jingħata l-possibbiltà li jirċievi kumpens, iżda sempliċement sabiex jiġi identifikat il-konsumatur inkwistjoni. Dik il-miżata kienet l-iżgħar waħda possibbli li setgħet tintalab sabiex jiġi żgurat li 4finance jkollha informazzjoni ta’ min joqgħod fuqha li tidentifika l-persuna li qed tirreġistra. Minħabba li l-miżata kienet titħallas permezz ta’ trasferiment online, din kienet tagħti lil 4finance aċċess għad-dettalji tal-isem, tal-kunjom, tan-numru ta’ identifikazzjoni u tan-numru tal-kont tal-persuna kkonċernata kif ukoll għal data personali oħra essenzjali għall-għoti ta’ kreditu li jsir mill-bogħod.
25.
L-Italja tqis li għandu jkun hemm att ekonomiku minn konsumatur u li, jekk ma titħallas ebda kontribuzzjoni, ma jkunx hemm tali att. Il-Polonja tiddikjara li l-kontribuzzjoni hija element essenzjali ta’ skema piramidali. Jekk wieħed jinterpreta d-Direttiva mod ieħor, dan ikun qed jestendi l-ambitu tagħha u jfixkel l-iżvilupp tas-suq intern filwaqt li ma jirnexxilux iżid il-protezzjoni tal-konsumatur. Il-Litwanja hija tal-fehma li l-fatt li konsumatur iħallas kontribuzzjoni jew le sabiex jirreġistra ma’ skema piramidali ma jistax ikun fattur deċiżiv. Hija tqis li jekk id-definizzjoni ta’ bejgħ piramidali kienet marbuta mal-ħlas ta’ kontribuzzjoni għad-dħul, l-ambitu tal-projbizzjoni jkun restrittiv għalxejn.
26.
Il-Kummissjoni tissottometti li l-prattiki żleali jaqgħu fl-ambitu tal-imsemmija direttiva jekk dawn ikunu ta’ natura kummerċjali. Meta konsumatur iħallas kontribuzzjoni sabiex jidħol fi skema huwa jkun qiegħed jagħmel tranżazzjoni kummerċjali li għaldaqstant hija koperta mid-Direttiva.
27.
Hija ġurisprudenza stabbilita li fil-każ ta’ diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ test tal-UE, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-għan u l-iskema ġenerali tar-regoli li tifforma parti minnhom ( 9 ). Għaldaqstant, il-ħtieġa ta’ applikazzjoni u ta’ interpretazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni tal-UE teskludi li din titqies separatament f’waħda mill-verżjonijiet tagħha, iżda teżiġi li din tiġi interpretata kemm skont l-intenzjoni reali tal-leġiżlatur kif ukoll skont l-għan imfittex minn dan tal-aħħar, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha ( 10 ).
28.
Fil-fehma tiegħi, skema piramidali teżisti għall-iskopijiet tal-punt 14 tal-Anness I biss fejn il-konsumaturi jħallsu kontribuzzjoni sabiex jidħlu f’tali skema.
29.
Dik l-interpretazzjoni tal-punt 14 tal-Anness I hija kkonfermata permezz ta’ eżami tal-kuntest tiegħu u tal-għan tiegħu.
30.
L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva jiddikjara li din tapplika għall-prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konront tal-konsumaturi. Skema piramidali hija tali prattika.
31.
