24.3.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 89/13
Appell ippreżentat fit-13 ta’ Jannar 2012 minn Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials Co. Ltd mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tas-16 ta’ Diċembru 2011 fil-Kawża T-423/09, Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials vs Il-Kunsill
(Kawża C-15/12 P)
2012/C 89/21
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials Co. Ltd (rappreżentanti: J.-F. Bellis u R. Luff, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tiddikjara l-appell ammissibbli u fondat;
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Diċembru 2011, fil-Kawża T-423/09 Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials vs Il-Kunsill, u tiddeċiedi dwar il-kwistjoni li hija s-suġġett tal-kawża;
—
tilqa’ t-talbiet imressqa fl-ewwel istanza u, għalhekk, tannulla d-dazju antidumping impost fir-rigward tal-appellanti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 826/2009, tas-7 ta’ Settembru 2009, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1659/2005 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjoni ta’ ċerti briks tal-manjeżja li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (1), sa fejn id-dazju antidumping li jistabbilixxi jaqbeż dak li kien ikun applikabbli jekk dan kien ikun iddeterminat fuq il-bażi tal-metodu applikat matul l-investigazzjoni inizjali sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ rimbors tal-VAT Ċiniż għall-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku (2);
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tinvoka tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha, diretti kontra r-rifjut mill-Qorti Ġenerali tat-tieni motiv tagħha għal annullament ibbażat fuq ksur mill-Kunsill u mill-Kummissjoni tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku antidumping.
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali twettaq żball ta’ liġi sa fejn din tirrifjuta li tiddeċiedi l-kwistjoni dwar liema metodu ta’ paragun bejn il-prezz għall-esportazzjoni u l-valur normali kien ġie applikat fl-investigazzjoni inizjali u għalhekk ma setgħatx tikkonkludi validament li ma kienx hemm “tibdil ta’ metodu” fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku fil-proċedura ta’ reviżjoni. Fir-realtà, kien hemm bidla radikali fil-metodu ta’ paragun bejn l-investigazzjoni oriġinali, fejn il-paragun sar fuq bażi “mingħajr VAT”, u l-proċedura ta’ reviżjoni, fejn il-paragun sar fuq bażi bil-“VAT inkluż”. L-applikazzjoni ta’ dan l-aħħar metodu wassal għal marġini ta’ dumping ogħla minn dak li kien jirriżulta mill-applikazzjoni tal-metodu użat fl-investigazzjoni inizjali.
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali twettaq żball ta’ liġi sa fejn tikkunsidra li l-istituzzjonijiet huma marbuta li ma japplikawx iktar il-metodu ta’ paragun bejn il-prezz għall-esportazzjoni u l-valur normali applikat fl-investigazzjoni inizjali jekk dan iwassal għal aġġustament mhux awtorizzat mill-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament bażiku, b’tali mod li jiġu konfużi l-kunċetti ta’ “aġġustament” u ta’ “metodu ta’ paragun”.
Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali twettaq żball ta’ liġi sa fejn hija tikkonkludi li d-differenza fir-rata ta’ rimbors tal-VAT fuq l-esportazzjoni bejn il-perijodu kopert mill-investigazzjoni inizjali u dak kopert mill-proċedura ta’ reviżjoni tikkostitwixxi bidla fiċ-ċirkustanzi li tiġġustifika bidla fil-metodu meta ma pprovatx li din id-differenza kienet tirrendi inapplikabbli l-metodu ta’ paragun użat fl-investigazzjoni oriġinali. L-eċċezzjoni għal “tibdil taċ-ċirkustanzi” għandha tingħata interpretazzjoni stretta, il-motivazzjoni stabbilita fil-paragrafi 62 sa 64 tas-sentenza appellata ma jissodisfax dan ir-rekwiżit strett.
(1) ĠU L 240, p. 7.
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45).
Full & Egal Universal Law Academy