SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
30 ta’ April 2014 ( *1 )
“Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Settur tal-boroż industrijali tal-plastik — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali — Obbligu ta’ motivazzjoni — Imputazzjoni lill-kumpannija parent tal-ksur imwettaq mill-kumpannija sussidjarja — Responsabbiltà tal-kumpannija parent għall-ħlas ta’ multa imposta fuq il-kumpannija sussidjarja — Proporzjonalità — Proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali — Terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni”
Fil-Kawża C‑238/12 P,
li għandha bħala suġġett appell abbażi tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-16 ta’ Mejju 2012,
FLSmidth & Co. A/S, stabbilita f’Valby (id-Danimarka), irrappreżentata minn M. Dittmer, avukat,
appellanti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre u V. Bottka, bħala aġenti, assistiti minn M. Gray, barrister, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, E. Levits, M. Berger (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Jannar 2014,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1
Permezz tal-appell tagħha, FLSmidth & Co. A/S (iktar ’il quddiem “FLSmidth”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea FLSmidth vs Il-Kummissjoni (T‑65/06, EU:T:2012:103, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet parzjalment ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2005) 4634 finali, tat-30 ta’ Novembru 2005, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/F/38.354 – Boroż industrijali) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), jew, sussidjarjament, għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa imposta fuqha.
Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża
2
FLSmidth hija kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji li joperaw fl-oqsma tal-inġinerija, tal-attivitajiet tal-minjieri u tal-kostruzzjoni. Waħda minn dawn il-kumpanniji hija FLS Plast A/S (iktar ’il quddiem “FLS Plast”), li hija nnifisha kienet il-kumpannija parent ta’ Trioplast Wittenheim SA (li kienet Silvallac SA, iktar ’il quddiem “Trioplast Wittenheim”), produttriċi ta’ boroż industrijali, ta’ linings u ta’ ducting tal-plastik f’Wittenheim (Franza).
3
Matul ix-xahar ta’ Diċembru 1990, FLS Plast akkwistat 60 % tal-azzjonijiet ta’ Trioplast Wittenheim. Ir-rimanenti 40 % ġew akkwistati minn FLS Plast fix-xahar ta’ Diċembru 1991. Il-venditriċi kienet Cellulose du Pin, kumpannija Franċiża, membru tal-grupp detenut minn Compagnie de Saint‑Gobain SA.
4
Min-naħa tagħha, FLS Plast biegħet il-kumpannija Trioplast Wittenheim, matul is-sena 1999, lil Trioplanex France SA, sussidjarja Franċiża ta’ Trioplast Industrier AB (iktar ’il quddiem “Trioplast Industrier”), il-kumpannija parent tal-grupp Trioplast. Dan it-trasferiment daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1999.
5
Fix-xahar ta’ Novembru 2001, British Polythene Industries informat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bl-eżistenza ta’ akkordju, li fih allegatament kienet involuta FLS Plast, fis-settur tal-boroż industrijali tal-plastik.
6
Wara li wettqet xi verifiki, matul is-sena 2002, fl-edifiċji, b’mod partikolari, ta’ Trioplast Wittenheim, il-Kummissjoni bagħtet, matul is-snin 2002 u 2003, lill-kumpanniji kkonċernati, li fosthom kien hemm inkluża din l-aħħar imsemmija kumpannija, talbiet għal informazzjoni. Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Diċembru 2002, ikkompletata permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Jannar 2003, Trioplast Wittenheim indikat li riedet tikkoopera fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni, fil-kuntest tal-Avviż dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem l-“avviż dwar il-klemenza”).
7
Fit-30 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, li l-Artikolu 1(1)(h) tagħha jipprovdi li FLSmidth u FLS Plast, mill-31 ta’ Diċembru 1990 sad-19 ta’ Jannar 1999, kienu kisru l-Artikolu 81 KE meta pparteċipaw f’numru ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma fis-settur tal-boroż tal-plastik industrijali fil-Belġju, fil-Ġermanja, fi Spanja, fi Franza, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi, li kienu jikkonċernaw l-iffissar tal-prezzijiet u l-implementazzjoni ta’ mudelli komuni għall-kalkolu tal-prezzijiet, it-tqassim tas-swieq u l-attribuzzjoni ta’ kwoti tal-bejgħ, it-tqassim tal-klijenti, tan-negozju u tal-ordnijiet, is-sottomissjoni miftiehma għal ċerti sejħiet għal offerti u l-iskambju ta’ informazzjoni individwalizzata.
8
Fil-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni imponiet fuq Trioplast Wittenheim multa ta’ EUR 17.85 miljun, billi ħadet inkunsiderazzjoni tnaqqis ta’ 30 % mogħti skont l-avviż dwar il-klemenza. Fuq dan l-ammont, FLSmidth u FLS Plast inżammu responsabbli in solidum għall-ammont ta’ EUR 15.30 miljun u Trioplast Industrier inżammet responsabbli għall-ammont ta’ EUR 7.73 miljun.
Is-sentenza appellata
9
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Frar 2006, FLSmidth ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni kontenzjuża. Dan tal-aħħar kien intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni sa fejn din kienet tikkonċernaha jew, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li għaliha kienet miżmuma responsabbli in solidum.
10
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti invokat żewġ motivi. L-ewwel motiv tagħha, invokat b’mod prinċipali, kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), minħabba l-imputazzjoni lil FLSmidth tar-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn Trioplast Wittenheim. It-tieni motiv kien invokat insostenn tat-talba ta’ FLSmidth imressqa b’mod sussidjarju. FLSmidth ikkunsidrat li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ liġi meta żammitha responsabbli għall-ħlas tal-multa imposta, f’ammont eċċessiv, sproporzjonat, arbitrarju u diskriminatorju.
11
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża sal-punt u sa fejn din tal-aħħar kienet iżżomm lil FLSmidth responsabbli għall-ksur matul il-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Diċembru 1990 u l-31 ta’ Diċembru 1991. Konsegwentement, hija naqqset għal EUR 14.45 miljun l-ammont li FLSmidth kienet miżmuma responsabbli in solidum għall-ħlas tiegħu skont l-Artikolu 2(f) tad-deċiżjoni kontenzjuża. Hija ċaħdet il-kumplament tar-rikors.
It-talbiet tal-partijiet
12
FLSmidth titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza appellata;
—
prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn din tikkonċernaha, jew, sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa li hija inżammet responsabbli għaliha skont id-deċiżjoni kontenzjuża;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
13
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tiċħad l-appell;
—
sussidjarjament, tiċħad it-talba għal annullament diretta kontra d-deċiżjoni kontenzjuża;
—
tordna lil FLSmidth tirrimborsaha l-ispejjeż sostnuti minnha.
Fuq l-appell
14
Insostenn tat-talbiet tagħha, FLSmidth tinvoka sitt aggravji, iżda t-tielet, ir-raba’, il-ħames u s-sitt aggravji huma invokati insostenn tat-talbiet imressqa sussidjarjament.
15
FLSmidth titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi hija stess, wara li tkun annullat is-sentenza appellata, fuq il-motivi invokati kontra d-deċiżjoni kontenzjuża.
Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali applikat il-kriterju ġuridiku żbaljat relatat mar-responsabbiltà tal-kumpannija parent u ma siltitx b’mod korrett il-konsegwenzi ġuridiċi mill-provi prodotti
L-argumenti tal-partijiet
16
Skont FLSmidth, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta aċċettat, fil-punti 20 sa 40 tas-sentenza appellata, il-kriterju ġuridiku applikat mill-Kummissjoni, sabiex tikkonkludi li hija ma kinitx ikkonfutat il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà għall-ksur inkwistjoni, li tirriżulta mis-sehem ta’ 100 % li hija kellha indirettament fil-kumpannija Trioplast Wittenheim.
17
F’dan ir-rigward, FLSmidth issostni li l-preżunzjoni ta’ responsabbiltà applikata mill-Qorti Ġenerali tikser ir-regola ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza. Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà mwettqa mill-Qorti Ġenerali tirrendi lil din il-preżunzjoni tal-aħħar, essenzjalment, inkonfutabbli. Għalhekk, is-sentenza appellata tikser l-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u l-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Fi kwalunkwe każ, FLSmidth effettivament ipproduċiet provi li kapaċi jikkonfutaw l-imsemmija preżunzjoni.
18
Il-Kummissjoni tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ dan l-aggravju, peress li dan tal-aħħar ma ġiex invokat quddiem il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, l-imsemmi aggravju huwa ta’ natura purament astratta. FLSmidth ma tindikax il-punti tas-sentenza appellata li fihom il-Qorti Ġenerali wettqet l-iżball invokat. Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li l-preżunzjoni inkwistjoni hija kompatibbli mal-KEDB u mal-Karta. Barra minn hekk, il-Kummissjoni żżid li hija setgħet tibbaża ruħha fuq indizji oħra, bil-għan li turi l-eżerċizzju, minn FLSmidth, ta’ influwenza determinanti fuq Trioplast Wittenheim.