Fil-każ li prattika taqa’ taħt il-lista s-sewda stabbilita fl-Anness I, din “għandh[a]” (skont l-Artikolu 5(5)) “f’kull ċirkostanza [titqies] bħala żleali”. Ma hemmx bżonn li titwettaq evalwazzjoni skont l-Artikolu 5(2) sabiex jiġi stabbilit jekk il-prattika inkwistjoni hijiex kuntrarja għad-diliġenza professjonali u jekk din toħloqx distorsjoni fl-imġiba ekonomika tal-konsumatur medju għall-iskopijiet ta’ dik id-dispożizzjoni. L-Anness I fih lista ta’ dawk il-prattiki li jitqiesu qarrieqa f’kull ċirkustanza. Dan naturalment jinkludi kwalunkwe prattika li hija skema piramidali skont il-punt 14 tal-Anness. Il-prattiki inklużi fil-lista s-sewda huma awtomatikament meqjusa bħala li jikkostitwixxu prattiki kummerċjali żleali li huma pprojbiti skont l-Artikolu 5(1) ( 11 ).
32.
Id-Direttiva tipprojbixxi l-użu ta’ prattika kummerċjali sabiex “tiġi mfixkla b’mod apprezzabbli il-kapaċità tal-konsumatur li jagħmel deċiżjoni nfurmata, li bih il-konsumatur jiġi mġiegħel jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra” ( 12 ). “[D]eċiżjoni transazzjonali” hija ddefinita bħala “kwalunkwe deċiżjoni meħuda minn konsumatur dwar jekk, kif u taħt liema kondizzjonijiet jixtri, iħallas […] iżomm jew jiddisponi minn prodott jew jeżerċita xi dritt kontrattwali fir-rigward tal-prodott […]” ( 13 ). Id-Direttiva hija għaldaqstant ikkonċernata bil-fatt dwar jekk l-abbiltà tal-konsumatur sabiex jieħu deċiżjoni ekonomika fl-aħjar interessi tiegħu hijiex imfixkla mill-prattiki użati mill-impriża kkonċernata. Dawk iż-żewġ definizzjonijiet jimplikaw li d-Direttiva tikkonċerna dawk il-prattiki li jeħtieġu lill-konsumaturi jħallsu kontribuzzjoni (jiġifieri jħallsu miżata) pjuttost milli sitwazzjonijiet fejn ma hemmx tali impenn ekonomiku. Definizzjoni li tinkludi kontribuzzjoni hija konformi mal-protezzjoni tal-konsumaturi meta dawn jieħdu deċiżjonijiet relatati mal-interessi ekonomiċi tagħhom. Fin-nuqqas ta’ kontribuzzjoni, l-identifikazzjoni tal-imġiba ekonomika li teħtieġ protezzjoni skont id-Direttiva tkun inċerta.
33.
Il-Litwanja ssostni li r-rekwiżit li l-konsumaturi jintalbu jħallsu kontribuzzjoni sabiex jidħlu fi skema piramidali jirrestrinġi l-ambitu tal-projbizzjoni fil-punt 14 tal-Anness I. Dan jikkomprometti l-effett tal-Artikolu 3(9) u ma jkunx konformi mal-għanijiet tad-Direttiva.
34.
Jiena ma naqbilx.
35.
L-Artikolu 3(9) jippermetti lill-Istati Membri jdaħħlu rekwiżiti iktar stretti għas-servizzi finanzjarji. Rekwiżit li l-konsumaturi għandhom iħallsu kontribuzzjoni sabiex jirreġistraw ma’ skema piramidali, ikun liema jkun is-suġġett tagħha, ma għandu ebda impatt fuq is-setgħat tal-Istati Membri sabiex idaħħlu miżuri iktar preskrittivi fir-rigward tas-servizzi finanzjarji.
36.
Ċertament, l-inklużjoni ta’ kontribuzzjoni bħala element neċessarju sabiex skema tkun koperta mill-punt 14 tal-Anness I tirrestrinġi l-ambitu ta’ applikazzjoni. Madankollu, jiena ma nqisx li tali interpretazzjoni tikkomprometti l-għanijiet u l-objettivi tad-Direttiva.
37.
