3.3.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 65/10
Appell ippreżentat fis-17 ta’ Jannar 2012 minn Gino Trevisanato mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fit-13 ta’ Diċembru 2011 fil-Kawża T-510/11, Gino Trevisanato vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-25/12 P)
2012/C 65/20
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellant: Gino Trevisanato (rappreżentant: L. Sulfaro, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellant
—
annullament tas-sentenza, mogħtija fit- 13 ta’ Diċembru 2011, mis-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-510/11, li biha ġiet iddikjarat l-ammissibiltà u l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali biex tiddeċiedi fuq it-talbiet tar-rikors għal nuqqas ta’ azzjoni, ippreżentat fid-29 ta’ Settembru 2011 mill-appellant kontra l-Kummissjoni Europea taħt it-tielet paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE;
—
bħala konsegwenza tal-fatt li tilqa’ dawn it-talbiet, primarjament, tiddeċiedi fuq il-mertu tal-appell u tiddelibera skont il-prassi dwar il-kumpens jew, sussidjarjament, tibgħat lura r-rikors lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi kif xieraq.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka tliet aggravji.
L-appellant isostni, qabel xejn, li d-digriet huwa vizzjat bi żball ta’ fatt deċiżiv minħabba komprensjoni żbaljata ta’ dak mitlub mill-parti. Huwa ma talabx, fil-fatt, lill-Qorti Ġenerali tikkonstata n-nuqqas illegali tal-Kummissjoni li tieħu pożizzjoni, permezz ta’ opinjoni motivata taħt l-Artikolu 258 TFUE, dwar it-traspożizzjoni inadegwata tad-Direttiva 98/59/KE (1) dwar redundancies kollettivi fil-qafas legali Taljan, kif jassumi d-digriet. Huwa talab, minflok, lill-Qorti Ġenerali tikkonstata n-nuqqas ta’ azzjoni kontra l-liġi tal-Kummissjoni, li hija kompetenti biex tiddefinixxi u tikkomunika lill-appellant is-sitwazzjoni legalment vinkolanti fuq il-kwistjoni li, wara 4 snin mill-ilment, reġgħet intbagħtet fil-11 ta’ Lulju 2011 fid-dawl tad-dritt jew le tad-impjegati diretturi fl-Italja li jgawdu l-protezzjoni tad-Direttiva 98/59/KE dwar ir-redundancies kollettivi, liema dritt ġie miċħud mill-ġudikatura Taljana lill-appellant, li huwa vittma ta’ dan it-tip ta’ redundancy mwettaq mill-IBM fl-Italja.
Il-Qorti Ġenerali allegatament żbaljat, imbagħad, meta ddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni meta bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza li tirriżulta mid-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ottubru 1995, Kawżi Magħquda C-199/94 P u C- 200/94 P, Pevasa u Inpesca. Din il-giurisprudenza ma hijiex rilevanti għal din il-kawża, peress li tirrgwarda sitwazzjoni li hija sostanzjalment differenti minn dik li fuqha huwa bbażat l-imsemmi digriet.
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali allegatament kisret ir-Regoli tal-Proċedura tagħha u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, billi naqset li tinnotifika l-appell lill-kontroparti, u li tippubblika, fil-Ġurnal Uffiċjali, sunt tal-appell, kif ukoll li ma kkonsultatx lill-Avukat Ġenerali.
(1) ĠU L 225, 12.8.1998, p. 16
Full & Egal Universal Law Academy