19
Fir-replika tagħha, FLSmidth tqis li l-aggravju tagħha ma huwiex ġdid, iżda li huwa jikkostitwixxi żvilupp tal-argument tagħha fl-ewwel istanza. Hija żżid li hija tindika b’mod preċiż, fil-punti 18 sa 24 tal-appell, l-element ikkritikat tas-sentenza appellata kif ukoll l-argument li hija ssostni.
20
Il-Kummissjoni, fil-kontroreplika tagħha, tikkontesta dawn l-aħħar imsemmija dikjarazzjonijiet.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
– Fuq l-ammissibbiltà
21
Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-ewwel aggravju, jeħtieġ li jitfakkar, fl-ewwel lok, li FLSmidth ma sostnietx, fir-rikors tagħha tal-ewwel istanza, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 48 tal-Karta u l-Artikolu 6(2) tal-KEDB meta imputatilha r-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn Trioplast Wittenheim.
22
Madankollu, hemm lok li jiġi kkonstatat li FLSmidth, fil-punt 81 ta’ dan ir-rikors, kienet fil-fatt invokat, minbarra diversi argumenti oħra maħsuba sabiex juru li l-Kummissjoni ma kellhiex timputalha din ir-responsabbiltà, li “kull konklużjoni oħra tkun timplika li l-preżunzjoni ta’ imputabbiltà li tirriżulta minn sehem ta’ 100 % fil-kumpannija sottosussidjarja tikkostitwixxi preżunzjoni inkonfutabbli de facto”. Issa, permezz ta’ dan, FLSmidth ikkontestat, għalkemm fil-qasir ħafna, il-legalità tal-kriterji magħżula mill-Kummissjoni sabiex timputalha r-responsabbiltà għall-ksur inkwistjoni. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-preċiżjoni prodotta minn FLSmidth fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fejn tallega li dawn il-kriterji huma illegali, partikolarment sa fejn dawn jiksru l-Artikolu 48 tal-Karta u l-Artikolu 6(2) tal-KEDB, tikkostitwixxi żvilupp tal-argument tagħha mressaq quddiem il-Qorti Ġenerali, li huwa, għaldaqstant, ammissibbli fl-istadju tal-appell.
23
Fit-tieni lok, fir-rigward tan-natura allegatament astratta tal-ewwel aggravju u tal-fatt li FLSmidth ma tindikax il-punti tas-sentenza li huma vvizzjati minn żball, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-kritika li FLSmidth tqajjem fil-konfront tal-Qorti Ġenerali tirriżulta, b’mod suffiċjentement konkret, mill-punti 17 sa 24 tal-appell u li, fil-punt 18 ta’ dan tal-aħħar, dik il-kumpannija kkritikat espressament il-punti 20 sa 40 tas-sentenza appellata.
24
Konsegwentement, l-ewwel aggravju invokat minn FLSmidth huwa ammissibbli.
– Fuq il-mertu
25
Fir-rigward, qabel xejn, tal-allegata illegalità tal-preżunzjoni, applikata fid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, ta’ eżerċizzju effettiv, minn kumpannija li tkun proprjetarja direttament jew indirettament tal-kapital kollu jew kważi kollu ta’ kumpannija oħra, ta’ influwenza determinanti fuq din l-aħħar imsemmija kumpannija, hemm lok li jitfakkar li din il-preżunzjoni tirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Dow Chemical vs Il-Kummissjoni, C‑179/12 P, EU:C:2013:605, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata) u li hija ma tikkostitwixxi l-ebda ksur tad-drittijiet ikkonferiti mill-Artikolu 48 tal-Karta u mill-Artikolu 6(2) tal-KEDB.
26
Għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta, fil-punt 22 et seq tas-sentenza appellata, fakkret il-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, relatati mal-kundizzjonijiet li fihom kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji, bħal FLSmidth, tista’ tinżamm responsabbli in solidum għall-aġir antikompetittiv imputat lil kumpannija li tifforma parti mill-istess grupp, jiġifieri, f’dan il-każ, lil Trioplast Wittenheim.
27
Għalhekk, kien ukoll b’mod ġust li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod partikolari, fil-punt 23 tas-sentenza appellata, li abbażi ta’ din il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni setgħet tassumi li FLSmidth kienet eżerċitat, anki jekk b’mod indirett, influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Trioplast Wittenheim bejn il-31 ta’ Diċembru 1991 u d-19 ta’ Jannar 1999, fid-dawl tas-sehem ta’ 100 % li FLSmidth kellha fil-kumpannija FLS Plast u ta’ dak, ukoll ta’ 100 %, li din tal-aħħar kellha fil-kumpannija Trioplast Wittenheim.
28
Sussegwentement, fir-rigward tal-argument li l-applikazzjoni konkreta ta’ din il-preżunzjoni, imwettqa mill-Kummissjoni u kkonfermata mill-Qorti Ġenerali, irrendiet din il-preżunzjoni inkonfutabbli, ikun suffiċjenti li jitfakkar li l-fatt li jkun diffiċli li tiġi prodotta l-prova kuntrarja neċessarja sabiex tiġi kkonfutata preżunzjoni ma jimplikax, fih innifsu, li din hija effettivament inkonfutabbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenza ENI vs Il-Kummissjoni, C‑508/11 P, EU:C:2013:289, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).
29
Fl-aħħar, fir-rigward tad-dikjarazzjoni li FLSmidth effettivament ipproduċiet provi li jistgħu jikkonfutaw il-preżunzjoni inkwistjoni, hemm lok li jitfakkar li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet f’dan ir-rigward, fil-punt 31 tas-sentenza appellata, li FLSmidth ma ressqet l-ebda argument konkret li jippermetti li tiġi kkonfutata din il-preżunzjoni. B’mod iktar konkret, b’risposta għall-allegazzjoni ta’ FLSmidth dwar il-metodu ta’ organizzazzjoni diċentralizzata tal-grupp ikkonċernat, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tali metodu ta’ organizzazzjoni ma jipprekludix neċessarjament lill-kumpannija parent milli tinfluwenza l-linja politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha, pereżempju billi żżomm ruħha informata bl-iżvilupp tal-attivitajiet tas-sussidjarja tagħha permezz tat-trażmissjoni ta’ rapporti regolari.
30
Barra minn hekk, fir-rigward tal-fatt li T., membru tal-bord ta’ tmexxija ta’ FLSmidth, akkumula, bejn is-snin 1994 u 1999, funzjonijiet ta’ responsabbiltà fi ħdan il-bordijiet ta’ tmexxija taż-żewġ kumpanniji kkonċernati, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 32 tas-sentenza appellata, mingħajr ma wettqet ebda żball, li dan kien juri li t-tmexxija ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji kienet minsuġa u li Trioplast Wittenheim ma setgħetx taġixxi b’mod awtonomu mill-kumpannija parent tagħha. Barra minn hekk, kif ġie enfasizzat ukoll mill-Qorti Ġenerali, l-eżerċizzju tal-funzjoni ta’ membru tal-bord ta’ tmexxija ta’ kumpannija jwassal, min-natura stess tiegħu, għal responsabbiltà legali għall-attivitajiet kollha ta’ din il-kumpannija, inkluża dik għall-aġir tagħha fis-suq, u t-teżi sostnuta minn FLSmidth, li din il-funzjoni hija purament formali, twassal sabiex din tal-aħħar tiġi mċaħħda mis-sustanza legali tagħha.
31
Għaldaqstant, f’dawn il-kundizzjonijiet, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, billi ssostni li hija effettivament ipproduċiet provi li jistgħu jikkonfutaw il-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq Trioplast Wittenheim, FLSmidth qiegħda, fir-realtà, sempliċement titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi prodotti, mingħajr madankollu ma ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat dawn il-fatti u provi. Issa, tali evalwazzjoni ma tikkostitwixxix punt ta’ liġi li huwa bħala tali suġġett għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi General Motors vs Il-Kummissjoni, C‑551/03 P, EU:C:2006:229, punti 51 u 52, kif ukoll ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni, C‑352/09 P, EU:C:2011:191, punti 179 u 180). Għaldaqstant, dan l-argument huwa inammissibbli.
32
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli.
Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq nuqqas ta’ stħarriġ tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni
L-argumenti tal-partijiet
33
FLSmidth issostni li, quddiem il-Qorti Ġenerali, hija invokat nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-eżerċizzju, min-naħa tagħha, ta’ influwenza determinanti fuq Trioplast Wittenheim, kif ukoll il-fatt li l-Kummissjoni naqset milli twieġeb għal diversi argumenti mressqa fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fir-rikors tal-ewwel istanza. L-argument tagħha ġie iddettaljat iktar waqt is-seduta.