Id-Direttiva hija intiża sabiex tipprojbixxi l-prattiki kummerċjali intiżi direttament sabiex jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tranżazzjonali tal-konsumaturi fir-rigward ta’ prodotti u sabiex tipproteġi l-interessi ekonomiċi tagħhom minn prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi ( 14 ), fi ħdan il-kuntest tal-ħolqien ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur fit-territorju tal-Unjoni Ewropea ( 15 ). Il-premessi 12 u 17 ukoll jagħmluha ċara, madankollu, li l-leġiżlatur xtaq iżid iċ-ċertezza legali, li hija element essenzjali għall-funzjonament tas-suq intern ( 16 ), kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-impriżi, b’mod partikolari billi jiġu identifikati dawk il-prattiki kummerċjali, bħall-iskemi piramidali, li f’kull ċirkustanza huma żleali.
38.
Meta stabbilixxa l-lista s-sewda, li tinsab fl-Anness I, tal-prattiki kummerċjali żleali li f’konformità mal-Artikolu 5(5) “għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali”, il-leġiżlatur x’aktarx kellu l-ħsieb li jidentifika l-prattiki li kienu l-iktar sfaċċatament serji. Għandu jiġi mfakkar li din id-direttiva toħloq armonizzazzjoni sħiħa ( 17 ) u li l-Istati Membri ma jistgħux jidderogaw mil-lista s-sewda: din tista’ tiġi emendata biss b’reviżjoni tad-Direttiva nnifisha ( 18 ). Ma hemmx eżami każ b’każ ta’ jekk prattika li taqa’ taħt wieħed mill-punti fl-Anness I fil-fatt tissodisfax wieħed mit-testijiet ta’ x’jikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali stipulata fl-Artikolu 5(2) u (4). Prattika li taqa’ taħt il-lista s-sewda hija ipso facto pprojbita fl-Istati Membri kollha.
39.
Jidhirli li, fil-każijiet fejn teżisti disparità bejn it-testi lingwistiċi — bħalma huwa l-każ hawnhekk —, dawk il-fatturi jiffavorixxu li tiġi meqjusa bħala awtorevoli dik il-verżjoni li teħtieġ il-preżenza ta’ iktar, pjuttost milli ta’ inqas, elementi qabel ma prattika partikolari tkun awtomatikament inkluża fil-lista s-sewda minħabba li din taqa’ taħt wieħed mill-punti msemmija fl-Anness I. Prattika li ma hijiex awtomatikament inkluża fil-lista s-sewda xorta waħda tista’ tiġi pprojbita, jekk eżami każ b’każ juri li din ma tissodisfax wieħed mit-testijiet individwali ta’ x’jikkostitwixxi prattika żleali li jinsabu fl-Artikolu 5. Għaldaqstant, tali interpretazzjoni ma tikkompromettix l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Min-naħa l-oħra, din tikkontribwixxi b’mod pożittiv sabiex tinħoloq ċertezza legali fir-rigward tal-prattiki li ser jiġi inklużi fil-lista s-sewda tal-Anness I ( 19 ).
40.
Għaldaqstant, jiena tal-opinjoni li, sabiex skema tkun taqa’ fi ħdan id-definizzjoni fil-punt 14 tal-Anness I, huwa neċessarju li konsumatur iħallas kontribuzzjoni sabiex jirreġistra fl-iskema inkwistjoni.
It-tielet domanda
41.
It-tieni u t-tielet domanda huma marbuta mill-qrib ma’ xulxin. Permezz ta’ dawk id-domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex neċessarju li tiġi stabbilita rabta bejn il-kontribuzzjoni mħallsa minn rekluti ġodda u l-kumpens imħallas lil membri eżistenti (it-tielet domanda) u, jekk iva, jekk l-ammont ta’ tali kontribuzzjoni huwiex rilevanti (it-tieni domanda). Fir-risposta lill-qorti nazzjonali, jidher li jkun iktar loġiku li d-domandi jiġu ttrattati f’dik l-ordni.
42.
