24.3.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 89/17
Appell ippreżentat fis-27 ta’ Jannar 2012 minn Gascogne Sack Deutschland GmbH, li kienet Sachsa Verpackung GmbH kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tas-16 ta’ Novembru 2011 fil-Kawża T-79/06, Sachsa Verpackung vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-40/12 P)
2012/C 89/27
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Gascogne Sack Deutschland GmbH, li kienet Sachsa Verpackung GmbH (rappreżentanti: F. Puel u L. François-Martin, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011 mogħtija mir-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża T-79/06 […] u tibgħatha lura quddiem il-Qorti Ġenerali biex tiddeċiedi skont l-ordnijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, inklużi l-konsegwenzi finanzjarji għall-appellanti, mill-iskadenza taż-żmien lil hinn mit-terminu raġonevoli;
—
tnaqqas l-ammont tas-sanzjoni biex tieħu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi finanzjarji għall-appellanti mill-iskadenza taż-żmien lil hinn mit-terminu raġonevoli.
—
tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tinvoka erba’ aggravji insostenn tal-appell tagħha.
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tirrileva li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma nisslitx il-konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Diċembru 2009, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari tal-Artikolu 6 tiegħu, li jagħti lill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea l-istess valur ġuridiku bħal dak tat-trattati.
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ma motivatx biżżejjed id-deċiżjoni tagħha fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (1) u tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 (2).
Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti tirrileva li l-Qorti Ġenereali ma eżerċitatx l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha u ma stħarrġitx biżżejjed il-motivazzjoni u r-raġunament tal-Kummissjoni fir-rigward tal-impatt tal-prassi fuq is-suq.
Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti tinvoka, sussidjarjament, in-nuqqas ta’ osservanza mill-Qorti Ġenerali tal-proċedura, u b’hekk kisret il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli stabbilit bl-Artikolu 6 tal-ECHR u bil-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Dan l-aggravju jwassal lill-appellanti biex titlob, prinċipalment, l-annullament tas-sentenza deċiża u, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-ammont tas-sanzjoni biex jieħu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi finanzjarji, għall-appellanti, mill-iskadenza taż-żmien lil hinn mit-terminu raġonevoli.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE]u 82 [KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).
(2) Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, L-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3)
Full & Egal Universal Law Academy