34
B’mod iktar konkret, FLSmidth sostniet, b’mod partikolari, li hija kienet purament kumpannija holding u li hija ma kinitx involuta fil-funzjonament ta’ kuljum tas-sottosussidjarji tagħha, li T., għalkemm uffiċjalment kien membru tal-bord ta’ tmexxija ta’ Trioplast Wittenheim, ma kienx jeżerċita influwenza fuq il-mod kif din tal-aħħar kienet taġixxi fis-suq u ma kienx konxju mill-aġir illegali ta’ din il-kumpannija, li l-grupp ikkonċernat kien applika prinċipju ta’ diċentralizzazzjoni tal-amministrazzjoni, li hija ma wettqitx kontroll tal-kwistjonijiet operazzjonali, iżda segwiet biss il-kwistjonijiet finanzjarji, li Trioplast Wittenheim ma kellhiex tagħtiha rendikont b’mod dirett, li din il-kumpannija ma kinitx ta’ interess kbir minħabba nuqqas ta’ profitabbiltà, li hija fformat malajr ħafna l-intenzjoni li tbigħha, u li Trioplast Wittenheim kienet eżerċitat l-attivitajiet illegali tagħha qabel u wara l-akkwist tagħha minn FLSmidth, fatt li juri li din il-kumpannija kienet aġixxiet b’mod awtonomu fis-suq.
35
Għall-kuntrarju, skont FLSmidth, filwaqt li l-Kummissjoni, fil-premessi 734 sa 739 tad-deċiżjoni kontenzjuża, tittratta biss il-pożizzjoni ta’ T. u għalkemm il-kwistjoni tqajmet quddiem il-Qorti Ġenerali, is-sentenza appellata, b’mod partikolari fil-punti 31 u 32, ma tinkludi l-ebda evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kkonformatx mal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.
36
Il-Kummissjoni tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ dan l-aggravju. FLSmidth ma invokatx in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża fir-rikors tagħha tal-ewwel istanza. Sa fejn dan l-aggravju huwa maħsub fir-realtà sabiex jikkontesta l-evalwazzjoni ta’ ċerti punti ta’ fatt mill-Qorti Ġenerali, huwa inammissibbli peress li FLSmidth ma invokatx l-eżistenza ta’ żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali.
37
Sussidjarjament, il-Kummissjoni tqis li jirriżulta b’mod ċar mis-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali sempliċement wettqet eżami tar-raġunijiet esposti fid-deċiżjoni kontenzjuża fejn spjegat ir-raġunijiet għaliex FLSmidth kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq Trioplast Wittenheim, u li minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża kienet suffiċjenti f’dan ir-rigward, anki jekk dan ma jissemmiex espressament fis-sentenza.
38
Fir-replika tagħha, FLSmidth tqis li l-aggravju tagħha jikkostitwixxi żvilupp ta’ argument invokat fl-ewwel istanza, u dan huwa kkontestat mill-Kummissjoni fil-kontroreplika tagħha.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
39
Permezz tal-aggravju tagħha, FLSmidth tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma eżaminatx il-motiv ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kontenzjuża. Sabiex issostni t-teżi tagħha li hija kienet diġà qajmet tali motiv quddiem il-Qorti Ġenerali, FLSmidth, fl-appell tagħha, tagħmel riferiment għall-punti 93, 109, 121 u 122 tar-rikors tagħha tal-ewwel istanza u ssostni li f’dawn il-punti hija kienet invokat nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni.
40
Madankollu, f’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, fl-imsemmija punti tar-rikors tal-ewwel istanza, FLSmidth sempliċement irrilevat li l-Kummissjoni ma kinitx indikat ir-raġunijiet li abbażi tagħhom, minn naħa, ma ġiet imputata l-ebda responsabbiltà lil ċerti impriżi oħra u, min-naħa l-oħra, hija nżammet responsabbli fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn ix-xahar ta’ Diċembru 1990 u x-xahar ta’ Diċembru 1991, u li l-Kummissjoni lanqas ma ttrattat l-argument, invokat minn FLSmidth, ibbażat fuq il-fatt li din tal-aħħar ma kinitx konxja mill-ksur inkwistjoni. Għall-kuntrarju, hija ma sostnietx, la f’dawn il-punti u lanqas f’punti oħra tar-rikors tagħha tal-ewwel istanza, li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet, minħabba dan il-fatt, ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni. Għall-kuntrarju, l-osservazzjonijiet ippreżentati minn FLSmidth kienu intiżi li jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-fatti mwettqa mill-Kummissjoni, fatt li, barra minn hekk, jirriżulta espressament, fir-rigward tal-punt 109 ta’ dak ir-rikors, mill-kliem stess ta’ dan tal-aħħar.
41
Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument li hija “iddettaljat iktar” l-argumenti tagħha waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, FLSmidth ma ssostnix li l-introduzzjoni ta’ motiv ġdid, f’dan l-istadju, kienet ammissibbli minkejja d-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li bis-saħħa tiegħu l-produzzjoni ta’ motivi ġodda pendente lite hija pprojbita sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Hija lanqas ma ssostni li hija invokat tali punti waqt is-seduta.
42
Minn dan isegwi li, permezz ta’ dan l-aggravju, FLSmidth tinvoka argument ġdid, li jikkonsisti fil-kontestazzjoni tan-natura adegwata tal-motivazzjoni, kemm tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll tas-sentenza appellata, dwar l-imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn Trioplast Wittenheim lil FLSmidth. Minn dan isegwi li l-imsemmi argument għandu jitqies li huwa inammissibbli, peress li, fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi diskussi quddiem il-qrati li jkunu semgħu l-kawża fuq il-mertu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Dow Chemical vs Il-Kummissjoni, EU:C:2013:605, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).
43
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li t-tieni aggravju jiġi miċħud bħala inammissibbli.
Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ legalità
L-argumenti tal-partijiet
44
Permezz tat-tielet aggravju tagħha, invokat insostenn tat-talbiet tagħha mressqa sussidjarjament, FLSmidth issostni li l-Qorti Ġenerali warrbet b’mod żbaljat l-argumenti li permezz tagħhom hija kkontestat il-proporzjonalità u l-legalità tal-ammont tal-multa imposta fuqha. Fil-fatt, l-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem, il-“linji gwida”), li jipprevedu żieda tal-ammont tal-multa ta’ 10 % għal kull sena ta’ parteċipazzjoni ta’ Trioplast Wittenheim fl-akkordju inkwistjoni, kienet twassal għal riżultat globali mingħajr ebda rabta raġonevoli mat-tul taż-żamma tal-kapital tal-aħħar imsemmija kumpannija. Il-Qorti Ġenerali essenzjalment, fil-punti 43 sa 46 tas-sentenza appellata, sempliċement irrepetiet il-metodu tal-kalkolu adottat mill-Kummissjoni u ma wettqitx eżami indipendenti.
45
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset li l-multa imposta ma kinitx sproporzjonata fid-dawl ta’ dak it-tul, b’konsegwenza ta’ “approċċ individwali”, li madankollu ma ġiex applikat b’mod koerenti fir-rigward tal-ammont inizjali. Fil-fatt, dan l-ammont, skont FLSmidth, ma kellux jiġi stabbilit fl-istess livell bħal dak iffissat fir-rigward ta’ Trioplast Wittenheim. Il-metodu magħżul mill-Kummissjoni huwa ta’ natura arbitrarja u ma jistax jiġġustifika l-fatt li FLSmidth tinżamm responsabbli għal iktar minn 80 % tal-multa imposta fuq Trioplast Wittenheim, meta din ikkostitwiet entità ekonomika mal-aħħar imsemmija kumpannija unikament matul 35 % tal-perijodu tal-ksur. Ir-riżultat miksub huwa wkoll eċċessiv, sproporzjonat u diskriminatorju. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma tipprovdix, f’dan ir-rigward, motivazzjoni suffiċjenti, billi sempliċement tikkonstata, fil-punt 45 tas-sentenza appellata, li FLSmidth ma ressqet l-ebda argument li jikkontesta l-metodu għall-kalkolu adottat mill-Kummissjoni.
46
Barra minn hekk, huwa b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, li, b’mod partikolari, l-assenza ta’ konjizzjoni tal-aġir illegali ta’ Trioplast Wittenheim ma tistax tikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti peress li l-bażi tar-responsabbiltà kienet imsejsa fuq il-fatt li FLSmidth u Trioplast Wittenheim kienu jifformaw entità ekonomika waħda. Issa, dan ir-raġunament ma kienx jikkorrispondi mal-approċċ allegatament individwalizzat magħżul mill-Kummissjoni.
47
Barra minn hekk, skont FLSmidth, in-natura sproporzjonata tar-responsabbiltà li ġiet imputata lilha ġiet imsaħħa mill-fatt li l-Qorti Ġenerali naqqset ir-responsabbiltà ta’ Trioplast Industrier, l-unika kumpannija parent oħra li nżammet responsabbli għall-aġir ta’ Trioplast Wittenheim, billi naqqset il-multa imposta minn EUR 7.73 miljun għal EUR 2.73 miljun fis-sentenza tagħha Trioplast Industrier vs Il-Kummissjoni (T‑40/06, EU:T:2010:388). Fil-fatt peress li Trioplast Wittenheim tinsab f’likwidazzjoni, din is-sentenza għandha l-konsegwenza li tirrendi dan it-tnaqqis applikabbli effettivament għal FLSmidth, minkejja li din tal-aħħar ma kinitx tifforma parti mill-proċedura li tat lok għal din is-sentenza.