Il-qorti tar-rinviju tispjega li sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali, hija għandha bżonn tkun taf jekk huwiex rilevanti li l-kontribuzzjoni mħallsa malli ssir ir-reġistrazzjoni fl-iskema inkwistjoni kienet relattivament żgħira (LTL 0.01) meta mqabbla mal-bonus imħallas għall-introduzzjoni effettiva ta’ rekluti ġodda (bejn LTL 10 u 20). Għaldaqstant, fit-tielet domanda tagħha, hija tistaqsi, l-ewwel nett, jekk prattika kummerċjali hijiex qarrieqa skont it-tifsira tal-punt 14 tal-Anness I jekk il-kumpens jitħallas mill-operatur tal-iskema essenzjalment għall-introduzzjoni effettiva ta’ rekluti ġodda pjuttost milli għall-bejgħ jew għall-konsum ta’ prodotti. It-tieni nett, l-estent li fih tali kumpens huwa ffinanzjat mill-kontribuzzjoni mħallsa mar-reġistrazzjoni fl-iskema huwa fattur rilevanti?
43.
4finance ssostni li ma tistax teżisti skema piramidali meta l-kumpens imħallas ikun ġej mir-riżorsi tal-impriża kkonċernata pjuttost milli mill-kontribuzzjoni mħallsa minn membri ġodda. Ir-Repubblika Ċeka tqis li għandu jkun hemm rabta bejn il-kontribuzzjoni mħallsa hekk kif issir ir-reġistrazzjoni fl-iskema u l-ħlasijiet magħmula lil membri eżistenti għall-introduzzjoni ta’ rekluti ġodda, u li l-kontribuzzjoni għandha tkun suffiċjenti minnha nnifisha sabiex tiżgura l-operat tal-iskema. L-Italja, il-Litwanja u l-Polonja kif ukoll il-Kummissjoni huma tal-fehma li ma huwiex neċessarju li tintwera xi rabta ta’ din it-tip għall-iskopijiet tal-punt 14 tal-Anness I.
44.
Sfortunatament, il-formulazzjoni tal-punt 14 tal-Anness I ma hijiex l-istess fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha tat-test.
45.
Għaldaqstant, mit-testi analizzati mill-qorti tar-rinviju (enfasi miżjuda fiċ-ċitazzjonijiet kollha segwenti), il-verżjoni Litwana u dik Ġermaniża jistabbilixxu li, fi skema promozzjonali piramidali, il-konsumatur jirċievi kumpens “essenzjalment talli” jintroduċi konsumaturi oħra fl-iskema pjuttost milli għall-bejgħ jew għall-konsum ta’ prodotti ( 20 ). Ser insejjaħ dawn il-verżjonijiet il-verżjonijiet “mingħajr kundizzjoni relattiva”.
46.
B’kuntrast ma’ dan, fit-test Franċiż hemm “percevoir une contrepartie provenant essentiellement de l’entrée d’autres consommateurs dans le système plutôt que de la vente ou de la consommation de produits” u f’dak Spanjol “la oportunidad de recibir una compensación derivada fundamentalmente de la entrada de otros consumidores en el plan, y no de la venta o el consumo de productos”. It-test Ingliż huwa konformi ma’ dawn il-verżjonijiet peress li jitkellem dwar l-opportunità “to receive compensation that is derived primarily from the introduction of other consumers into the scheme rather than from the sale or consumption of products”. Ser insejjaħ dawn il-verżjonijiet il-verżjonijiet b’“kundizzjoni relattiva”. ( 21 )
47.
Din id-direttiva hija maħsuba sabiex tintroduċi armonizzazzjoni sħiħa, u l-prattiki tal-lista s-sewda fl-Anness I huma ipso facto pprojbiti ( 22 ). Madankollu, hemm distinzjoni ċara bejn il-verżjonijiet mingħajr kundizzjoni relattiva u dawk b’kundizzjoni relattiva. F’dawk iċ-ċirkustanzi, kif għandha tipproċedi l-Qorti tal‑Ġustizzja?
