C‑579/12 RX62012CD0579EU:C:2012:78500011122CJ
DEĊIŻJONI TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla għall-Eżami mill-Ġdid)
11 ta’ Diċembru 2012
“Eżami mill-ġdid”
Fil-Kawża C‑579/12 RX,
li għandha bħala suġġett proposta ta’ eżami mill-ġdid magħmula mill-Avukat Ġenerali Ewlieni, bis-saħħa tal-Artikolu 62 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fit-23 ta’ Novembru 2012,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla għall-Eżami mill-Ġdid),
komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, U. Lõhmus, M. Safjan u A. Prechal (Relatur), Imħallfin,
tagħti l-preżenti
Deċiżjoni
1
Il-proposta ta’ eżami mill-ġdid magħmula mill-Avukat Ġenerali Ewlieni tirrigwarda s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Awla tal-Appell) tat-8 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Strack (T-268/11 P), li biha hija laqgħet l-appell imressaq mill-Kummissjoni mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tal-15 ta’ Marzu 2011, Strack vs Il-Kummissjoni (F-120/07), sa fejn hija annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-15 ta’ Marzu 2007, li tillimita għal tnax-il ġurnata l-leave mhux meħud minn G. Strack fl-2004 li jista’ jinġarr.
2
Mill-Artikolu 256(2) TFUE jirriżulta li d-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali fuq appell indirizzat kontra d-deċiżjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jistgħu eċċezzjonalment ikunu suġġetti għal eżami mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-kundizzjonijiet u fil-limiti stabbiliti mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fejn ikun hemm perikolu serju li l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni tiġi mittiefsa.
3
Bis-saħħa tal-Artikolu 62 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Avukat Ġenerali Ewlieni jista’, meta jidhirlu li jkun hemm riskju serju ta’ preġudizzju għall-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, jipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.
4
Mill-Artikolu 193(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li, meta tintalab tieħu konjizzjoni ta’ tali proposta ta’ eżami mill-ġdid, l-Awla għall-Eżami mill-Ġdid għandha tiddeċiedi jekk hemmx lok li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tiġi eżaminata mill-ġdid u li, meta hekk ikun il-każ, id-deċiżjoni li tiġi eżaminata mill-ġdid id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali għandha tindika biss il-kwistjonijiet li għandhom ikunu s-suġġett tal-eżami mill-ġdid.
5
F’dan il-każ, l-Awla għall-Eżami mill-Ġdid tqis li hemm lok li jsir eżami mill-ġdid tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Strack, iċċitata iktar ’il fuq.
6
Il-kwistjonijiet li ser jiġu eżaminati fl-eżami mill-ġdid huma indikati fil-punt 2 tad-dispożittiv tal-preżenti deċiżjoni.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla għall-Eżami mill-Ġdid) tiddeċiedi:
1)
Hemm lok li jsir eżami mill-ġdid tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Awla tal-Appell) tat-8 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Strack (T-268/11 P).
2)
L-eżami mill-ġdid ser jirrigwarda l-kwistjoni li jsir magħruf jekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dritt għal-leave annwali mħallas bħala prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni, li huwa wkoll espressament stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari msemmi mid-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381), is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-8 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Strack (T-268/11 P), toħloqx preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni sa fejn l-imsemmija qorti, bħala qorti tal-appell, interpretat:
—
l-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal fis-sens li ma jkoprix id-dispożizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol imsemmija fid-Direttiva 2003/88 u, b’mod partikolari, il-leave annwali mħallas, u,
—
sussegwentement, l-Artikolu 4 tal-Anness V tal-imsemmija Regolamenti fis-sens li jimplikaw li d-dritt li jinġarru l-ġranet ta’ leave lil hinn mil-limitu li l-imsemmija dispożizzjoni tistabbilixxi jista’ jiġi rrikonoxxut biss fil-każ ta’ impediment marbut mal-attività tal-uffiċjal minħabba l-eżerċizzju tal-qadi tad-dmirijiet tiegħu.
3)
Il-persuni interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea huma mitluba jippreżentaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, f’terminu ta’ xahar li jibda jiddekorri min-notifika ta’ din id-deċiżjoni, l-osservazzjonijiet bil-miktub fuq l-imsemmija kwistjonijiet.
Firem
Full & Egal Universal Law Academy