48
Skont il-Kummissjoni, l-argument ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ legalità ma huwa bl-ebda mod ippreċiżat. Addizzjonalment, dan l-argument, li ma ġiex invokat quddiem il-Qorti Ġenerali, huwa inammissibbli. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, l-argument imqajjem minn FLSmidth f’dan ir-rigward jirrigwarda d-deċiżjoni kontenzjuża u ma tressaqx bħala li huwa dirett kontra s-sentenza appellata. Għaldaqstant dan ma huwiex ammissibbli.
49
Fir-rigward tal-eżami, mill-Qorti Ġenerali, tal-ammont tal-multa imposta, dan jikkostitwixxi biss “stħarriġ”. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali mmotivat b’mod suffiċjenti, fil-punt 45 tas-sentenza appellata, l-aċċettazzjoni tal-metodu applikat mill-Kummissjoni għall-kalkolu ta’ dik il-multa. Addizzjonalment, ma jeżisti l-ebda prinċipju ġuridiku li l-ammont finali tal-multa imposta fuq id-destinatarju ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur għandu jkun proporzjonali għat-tul tar-responsabbiltà ta’ dan id-destinatarju għall-parteċipazzjoni fil-ksur.
50
Barra minn hekk, ir-rekwiżit ta’ teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti possibbli jikkonċerna impriża kkunsidrata fl-intier tagħha, fil-mument meta jkun twettaq il-ksur, u mhux il-partijiet kostitwenti tagħha.
51
Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, il-fatt li l-multa imposta fuq Trioplast Industrier tnaqqset fil-kuntest tal-proċedura mibdija minn din tal-aħħar u li ma kinitx involuta fiha FLSmidth ma għandu l-ebda konnessjoni ma’ dan l-appell.
52
Fir-replika tagħha, FLSmidth tispeċifika li l-argument tagħha ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ legalità ma huwiex ġdid. Fil-fatt, fl-ewwel istanza, hija invokat il-prinċipju “ta’ assenza ta’ natura arbitrarja”, li jikkorrispondi mal-argument imqajjem fil-kuntest tal-appell. Fi kwalunkwe każ, dan l-argument jikkostitwixxi, l-iktar l-iktar, l-iżvilupp ta’ argument imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
– Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti argumenti
53
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà eċċepita mill-Kummissjoni kontra l-argument ibbażat fuq l-illegalità tal-multa imposta fuq FLSmidth, minħabba li dan tal-aħħar huwa ġdid, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li din tal-aħħar kienet invokat, quddiem il-Qorti Ġenerali, in-natura “arbitrarja” tal-multa li ġiet imposta fuqha, kif jirriżulta mill-punti 99 et seq tar-rikors tal-ewwel istanza. Issa, mill-iżviluppi li jinsabu f’dawn il-punti tal-imsemmi rikors kif ukoll mill-argument imressaq minn FLSmidth insostenn tat-tielet aggravju, jirriżulta li l-argument ibbażat fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ legalità, fir-rigward tal-multa li ġiet imposta fuqha, u dak ibbażat fuq in-natura arbitrarja ta’ din tal-aħħar huma, essenzjalment, identiċi. Konsegwentement, dak l-argument ma huwiex ġdid u huwa għaldaqstant ammissibbli fl-istadju tal-appell.
54
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li l-argumenti ta’ FLSmidth li jirrigwardaw id-deċiżjoni kontenzjuża ma tressqux bħala li huma diretti kontra s-sentenza, u huma, għaldaqstant, inammissibbli, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali, fir-rigward tal-kalkolu tal-multa imposta fuq FLSmidth u sa fejn dan il-kalkolu jifforma s-suġġett tal-kawża, approvat il-metodu applikat mill-Kummissjoni fil-kuntest inkwistjoni. Konsegwentement, għalkemm FLSmidth, fl-appell tagħha, mhux dejjem tagħmel distinzjoni netta bejn l-argumenti intiżi sabiex tiġi attakkata d-deċiżjoni kontenzjuża u dawk intiżi sabiex tiġi kkritikata s-sentenza appellata, dan in-nuqqas ta’ ċarezza ma jistax madankollu jwassal għall-inammissibbiltà tal-aggravju bbażat fuq dawn l-argumenti, sa fejn dawn tal-aħħar jistgħu jinftiehmu faċilment bħala li huma marbuta mas-sentenza appellata. Għaldaqstant, l-imsemmija argumenti jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja li twettaq stħarriġ ta’ din is-sentenza fid-dawl tal-aggravju bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ legalità.
55
Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jitqies li huwa ammissibbli.
– Fuq il-mertu
56
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx stħarriġ “indipendenti” tal-multa imposta fuq FLSmidth, jeħtieġ li jitfakkar li l-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 261 TFUE u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, għandha ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tal-multi stabbiliti mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali hija awtorizzata tmur lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità ta’ dawn il-multi u tissostitwixxi l-evalwazzjoni l-Kummissjoni b’dik tagħha u, konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-penalità imposta (ara s-sentenza E.ON Energie vs Il-Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punti 123 u 124 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
57
Madankollu, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, naqsitx milli tuża l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u ma wettqitx stħarriġ indipendenti tal-multa imposta, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali, minn naħa, semmiet, fil-punt 44 tas-sentenza appellata, il-kalkolu mwettaq mill-Kummissjoni bil-għan li tistabbilixxi l-multa imposta, b’mod partikolari, fuq FLSmidth u fuq Trioplast Industrier. F’dan ir-rigward, hija fakkret b’mod partikolari li dawn l-aħħar imsemmija kumpanniji ġew suġġetti għall-istess ammont inizjali bħal dak impost fuq is-sussidjarja li magħha huma kienu jikkostitwixxu entità ekonomika, jiġifieri Trioplast Wittenheim, u li dawn l-ammonti żdiedu, skont it-tielet inċiż tal-punt 1.B tal-linji gwida, b’ 10 % fis-sena, skont il-perijodu li matulu l-kumpannija parent inkwistjoni kienet tikkontrolla lis-sussidjarja tagħha. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, fuq din il-bażi, kull destinatarju tad-deċiżjoni kontenzjuża ġie ssuġġettat għal sanzjoni li kienet adatta għalih u li l-ammont tagħha ma kienx jikkorrispondi neċessarjament għal dak tal-multa imposta fuq is-sussidjarja, aġġustata pro rata għall-perijodu ta’ kontroll.
58
Barra minn hekk, fil-punt 45 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żiedet, f’dan ir-rigward, li FLSmidth “ma [kienet] ressqet l-ebda argument li jippremetti li jiġi kkunsidrat li l-metodu tal-kalkolu, bħala tali, huwa bbażat fuq żball fundamentali jew jikser il-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza”, sabiex minn dan tikkonkludi, fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, li l-argument invokat minn FLSmidth, li l-multa imposta fuqha kellha tirrifletti b’mod strettament proporzjonali l-fatt li Trioplast Wittenheim kienet proprjetà tagħha biss għal 8 snin fuq perijodu ta’ ksur ta’ 20 sena, kellu jiġi miċħud.
59
Għalkemm dawn il-kunsiderazzjonijiet, meħuda b’mod iżolat, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li dawn jikkostitwixxu sempliċi repetizzjoni tar-raġunament tal-Kummissjoni u tal-metodu għall-kalkolu segwit minn din tal-aħħar, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fil-punti 43 sa 46 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement approvat, essenzjalment, l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fuq element preċiż tal-kalkolu ta’ din il-multa, jiġifieri l-effett tat-tul tal-perijodu li matulu FLSmidth kienet tikkontrolla lil Trioplast Wittenheim fuq l-ammont tal-imsemmija multa. Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li tagħti x’tifhem FLSmidth, il-kunsiderazzjonijiet żviluppati fl-imsemmija punti ma jikkostitwixxux l-uniċi partijiet ta’ din is-sentenza li jittrattaw l-istħarriġ tal-multa imposta fuq FLSmidth.
60
Fil-fatt, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat, b’mod iddettaljat, diversi elementi oħra rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta. B’mod partikolari, fil-punti 53 et seq ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali eżaminat ukoll ir-rilevanza ta’ ċirkustanzi attenwanti possibbli u, fil-punti 69 et seq ta’ din tal-aħħar, il-livell tal-ammont inizjali għall-kalkolu ta’ din il-multa. Għalhekk, minn dawn il-punti kollha jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet analiżi indipendenti u kompleta tal-multa imposta fuq FLSmidth, minkejja li approvat, f’ċerti aspetti, l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni kif ukoll ir-riżultat li kienet waslet għalih din tal-aħħar.