48.
Fil-qosor, approċċ li jsegwi l-verżjonijiet b’“kundizzjoni relattiva” jagħmel rabta ekonomika ċara bejn premju lill-membri eżistenti u reklutaġġ ta’ membri ġodda. Din hija interpretazzjoni restrittiva tat-test. Din taqbel ħafna mal-prinċipju (li jiena ħaddant fir-risposta tiegħi għall-ewwel domanda) li l-lista s-sewda fl-Anness I għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv. Minħabba l-fatt li hija restrittiva, din tagħti wkoll iktar lok għal kummerċjalizzazzjoni kreattiva. “Kreattiva” ma tfissirx neċessarjament “żleali”. Barra minn hekk, dejjem hemm xibka ta’ sigurtà, inkwantu evalwazzjoni każ b’każ taħt l-Artikolu 5(2) jew l-Artikolu 5(4) għandha twassal sabiex prattika kreattiva li tkun żleali tiġi pprojbita. Il-ħlasijiet in natura pjuttost milli fi flus jistgħu jiġu evalwati, jekk ikun neċessarju, skont l-ekwivalenti tagħhom fi flus (għall-konsumatur) meta ssir l-evalwazzjoni.
49.
B’kuntrast ma’ dan, approċċ li jsegwi l-verżjonijiet “mingħajr kundizzjoni relattiva” għandu l-mertu tas-sempliċità. Il-qrati nazzjonali ma jkollhomx għalfejn jevalwaw liema perċentwali tal-kumpens riċevut bħala prempju għar-reklutaġġ tirriżulta mill-ammont imħallas mir-rekluti l-ġodda (kemm permezz ta’ miżata inizjali tar-reġistrazzjoni kif ukoll permezz ta’ ħlasijiet ulterjuri). Huma ma jkollhomx għalfejn jistaqsu, fuq bażi każ b’każ, “xi tfisser ‘derivat primarjament mill-’?” — u l-lista fl-Anness I hija preċiżament maħsuba sabiex tiġi evitata l-ħtieġa ta’ tali analiżi każ b’każ. It-tifsira li qrati nazzjonali differenti fi Stati Membri differenti jagħtu lil dak il-kliem tista’ wkoll tvarja. F’tali każ, dan jippreġudika l-uniformità fl-approċċ; u nuqqas ta’ uniformità ma ttejjibx il-funzjonament tas-suq intern ( 23 ). Approċċ “mingħajr kundizzjoni relattiva” jista’ wkoll (forsi) ikun iktar adattat għall-prevenzjoni tal-elużjoni permezz ta’ skemi li jaħbu l-operat tagħhom billi jużaw ħlasijiet in natura pjuttost milli fi flus.
50.
Wara xi ftit ta’ eżitazzjoni, jiena naħseb li interpretazzjoni li tiffavorixxi l-verżjonijiet b’“kundizzjoni relattiva” taqbel iktar mal-mod li bih jiena mxejt fir-risposta tiegħi għall-ewwel domanda. Għaldaqstant, jiena nikkonkludi li sabiex skema piramidali taqa’ taħt il-punt 14 tal-Anness I u għalhekk tkun ipprojbita taħt l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva, huwa neċessarju li jintwera li l-kumpens imħallas lill-membri eżistenti tal-iskema huwa derivat primarjament mill-kontribuzzjoni mħallsa minn rekluti ġodda.
51.
Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tasal għal konklużjoni differenti, jiena noffri dawn l-osservazzjonijiet addizzjonali li ġejjin. Dawn jindirizzaw l-argument potenzjali li l-approċċ “mingħajr kundizzjoni relattiva” jista’ jwassal għal riżultat inġust f’ċerti każijiet, minħabba li jistgħu jinqabdu kemm l-operazzjonijiet leġittimi kif ukoll dawk qarrieqa.
52.
Infakkar li meta ma jkunx hemm waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi stipulati fil-punt 14 tal-Anness I, operazzjoni ma tinqabadx b’dik id-dispożizzjoni. Għalhekk, jekk pereżempju, kontribuzzjoni ma hijiex meħtieġa għar-reġistrazzjoni fi skema partikolari, il-projbizzjoni ma tapplikax.
53.
Madankollu, ejja nieħdu każ fejn operatur ikun jixtieq idaħħal miżata ta’ reġistrazzjoni sabiex ikopri l-ispejjeż amministrattivi tiegħu (pereżempju, qarrejja li jħallsu miżata ta’ reġistrazzjoni sabiex jissieħbu fi klabb tal-kotba u jirċievu vawċer fuq il-kotba jekk idaħħlu membri ġodda fil-klabb). Dan ikun ipprojbit? Ma naħsibx, għaliex ma jkunx hemm struttura piramidali.
54.
Il-kelma “piramidali” tidher fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha tad-Direttiva minbarra f’dik Ġermaniża li tuża t-terminu “Schneeballsystems”, u sabiex taqa’ taħt il-punt 14 tal-Anness I, l-iskema inkwistjoni jrid ikollha struttura piramidali ( 24 ).
55.
Il-kliem “skema promozzjonali piramidali” ma humiex iddefiniti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva. Fl-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, tali skemi huma deskritti f’varjetà ta’ modi ( 25 ). Il-kriterji minimi komuni li joħorġu minn dawk id-deskrizzjonijiet huma li: (i) tali skemi jiksbu dħul minn rekluti ġodda; (ii) isiru ħlasijiet lill-membri eżistenti; (iii) dawk il-ħlasijiet huma ffinanzjati mill-kontribuzzjonijiet ta’ dawk ir-rekluti l-ġodda pjuttost milli mill-bejgħ ta’ prodotti; u (iv) dawk irreġistrati fl-iskema iktar reċentement (fil-livelli l-iktar baxxi) għandhom inqas ċans minn dawk f’livelli ogħla (il-membri eżistenti) li jagħmlu qligħ, għaliex sabiex kull membru tal-iskema jagħmel il-flus, irid ikun hemm provvista bla tmiem ta’ rekluti ġodda.
56.
Fil-kunsiderazzjoni ta’ dawk il-kriterji komuni, jidhirli li sabiex jintwera li l-operat inkwistjoni jikkostitwixxi piramida, irid ikun hemm diversi livelli bl-operatur fil-quċċata ( 26 ) u għandu jkun hemm reklutaġġ kumulattiv ta’ membri ġodda li jiżdiedu b’mod esponenzjali. Għall-kuntrarju tal-istrutturi tal-ġebel ta’ żmien il-qedem — il-piramidi tal-Eġittu Antik — it-trajettorja hija waħda ’l isfel, jiġifieri mill-quċċata lejn il-bażi tal-piramida, pjuttost milli ’l fuq, jiġifieri mill-pedamenti għall-quċċata. Tali fehma, li tiffoka fuq l-element li jagħmel tali skemi operazzjonijiet qarrieqa, hija konformi mal-għan tad-Direttiva li jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. Id-dħul ewlieni tal-impriża huwa derivat mill-miżati ta’ sħubija sekwenzjali, pjuttost milli mill-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti jew ta’ servizzi li huma pprovduti lill-konsumaturi.
57.
Hija naturalment ir-responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju sabiex tistabbilixxi l-fatti fil-kawża prinċipali. Mill-ispjegazzjoni mogħtija fit-talba għal deċiżjoni preliminari, jidher li l-iskema operata minn 4finance ma għandhiex struttura piramidali għall-iskopijiet tal-punt 14 tal-Anness I.
It-tieni domanda
58.