61
Konsegwentement, dan l-argument għandu jiġi miċħud, kif għandu jiġi miċħud ukoll l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali, f’dan il-kuntest, ma mmotivatx sal-grad rikjest mil-liġi d-deċiżjoni tagħha, peress li l-punti 43 sa 46 tas-sentenza appellata u, b’mod partikolari, l-punt 45 ta’ din tal-aħħar, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni FLSmidth, jikkostitwixxu biss parti żgħira mill-motivazzjoni pprovduta mill-Qorti Ġenerali, liema motivazzjoni għandha tiġi evalwata fl-intier tagħha.
62
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-multa imposta hija sproporzjonata, hemm lok li jiġi kkonstatat li FLSmidth, bl-argument tagħha, ma tasalx sabiex turi li din il-multa hija ta’ din in-natura.
63
Fil-fatt, f’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi speċifikat li huwa minnu li l-Qorti Ġenerali hija obbligata tiżgura li l-kalkolu tal-ammont ta’ multa imposta fuq impriża minħabba l-involviment tagħha fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jieħu debitament inkunsiderazzjoni t-tul ta’ dan il-ksur u l-involviment ta’ din tal-aħħar. Madankollu, it-tul tal-ksur la huwa l-uniku element u lanqas neċessarjament l-element l-iktar importanti li l-Kummissjoni u/jew il-Qorti Ġenerali għandhom jikkunsidraw għall-finijiet tal-kalkolu ta’ din il-multa.
64
Addizzjonalment, f’dan il-każ, il-multi imposti fuq FLSmidth u fuq il-kumpanniji l-oħra involuti fl-akkordju inkwistjoni ma ġewx ikkalkolati unikament skont it-tulijiet rispettivi tal-involviment ta’ dawn il-kumpanniji. B’mod partikolari, fir-rigward ta’ FLSmidth, l-ammont tal-multa imposta ma kellux ikun strettament proporzjonali, iżda biss, fil-prinċipju, “raġonevolment” proporzjonali, mat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ FLSmidth fil-ksur inkwistjoni, sakemm dan l-ammont jirrifletti b’mod adegwat il-gravità tal-ksur imwettaq.
65
Issa, fir-rigward tal-gravità tal-ksur, jeħtieġ li jitfakkar li dan tal-aħħar kien jikkonsisti fil-parteċipazzjoni f’numru ta’ ftehim u prattiki miftiehma li jikkonċernaw sitt Stati Membri u li kien jikkonċerna l-iffissar tal-prezzijiet u l-implementazzjoni ta’ mudelli komuni għall-kalkolu tal-prezzijiet, it-tqassim tas-swieq u l-attribuzzjoni ta’ kwoti tal-bejgħ, it-tqassim tal-klijenti, tan-negozju u tal-ordnijiet, is-sottomissjoni miftiehma għal ċerti sejħiet għal offerti u l-iskambju ta’ informazzjoni individwalizzata. Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li l-Kummissjoni kklassifikat dan il-ksur, ġustament, bħala “gravi ħafna” fil-premessa 765 tad-deċiżjoni kontenzjuża. Din il-klassifikazzjoni ma ġietx ikkontestata minn FLSmidth fl-appell tagħha.
66
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li l-Qorti Ġenerali, meta stabbilixxiet l-ammont li għal ħlas tiegħu FLSmidth inżammet responsabbli in solidum, skont l-Artikolu 2(f) tad-deċiżjoni kontenzjuża, fl-ammont ta’ EUR 14.45 miljun, jiġifieri ammont li huwa nettament inferjuri għall-ammont minimu ta’ EUR 20 miljun li normalment jiġi previst mill-Kummissjoni bħala ammont inizjali għall-kalkolu tal-multi għal ksur “gravi ħafna” u previst fit-tielet inċiż tal-punt 1.A tal-linji gwida, imponiet multa, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, f’ammont sproporzjonat.
67
Sa fejn FLSmidth, minflok tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, titlob biss, permezz ta’ dan l-argument, evalwazzjoni ġdida tal-ammont li għal ħlas tiegħu hija inżammet responsabbli in solidum, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma hijiex il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi fuq punti ta’ liġi fil-kuntest ta’ appell, li tissostitwixxi, għal raġunijiet ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, fuq l-ammont tal-multi imposti fuq impriżi minħabba l-ksur minnhom tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni, C‑70/12 P, EU:C:2013:351, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).
68
Għalhekk dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud.
69
Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-argument li l-konstatazzjoni, li tinsab fil-punt 55 tas-sentenza appellata, li l-fatt li FLSmidth ma kinitx konxja mill-aġir illegali ta’ Trioplast Wittenheim ma jistax jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti, peress li l-bażi tar-responsabbiltà kienet imsejsa fuq il-fatt li FLSmidth u Trioplast Wittenheim kienu jifformaw entità ekonomika waħda, tmur kontra l-approċċ individwalizzat magħżul mill-Kummissjoni, dan l-argument lanqas ma jista’ jintlaqa’.
70
Għalkemm huwa veru, f’dan ir-rigward, li l-konstatazzjoni, li tinsab fil-punt 44 tas-sentenza appellata, li l-kumpanniji parent tas-sussidjarji li jkunu pparteċipaw fl-akkordju inkwistjoni jiġu attribwiti l-istess ammont inizjali, li jkun, b’mod partikolari, ġie aġġustat skont iċ-ċirkustanzi attenwanti jew aggravanti applikabbli għal kull kumpannija parent, ma tapplikax għal FLSmidth, li ma bbenefikatx minn tnaqqis minħabba ċirkustanzi attenwanti, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx, fi kwalunkwe każ, tnaqqas l-ammont li għal ħlas tiegħu, FLSmidth inżammet responsabbli in solidum, peress li din tal-aħħar ma kinitx konxja mill-aġir illegali ta’ Trioplast Wittenheim.
71
Fil-fatt, peress li r-responsabbiltà ta’ kumpannija parent għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, imwettaq direttament minn waħda mis-sussidjarja tagħha, hija bbażata, skont ġurisprudenza stabbilita, fuq il-fatt li dawn il-kumpanniji kienu jifformaw parti minn entità ekonomika waħda matul il-perijodu tal-ksur (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Kendrion vs Il-Kummissjoni, C‑50/12 P, EU:C:2013:771, punti 47 u 55 u l-ġurisprudenza ċċitata), ir-rekwiżit ta’ teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti possibbli japplika għall-impriża kkunsidrata fl-intier tagħha, fil-mument meta jkun twettaq il-ksur, u mhux għall-partijiet kostitwenti tagħha. Għaldaqstant, dan l-argument huwa wkoll infondat u għandu, konsegwentement, jitwarrab.
72
Fir-rigward, fir-raba’ lok, tal-argument ibbażat fuq il-fatt li n-natura allegatament sproporzjonata tar-responsabbiltà imputata lil FLSmidth ġie msaħħaħ mill-fatt li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza Trioplast Industrier vs Il-Kummissjoni (EU:T:2010:388), naqqset ir-responsabbiltà ta’ Trioplast Industrier, l-unika kumpannija parent oħra li nżammet responsabbli għall-aġir ta’ Trioplast Wittenheim, għalkemm FLSmidth tispeċifika li din l-aħħar imsemmija kumpannija tinsab f’likwidazzjoni, fatt li jimplika li FLSmidth ser ikollha tħallas l-ammont ta’ dan it-tnaqqis minkejja li hija ma kinitx tifforma parti mill-proċedura li tat lok għal din is-sentenza, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li dik iċ-ċirkustanza ma tistax tivvizzja s-sentenza appellata bi żball ta’ liġi. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-kundanna in solidum ta’ diversi kumpanniji għall-ħlas ta’ multa unika għandha preċiżament l-għan li tiżgura dan il-ħlas anki fil-każ li waħda minnhom ma tkunx f’pożizzjoni li tħallas.
73
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi miċħud ukoll dan l-aħħar imsemmi argument u, għaldaqstant, it-tielet aggravju fl-intier tiegħu.
Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq in-nuqqas li tiġi rrimedjata l-inugwaljanza fit-trattament li tirriżulta mit-tnaqqis ta’ 30 % tal-ammont bażiku tal-multa mogħti lil Trioplast Industrier
L-argumenti tal-partijiet
74
FLSmidth issostni li l-Qorti Ġenerali kklassifikat b’mod żbaljat bħala illegali l-għoti lil Trioplast Industrier ta’ tnaqqis ta’ 30 % tal-ammont bażiku tal-multa mogħti lil Trioplast Wittenheim abbażi tal-klemenza, u li hija ma setgħetx, għaldaqstant, tikkunsidra li l-għoti tat-tnaqqis korrispondenti lil FLSmidth, għall-istess raġunijiet, kien ikun ekwivalenti għall-għoti ta’ benefiċċju lilha minn illegalità mwettqa favur Trioplast Industrier.