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk kontribuzzjoni simbolika mitluba sabiex jiġu identifikati l-konsumaturi li jirreġistraw fi skema piramidali tikkostitwixxix każ fejn konsumatur “iħallas [kontribuzzjoni]” għall-iskopijiet tal-punt 14 tal-Anness I.
59.
Jiena naqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni, tal-Italja, tal-Litwanja u tal-Polonja li minn interpretazzjoni litterali tad-Direttiva jirriżulta li ebda dispożizzjoni ma tipprevedi ammont minimu ta’ kontribuzzjoni u li tali ammont ma jistax jiġi ssuġġerit. Il-kliem tal-punt 14 tal-Anness I huwa ċar (għall-inqas rigward dan il-punt). L-espressjoni “iħallas [kontribuzzjoni]” ma tirrikjedix lill-konsumatur iħallas ċertu ammont sabiex jirreġistra fi skema piramidali ( 27 ).
60.
Ir-raġunijiet għaliex impriża li tistabbilixxi tali skema tirrikjedi li titħallas kontribuzzjoni (pereżempju, bħal fil-każ li għandna hawnhekk, sabiex tikseb informazzjoni ta’ min joqgħod fuqha dwar dawk il-persuni li jirreġistraw sabiex jikkonkludu ftehim ta’ kreditu) ma humiex fattur rilevanti għall-iskopijiet tad-Direttiva.
61.
Barra minn hekk, interpretazzjoni tal-punt 14 tal-Anness 1 li skontha konsumatur għandu jħallas kontribuzzjoni minima tkun kuntrarja għall-għan tad-Direttiva ta’ armonizzazzjoni sħiħa u għall-għanijiet tagħha ta’ uniformità u ta’ ċertezza legali ( 28 ).
62.
Minn dan jirriżulta li kwalunkwe somma, żgħira kemm tkun żgħira, tikkostitwixxi kontribuzzjoni għall-iskopijiet tad-Direttiva.
Konklużjoni
63.
Għaldaqstant, jiena tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi preliminari mressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas, bil-mod kif ġej:
Il-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE (id-“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li:
—
skema promozzjonali piramidali teżisti fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni fejn konsumatur iħallas kontribuzzjoni sabiex jirreġistra ma’ tali skema;
—
sabiex jiġi ddeterminat jekk l-elementi stipulati fil-punt 14 tal-Anness I humiex preżenti fi kwalunkwe każ partikolari, għandu jiġi stabbilit li l-iskema inkwistjoni għandha struttura piramidali inkwantu tikkonsisti f’livelli differenti bl-operatur fil-quċċata u jkun hemm reklutaġġ kumulattiv ta’ membri ġodda li jiżdiedu b’mod esponenzjali. Fid-determinazzjoni ta’ dan huwa neċessarju li jintwera li l-kumpens imħallas lill-membri tal-iskema eżistenti huwa derivat primarjament mill-kontribuzzjoni mħallsa mir-rekluti l-ġodda;
—
kwalunkwe somma, żgħira kemm tkun żgħira, tikkostitwixxi kontribuzzjoni għall-iskopijiet tad-Direttiva.
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU L 114, p. 86).
( 3 ) Bil-kliem fit-test bl-Ingliż tad-Direttiva “[…] gives consideration for the opportunity to receive compensation [...]” (fil-verżjoni bil-Malti “iħallas [kontribuzzjoni] għall-opportunità li jirċievi kumpens […]”) nifhem “pays a fee for the opportunity to receive remuneration” (fil-verżjoni bil-Malti “iħallas miżata għall-opportunità li jirċievi rimunerazzjoni”). Huwa importanti li jiġi enfasizzat li mhux il-verżjonijiet lingwistiċi kollha tad-Direttiva, inkluż it-test Litwan, fihom il-kliem “gives consideration” (fil-verżjoni bil-Malti “iħallas [kontribuzzjoni]”).