75
Il-Qorti Ġenerali fil-fatt aċċettat dan it-tnaqqis, mogħti skont l-avviż dwar il-klemenza, fis-sentenza tagħha Trioplast Industrier vs Il-Kummissjoni (EU:T:2010:388). L-imputazzjoni ta’ responsabbiltà lill-appellanti kif ukoll lil Trioplast Industrier kienet ibbażata fuq l-approċċ kollettiv tal-prinċipju ta’ unità ekonomika waħda. L-applikazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ dan l-approċċ fl-evalwazzjoni tal-klemenza ma tistax tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Il-fatt li l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jiġi rrimedjat billi jingħata lil FLSmidth l-istess tnaqqis bħal dak mogħti lil Trioplast Industrier huwa wkoll konformi mal-imsemmi approċċ.
76
Skont FLSmidth, anki jekk jiġi preżunt li t-tnaqqis mogħti lil Trioplast Industrier huwa illegali, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx, għal din ir-raġuni, tirrifjuta li tirrimedja d-diskriminazzjoni li kienet identifikat, ġustament, fil-punt 94 tas-sentenza appellata.
77
Barra minn hekk, l-approċċ tal-Kummissjoni, li jikkonsisti fir-rifjut li FLSmidth tingħata tali tnaqqis ta’ 30 % minħabba l-fatt li hija ma kinitx il-kumpannija parent ta’ Trioplast Wittenheim fiż-żmien meta din tal-aħħar ikkooperat mal-Kummissjoni u meta ġiet imposta l-multa, huwa żbaljat. Fl-ipoteżi li FLSmidth ikollha tbati l-piż tar-rabtiet tagħha mal-unità ekonomika waħda, hija għandu xorta jkollha d-dritt li tibbenefika minnhom.
78
Barra minn hekk, FLSmidth tenfasizza li, f’dan il-każ, it-tnaqqis ta’ 30 % meqjus li huwa illegali mill-Qorti Ġenerali u mogħti lil Trioplast Industrier, żied direttament, wara l-likwidazzjoni ta’ Trioplast Wittenheim, l-ammont li hija finalment ikollha tħallas. Fi kwalunkwe każ, il-multi imposti fuq iż-żewġ kumpanniji parent, li jiksru l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u li l-Qorti Ġenerali kellha tirrimedja, huma manifestament sproporzjonati.
79
Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali, għalkemm setgħet ġustament tqis li FLSmidth ma kellhiex dritt tibbenefika mit-tnaqqis inkwistjoni, adottat din il-pożizzjoni għal raġunijiet żbaljati. Dan it-tnaqqis ingħata lil Trioplast Wittenheim u ġie estiż ġustament għal Trioplast Industrier, li kienet il-kumpannija parent ta’ Trioplast Wittenheim fil-mument meta din tal-aħħar ikkooperat mal-Kummissjoni, li huwa l-uniku mument rilevanti f’dan ir-rigward. Madankollu, fil-perijodu meta kien hemm din il-kooperazzjoni, FLSmidth ma kinitx għadha tikkostitwixxi, skont il-Kummissjoni, impriża ma’ Trioplast Wittenheim, bħala kumpannija parent ta’ din tal-aħħar. Għaldaqstant, il-konstatazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-eżistenza ta’ trattament diskriminatorju mogħti lil FLSmidth meta mqabbel ma’ dak li bbenefikat minnu Trioplast Industrier, hija żbaljata.
80
Konsegwentement, il-Kummissjoni tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-punti 92 sa 97 tas-sentenza appellata u li tissostitwixxihom b’motivazzjoni oħra.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
81
Fir-rigward tar-raba’ aggravju, jeħtieġ li jitfakkar li, fil-punti 92 sa 97 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li FLSmidth ma kellhiex dritt tibbenefika minn tnaqqis ta’ 30 % tal-ammont bażiku tal-multa, identiku għal dak mogħti lil Trioplast Wittenheim. Għalhekk, fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 93 tal-imsemmija sentenza, li, “la mid-deċiżjoni [kontenzjuża] u lanqas mill-inkartament prodott quddiem il-Qorti Ġenerali ma [kien] jirriżulta li Trioplast Industrier kienet ipprovdiet informazzjoni li tiġġustifika tnaqqis ta’ 30 % abbażi tal-kooperazzjoni”, u li “mandakollu l-Kummissjoni [kienet] tatha tali tnaqqis”. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 95 ta’ din is-sentenza, li “ħadd ma jista’ jinvoka illegalità fil-konfront ta’ ħaddieħor għall-gwadann tiegħu” u kkonkludiet, fil-punt suċċessiv, li FLSmidth “ma tistax tipprevalixxi ruħha mill-fatt li l-Kummissjoni [kienet] estendiet, b’mod żbaljat, il-benefiċċju tal-kooperazzjoni offruta minn Trioplast Wittenheim lil Trioplast Industrier, bil-għan li tibbenefika mill-istess illegalità”.
82
Issa, għalkemm kien b’mod ġust li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li FLSmidth ma setgħetx tikseb it-tnaqqis rikjest tal-ammont tal-multa, ir-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali ma jistax madankollu jintlaqa’.
83
Kif enfasizzat il-Kummissjoni, hija biss impriża li tkun ikkooperat ma’ din l-istituzzjoni abbażi tal-avviż dwar il-klemenza li tista’ tingħata, abbażi ta’ dan l-avviż, tnaqqis tal-multa li kienet tiġi imposta mingħajr din il-kooperazzjoni. Dan it-tnaqqis ma jistax jiġi estiż għal kumpannija li, matul parti mill-perijodu tal-ksur inkwistjoni, kienet tifforma parti mill-unità ekonomika kkostitwita minn impriża, iżda li ma kinitx għadha tifforma parti minnha fil-mument meta din tal-aħħar ikkooperat mal-Kummissjoni.
84
Fil-fatt, interpretazzjoni kuntrarja, bħal dik sostnuta minn FLSmidth, tkun timplika ġeneralment li, fil-każijiet ta’ suċċessjoni ta’ impriżi, kumpannija li tkun inizjalment ipparteċipat fi ksur, bħala kumpannija parent ta’ sussidjarja direttament involuta f’dan tal-aħħar, u li tittrasferixxi dik is-sussidjarja lil impriża oħra, tibbenefika, jekk ikun il-każ, minn tnaqqis tal-multa mogħti lil din l-aħħar imsemmija impriża abbażi tal-kooperazzjoni ta’ din mal-Kummissjoni, minkejja li l-imsemmija kumpannija la tkun ikkontribwixxiet hija stess għas-sejbien tal-ksur inkwistjoni u lanqas ma tkun eżerċitat influwenza determinanti, fil-mument ta’ din il-kooperazzjoni, fuq is-sussidjarja l-antika tagħha.
85
Konsegwentement, fid-dawl tal-għan segwit mill-avviż dwar il-klemenza, li jikkonsisti fil-promozzjoni tas-sejbien ta’ aġir li jmur kontra d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, u bil-għan li tiġi żgurata applikazzjoni effettiva ta’ dan id-dritt, xejn ma jiġġustifika l-estensjoni ta’ tnaqqis ta’ multa mogħtija lil impriża abbażi tal-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni lil impriża li, filwaqt li tkun ikkontrollat, fil-passat, is-settur ta’ attività involut fil-ksur inkwistjoni, ma kkontribwixxietx hija stess għas-sejbien ta’ dan tal-aħħar.
86
F’dan il-każ, hemm lok li jitfakkar li, fil-mument li Trioplast Wittenheim ikkooperat mal-Kummissjoni, jiġifieri minn Diċembru 2002, dik il-kumpannija ma kinitx għadha tifforma impriża ma’ FLSmidth. Minn dan isegwi li din tal-aħħar ma tistax tibbenefika minn estensjoni tat-tnaqqis ta’ 30 % tal-ammont bażiku tal-multa, mogħti lill-impriża fformata minn Trioplast Wittenheim u l-kumpannija parent tagħha Trioplast Industrier.
87
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija barra minn hekk irrilevanti l-kwistjoni dwar jekk it-tnaqqis ta’ 30 % tal-ammont bażiku tal-multa mogħti lil Trioplast Industrier ingħatax b’mod ġust, peress li, fi kwalunkwe każ, dan it-tnaqqis ma setax jiġi estiż għal FLSmidth abbażi tal-ugwaljanza fit-trattament, peress li din l-aħħar imsemmija kumpannija ma kinitx tinsab f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik ta’ Trioplast Industrier. Għal din l-istess raġuni, l-ammont li għal ħlas tiegħu FLSmidth inżammet responsabbli in solidum, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni din il-kumpannija, lanqas ma jista’ jitqies li huwa sproporzjonat sempliċement minħabba li ma tnaqqasx bi 30 %.
88
Fl-aħħar, fir-rigward tal-argument invokat minn FLSmidth li, f’dan il-każ, it-tnaqqis ta’ 30 % tal-ammont bażiku tal-multa mogħti lil Trioplast Industrier, kien sejjer iżid direttament, wara l-likwidazzjoni ta’ Trioplast Wittenheim, l-ammont li finalment kellu jitħallas minn FLSmidth, hemm lok li dan l-argument jiġi miċħud għall-istess raġuni bħal dik li ġiet esposta fil-punt 72 ta’ din is-sentenza.
89
Għal dawn ir-raġunijiet, li jeħtieġ li jissostitwixxu lil dawk li jinsabu fil-punti 92 sa 97 tas-sentenza appellata, hemm lok li jiġi miċħud ukoll ir-raba’ aggravju.
Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-avviż dwar il-klemenza u fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament
L-argumenti tal-partijiet
90
Permezz tal-ħames aggravju tagħha, FLSmidth issostni li, minn naħa, il-Qorti Ġenerali, billi kkonfermat id-deċiżjoni kontenzjuża, rrifjutat b’mod żbaljat li tagħtiha tnaqqis ta’ 10 % tal-multa abbażi tal-avviż dwar il-klemenza, peress li hija ma kinitx ikkontestat il-fatti allegati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u li, min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali wettqet għalhekk ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li Bonar Technical Fabrics NV (iktar ’il quddiem “Bonar”), u mhux hija stess, ingħatat tali tnaqqis fid-deċiżjoni kontenzjuża, meta din il-kumpannija kienet adottat l-istess pożizzjoni bħala, waqt il-proċedura amministrattiva.
91
Skont FLSmidth, is-sentenza appellata ma tweġibx għall-argumenti li hija siltet mill-ġurisprudenza u ma tagħtix deċiżjoni la fuq il-kwistjoni tal-valur tan-nuqqas ta’ kontestazzjoni min-naħa tagħha tal-fatti u lanqas fuq iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ. Il-Qorti Ġenerali lanqas ma tat deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk il-fatt li ma tathiex tnaqqis tal-multa imposta jikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
92
FLSmidth iżżid, f’dan ir-rigward, li, għalkemm hija kkontestat iċ-ċirkustanza li l-fatti ppreżentati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jirrilevaw l-eżistenza ta’ influwenza determinanti, hija ma kkontestatx il-materjalità ta’ dawk il-fatti. Barra minn hekk, fir-rigward taż-żewġ kollaboraturi tagħha, G. u H., li kienu preżenti waqt il-laqgħat organizzati mill-akkordju inkwistjoni, filwaqt li kienet sostniet li ma kinitx taf dwar il-parteċipazzjoni ta’ Trioplast Wittenheim f’dak l-akkordju, FLSmith tosserva li dawk l-impjegati żammew rabta ma’ FLS Plast u mhux magħha. Fl-aħħar, fil-każ li l-Kummissjoni tenfasizza li hija kkontestat ċertu numru ta’ fatti imputati lil Trioplast Wittenheim, hija tagħmel riferiment mill-ġdid, għal dan l-għan, għar-risposta ta’ FLS Plast għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u mhux għar-risposta tagħha.
93
Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dan l-aggravju sa fejn dan huwa intiż li jikseb eżami mill-ġdid, fuq il-mertu, tal-evalwazzjoni tagħha tal-valur tad-dikjarazzjonijiet magħmula minn FLSmidth matul l-investigazzjoni u tal-analiżi tagħha, fir-rigward tal-mertu, tad-deċiżjoni tagħha li tagħti lil Bonar tnaqqis ta’ 10 % tal-multa imposta, meta madankollu FLSmidth ma invokatx, b’mod preċiż, żnaturament tal-fatti allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali.
94
Kif ġustament fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 84 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa sabiex tevalwa l-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni pprovduta minn impriża, b’mod partikolari meta mqabbla mal-kontribuzzjonijiet ta’ impriżi oħra, u hija ma tistax, f’dan il-kuntest, tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
95
Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, tal-inqas impliċitament, l-argument ibbażat fuq l-eżistenza ta’ trattament diskriminatorju. Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li, peress li ġie stabbilit li FLSmidth ma kinitx irrinunzjat milli tikkontesta l-fatti u lanqas ma pprovdiet għajnuna suffiċjenti lill-Kummissjoni, anki jekk jiġi preżunt li l-għajnuna fornita minn Bonar tiġi kkunsidrata komparabbli għal dik ta’ FLSmidth, dan l-argument huwa ineffettiv. Fil-fatt, impriża ma tistax, billi tipprevalixxi ruħha mill-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, tibbenefika minn vantaġġ li jkun ingħata illegalment lil terz.
96
Fir-rigward tal-kooperazzjoni pprovduta minn Bonar, din kienet iktar approfondita u din l-impriża ammettiet ċerti fatti fundamentali li ffaċilitaw, għall-Kummissjoni, il-kompitu li tipprova ċerti elementi fattwali tal-ksur inkwistjoni.
97
Fir-replika tagħha, FLSmidth issostni li dan l-aggravju huwa ammissibbli, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja hija f’pożizzjoni li tiddeċiedi fuq dan il-punt mingħajr il-bżonn li twettaq evalwazzjonijiet fattwali addizzjonali. Il-Kummissjoni, fil-kontroreplika tagħha, tikkontesta dan l-argument.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
98
Permezz tal-ħames aggravju tagħha, FLSmidth issostni, minn naħa, li hija ma kinitx ikkontestat il-materjalità tal-fatti kkonstatati mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, att li kien jiffaċilita, għall-Kummissjoni, il-kompitu li tipprova l-ksur inkwistjoni, u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti Ġenerali kellha tnaqqas b’10 % l-ammont li għal ħlas tiegħu hija nżammet responsabbli in solidum. Tal-inqas, is-sentenza appellata ma hijiex suffiċjentement immotivata fuq dan il-punt.
99
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar, qabel kollox, li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 97 tas-sentenza appellata, ikkonstatat li l-Kummissjoni qieset, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha, li din l-assenza ta’ kontestazzjoni tal-materjalità tal-fatti minn FLSmidth ma għenithiex sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali, fl-istess punt ta’ din is-sentenza ddeċidiet li din il-kumpannija ma ressqet l-ebda argument li jippermetti li jiġi stabbilit li l-kooperazzjoni tagħha ffaċilitat il-kompitu tal-Kummissjoni.
100
Sabiex tikkontesta din l-evalwazzjoni fattwali fl-istadju tal-appell, FLSmidth, skont ġurisprudenza stabbilita, kellha tinvoka żnaturament, mill-Qorti Ġenerali, tal-fatti u tal-provi, u dan naqset milli tagħmlu. Anki jekk jiġi preżunt li FLSmidth, permezz tal-argumenti tagħha, invokat impliċitament żnaturament tal-fatti u tal-provi mill-Qorti Ġenerali, li ma jidhirx madankollu li kien il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li dawn l-argumenti ma humiex ta’ natura li juru li l-Qorti Ġenerali wettqet żnaturament tal-fatti u tal-provi, b’tali mod li l-imsemmija argumenti għandhom ukoll jitqiesu bħala infondati.
101
Barra minn hekk, sa fejn dan l-aggravju huwa intiż sabiex isir stħarriġ, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-evalwazzjoni tal-fatti mwettqa mill-Qorti Ġenerali, dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.
102
Sussegwentement, fir-rigward tal-argument ta’ FLSmidth li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, jeħtieġ li jsir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 99 sa 101 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, sabiex l-aġir ta’ FLSmidth, minn naħa, ikun jista’ jitqabbel ma’ dak ta’ Bonar, min-naħa l-oħra, huwa neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti li ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, li ma hijiex fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta tkun adita b’appell, ħlief fil-każ ta’ żnaturament, mill-Qorti Ġenerali, tal-fatti u tal-provi. Issa, tali żnaturament la ġie invokat u lanqas muri minn FLSmidth. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.
103
Fl-aħħar, fir-rigward tan-nuqqas ta’ motivazzjoni invokata minn FLSmidth, mill-punt 97 tas-sentenza appellata jirriżulta b’mod ċar li l-Qorti Ġenerali, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni sabiex tevalwa l-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni pprovduta minn impriża, b’mod partikolari meta mqabbla mal-kontribuzzjonijiet ta’ impriżi oħra, qieset insuffiċjenti l-elementi mressqa minn FLSmidth quddiemha sabiex jiġi stabbilit li l-allegat nuqqas ta’ kontestazzjoni min-naħa tagħha tal-materjalità tal-fatti kien għen lil din l-istituzzjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C‑328/05 P, EU:C:2007:277, punt 88). Għalkemm huwa minnu li dan ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa fil-qosor ħafna, tali raġunament huwa madankollu suffiċjenti sabiex jippermetti lil FLSmidth tifhem ir-raġunijiet li abbażi tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument korrispondenti, imqajjem minn din tal-aħħar, u għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex twettaq l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Għaldaqstant ma jistax jiġi kkonstatat nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata. Konsegwentement, dan l-argument huwa infondat.
104
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġi miċħud ukoll il-ħames aggravju bħala inammissibbli u parzjalment infondat.
Fuq is-sitt aggravju, ibbażat fuq ksur tad-dritt li tingħata sentenza f’terminu raġonevoli
L-argumenti tal-partijiet
105
FLSmidth issostni li l-Qorti Ġenerali, billi ma tatx sentenza f’terminu raġonevoli, kisret l-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 6(1) tal-KEDB, u li hemm lok li dan il-ksur jiġi rrimedjat billi titnaqqas ir-responsabbiltà li ġiet imputata lilha.