( 4 ) Il-proċess tal-qorti nazzjonali juri li l-konsumaturi setgħu jistiednu sa 50 persuna kuljum u sa mhux iktar minn 200 persuna fix-xahar.
( 5 ) Matul il-kampanja, irreġistraw ’il fuq minn 12223 persuna. Minn dawk, 3577 persuna applikaw għall-kreditu u 2868 persuna rċevew kreditu, u wħud minnhom ħadu iktar minn self wieħed. 4finance rċeviet madwar LTL 122 f’miżati ta’ reġistrazzjoni u ħallset LTL 236060 f’bonuses.
( 6 ) Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana (C-177/10, Ġabra p I-7907, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 7 ) Ara l-istudju kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea u mwettaq minn Micklitz, Monazzahian. u Rößler, Door to door selling — Pyramid selling — Multilevel marketing).
( 8 ) Jiġifieri t-test Ċek, Daniż, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Ingliż, Latvjan, Malti, Olandiż, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Spanjol u Taljan.
( 9 ) Sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et (283/81, Ġabra p. I-3415, punti 18 sa 20), tas-7 ta’ Diċembru 1995, Rockfon (C-449/93, Ġabra p. I-4291, punt 28) u tal-1 ta’ April 2004, Borgmann (C-1/02, Ġabra p.I-3219, punt 25).
( 10 ) Sentenzi tat-3 ta’ Ġunju 2010, Internetportal und Marketing (C-569/08, Ġabra p. I-4871, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, iktar reċentement, is-sentenza tal-25 ta’ April 2013, Bark (C‑89/12, punt 36).
( 11 ) Sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, RLvS (C‑391/12, punt 33).
( 12 ) Artikolu 2(e).
( 13 ) Artikolu 2(k).
( 14 ) Ara, rispettivament, il-premessi 7 u 8.
( 15 ) Premessa 11.
( 16 ) Sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Purely Creative et (C‑428/11, punt 45).
( 17 ) Ara l-premessi 5 u 6.
( 18 ) Artikolu 5(5).
( 19 ) Fir-rigward tad-diffikultajiet li jinħolqu jekk ma tkun meħtieġa ebda kontribuzzjoni, ara l-punt 31 iktar ’il fuq.
( 20 ) Ara l-punt 22 iktar ’il fuq.
( 21 ) Għażilt li nsejħilhom b’dan il-mod abbażi ta’ jekk it-test jinkludix jew le l-kundizzjoni li l-kumpens riċevut minn membri eżistenti għandu “jirrelata” ma’ (jew jirriżulta minn) dak li huwa miġjub permezz tad-dħul ta’ rekluti ġodda.
( 22 ) Ara l-kummenti tiegħi fil-punt 31 iktar ’il fuq b’rabta mal-ewwel domanda.
( 23 ) Ara l-Artikolu 1 tad-Direttiva.
( 24 ) Il-kelma Schneeballsystems (“snowball systems”) tkopri l-istess tip ta’ operazzjoni qarrieqa maqbuda bl-“iskema piramidali” fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra kollha tad-Direttiva. Il-fatt li ż-żieda kumulattiva ta’ membri ġodda toriġina mill-operatur fiċ-ċentru minflok ma ssegwi trajettorja vertikali mill-quċċata ta’ piramida għalija ma jidhirx li huwa sinjifikattiv; u għaldaqstant jiena ma naħsibx li t-test Ġermaniż qiegħed jipprova jidentifika fenomenu differenti minn verżjonijiet lingwistiċi oħra.
( 25 ) Ara l-punti 18 sa 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 26 ) Fil-każ tax-schneeball, l-operatur ikun fiċ-ċentru u jkun meħtieġ li jkun hemm diversi ċrieki li joħorġu ’l barra.
( 27 ) Ara, pereżempju, l-approċċ adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Purely Creative et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet, punti 30 u 34).
( 28 ) Ara l-punt 2 iktar ’il fuq.
Full & Egal Universal Law Academy