106
FLSmidth tfakkar li, f’dan il-każ, it-tul tal-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-Qorti Ġenerali kien ta’ iktar minn sitt snin, peress li r-rikors għal annullament ġie ppreżentat fl-24 ta’ Frar 2006 u s-sentenza appellata ingħatat fis-6 ta’ Marzu 2012. Barra minn hekk, f’dan it-tul kien hemm perijodi twal ta’ inattività min-naħa tal-Qorti Ġenerali. FLSmidth ġiet informata fil-5 ta’ Marzu 2007 bil-fatt li l-proċedura bil-miktub ingħalqet, iżda s-seduta saret biss fit-22 ta’ Ġunju 2011, jiġifieri erba’ snin u nofs iktar tard. Barra minn hekk, wara din is-seduta, il-Qorti Ġenerali damet iktar minn tmien xhur sabiex tagħti s-sentenza tagħha.
107
FLSmidth tikkunsidra li terminu proċesswali daqstant twil ma jistax jiġi ġġustifikat. Il-Qorti Ġenerali, fit-13 ta’ Settembru 2010, kienet f’pożizzjoni li tagħti sentenza f’kawża kważi identika (sentenza Trioplast Industrier vs Il-Kummissjoni (EU:T:2010:388). Il-problemi possibbli ta’ assenjazzjoni tal-kawżi fi ħdan il-Qorti Ġenerali ma jistgħux ikunu ta’ preġudizzju għall-partijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, FLSmidth tqis li tnaqqis ta’ 50 % mir-responsabbiltà li ġiet imputata lilha jikkostitwixxi rimedju effettiv u raġonevoli għall-ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta.
108
Il-Kummissjoni tqajjem, fl-ewwel lok, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ dan l-aggravju. Fil-fatt, ir-rimedju adegwat għal proċedura li ħadet tul ta’ żmien eċċessiv quddiem il-Qorti Ġenerali jikkonsisti f’kawża għad-danni.
109
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkontesta l-fatt li ksur prima facie tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB jista’ jiġi stabbilit unikament b’kunsiderazzjoni tat-tul tal-proċedura.
110
Fit-tielet lok, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, it-tul tal-proċedura ġudizzjarja kien, skont il-Kummissjoni, raġonevoli. Kważi l-fatti kollha invokati insostenn tad-deċiżjoni kontenzjuża ġew ikkontestati waqt il-proċess u kellhom jiġu vverifikati. Barra minn hekk, mhux inqas minn ħmistax-il kumpannija ppreżentaw rikorsi għal annullament kontra din id-deċiżjoni, f’sitt lingwi tal-kawża differenti. Barra minn hekk, sa fejn numru minn dawn il-kawżi kienu jikkonċernaw kumpanniji parents u s-sussidjarji tagħhom, ittieħdu ċerti miżuri ta’ organizzazzjoni sabiex, sa fejn dan kien possibbli, dawn il-kawżi jiġu eżaminati u deċiżi flimkien.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
111
Kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza, fil-kuntest ta’ appell, li tistħarreġ jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx irregolaritajiet proċedurali li jippreġudikaw l-interessi tal-appellant (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Der Grüne Punkt — Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, C‑385/07 P, EU:C:2009:456, punt 176).
112
Fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta, invokat minn FLSmidth, għandu jitfakkar li skont it-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni “[k]ull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku f’terminu raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi”. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi, dan l-artikolu huwa marbut mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Der Grüne Punkt — Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 179 u l-ġurisprudenza ċċitata).
113
B’hekk, tali dritt, li l-eżistenza tiegħu kienet irrikonoxxuta qabel id-dħul fis-seħħ tal-Karta bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, japplika fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Der Grüne Punkt — Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, EU:C:2009:456, punt 178 u l-ġurisprudenza ċċitata).
114
Għandu jitfakkar ukoll li, skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-fatt li jkun inqabeż terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni, sa fejn jikkostitwixxi irregolarità proċedurali li tikkostitwixxi ksur ta’ dritt fundamentali, għandu jintitola lill-parti kkonċernata għal rimedju effettiv li permezz tiegħu tkun tista’ tikseb kumpens adegwat (ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tas-26 ta’ Ottubru 2000, Kudła vs Il-Polonja Recueil des arrêts et décisions 2000 XI, § 156 u 157).
115
Madankollu, hemm lok li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tippermetti, għas-sempliċi raġuni li ma kienx osservat terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni, lill-appellant jikkontesta l-ammont ta’ multa imposta fuqu meta jkunu ġew miċħuda l-aggravji kollha mressqa kontra l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-ammont ta’ din il-multa u tal-aġir issanzjonat minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni, C‑58/12 P, EU:C:2013:770, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).
116
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li ksur, minn qorti tal-Unjoni, tal-obbligu tagħha, li jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li tiddeċiedi l-kawżi mressqa quddiemha f’terminu raġonevoli, għandu jiġi ssanzjonat permezz ta’ rikors għad-danni ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali peress li tali rikors jikkostitwixxi rimedju effettiv. Minn dan isegwi li talba intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-danni kkawżati min-nuqqas ta’ osservanza, mill-Qorti Ġenerali, ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni ma tistax titressaq direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, iżda għandha titressaq quddiem il-Qorti Ġenerali nnifisha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni, C‑58/12 P, EU:C:2013:770, punti 83 u 84).
117
Għaldaqstant, hija l-Qorti Ġenerali, diversament ippreseduta minn dik li ħadet konjizzjoni tal-kawża li tat lok għall-proċedura li t-tul tagħha huwa kkritikat, li għandha tevalwa kemm il-materjalità tad-dannu invokat kif ukoll ir-rabta kawżali bejn dan id-dannu u t-tul eċċessiv tal-proċedura ġudizzjarja kontenzjuża billi teżamina l-provi prodotti għal dan il-għan (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni, EU:C:2013:770, punti 88 u 90).
118
B’dan premess, għandu jiġi kkonstatat li t-tul tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, li damet iktar minn sitt snin, ma jista’ jiġi ġġustifikat minn ebda waħda miċ-ċirkustanzi partikolari għall-kawża li tat lok għal din it-tilwima.
119
B’mod partikolari, jirriżulta li l-perijodu bejn it-tmiem tal-proċedura bil-miktub, bil-preżentata, fi Frar 2007, tal-kontroreplika tal-Kummissjoni, u l-ftuħ, matul Ġunju 2011, tal-proċedura orali, kien ta’ madwar erba’ snin u erba’ xhur. It-tul ta’ dan il-perijodu ma jistax jiġi spjegat miċ-ċirkustanzi tal-kawża, u dan la mill-kumplessità tat-tilwima, la mill-aġir tal-partijiet u lanqas mill-intervent ta’ kwistjonijiet proċedurali.
120
Fir-rigward tal-kumplessità tat-tilwima, mill-eżami tar-rikors ippreżentat minn FLSmidth, kif deskritt fil-qosor fil-punti 9 u 10 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li, għalkemm kienu jeħtieġu eżami ddettaljat, il-motivi invokati ma kinux jippreżentaw livell ta’ diffikultà partikolarment għoli. Għalkemm huwa minnu li ħmistax mid-destinatarji tad-deċiżjoni kontenzjuża ppreżentaw rikors għall-annullament tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, dan il-fatt ma setax iwaqqaf lill-Qorti Ġenerali milli tissintesizza l-proċess u milli tipprepara l-proċedura orali f’perijodu ta’ żmien iqsar minn erba’ snin u erba’ xhur.
121
Fir-rigward tal-aġir tal-partijiet, xejn mill-proċess ma jindika li FLSmidth ikkontribwixxiet, permezz tal-aġir tagħha, għal dewmien fl-ipproċessar tal-kawża.
122
Fl-aħħar, lanqas ma jirriżulta mill-proċess li l-proċedura ġiet interrotta jew irritardjata bl-okkorrenza ta’ inċidenti proċedurali li jistgħu jiġġustifikaw it-tul tagħha.
123
Fid-dawl tal-punti preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-proċedura segwita quddiem il-Qorti Ġenerali kisret it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta sa fejn ma osservatx ir-rekwiżiti marbuta mal-osservanza ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni, fatt li jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bergarderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C‑352/361 P, EU:C:2000:361, punt 42).
124
Madankollu, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 115 sa 117 ta’ din is-sentenza jirriżulta li s-sitt aggravju għandu jiġi miċħud.
125
Minn dan isegwi li, peress li ma ntlaqa’ l-ebda wieħed mill-aggravji invokati minn FLSmidth insostenn tal-appell tagħha, dan tal-aħħar għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
126
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.
127
Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn tal-aħħar, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni talbet li FLSmidth tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk tal-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1)
L-appell huwa miċħud.
2)
FLSmidth & Co. A/S hija kkundannata għall-ispejjeż.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
Full & Egal Universal Law Academy