17.3.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 80/13
Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Jannar 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja
(Kawża C-48/12)
2012/C 80/19
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P. Hetsch, S. Petrova u K. Herrmann, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Polonja
Talbiet
—
tikkonstata li, peress li naqset milli tadotta l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (1) u, fi kwalunkwe każ, naqset milli tinforma lill-Kummissjoni b’dawn id-dispożizzjonijiet, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 33(1) ta’ din id-direttiva;
—
tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja, b’mod konformi mal-Artikolu 260(3) TFUE, għall-ħlas ta’ penalità bir-rata ta’ EUR 71 521,38 għal kull jum, dekorribbli mid-data tal-pubblikazzjoni tas-sentenza f’din il-kawża, għan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/50/KE;
—
tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2008/50/KE (iktar ’il quddiem: id-“Direttiva CAFE”).
Id-Direttiva CAFE tikkostitwixxi l-istrument legali prinċipali fil-livell tal-UE fir-rigward tat-tniġġis tal-arja, u għandha għalhekk l-għan li tipproteġi l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem. Hija tipprovdi, inter alia, ir-regoli ta’ valutazzjoni u ta’ kejl, kif ukoll il-miri tat-tnaqqis tal-konċentrazzjoni fl-arja tal-partikuli, li huma s-sustanzi fl-arja l-iktar ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem. Hija tobbliga lill-Istati Membri jillimitaw il-konċentrazzjoni tal-espożizzjoni għall-PM 2.5 għal 20 mikrogrammi/m3 fis-sena 2015. Barra minn hekk, hija tindika l-mira għall-PM 2.5 ta’ 25 mikrogrammi/m3, li għandha tintlaħaq fl-1 ta’ Jannar 2010. Hija tesiġi wkoll mill-Istati Membri li jilħqu l-valur limitu għall-PM 2.5 ta’ 25 mikrogrammi/m3 fis-sena 2015 (fażi 1), filwaqt li dan għandu jkun fil-livell ta’ 20 mikrogrammi/m3 matul il-fażi 2 (sal-2020). Barra minn hekk, id-Direttiva CAFE tobbliga lill-Istati Membri li jrendu aċċessibbli għall-pubbliku l-informazzjoni dwar il-kwalità tal-arja u dwar il-miżuri l-oħra meħuda fuq il-bażi tagħha (Artikolu 26 et seq).
Skont l-Artikolu 33(1) tad-Direttiva CAFE, ir-Repubblika tal-Polonja kellha tadotta u timplementa l-leġiżlazzjoni nazzjonali neċessarja sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva qabel il-11 ta’ Ġunju 2010.
Ir-Repubblika tal-Polonja ma daħħlitx fl-ordinament ġuridiku Pollakk u ma implementatx id-dispożizzjonijiet neċessarji kollha. Ir-redazzjoni tal-linji gwida fl-abbozz ta’ liġi li temenda — liġi dwar il-protezzjoni tal-ambjent u atti legali oħra — mill-Ministeru tal-Ambjent ma tippermettix l-adempiment tal-obbligu taħt l-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2008/50/KE.
Il-Kummissjoni ġiet informata mill-awtoritajiet Pollakki biss b’implementazzjoni parzjali tal-Artikoli 6(1) u 23 tad-Direttiva CAFE permezz tal-Artikoli 13 u 15 tal-Liġi tas-17 ta’ Lulju 2009 dwar is-sistema ta’ ġestjoni tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett serra u sustanzi oħra, permezz ta’ sistema ta’ ġestjoni tal-emissjonijiet tad-dijossidu tal-kubrit (SO2) u tal-ossidi tan-nitroġenu (NO) u l-obbligu li jsir pjan nazzonjali ta’ tnaqqis.
(1) ĠU L 152, p. 1.
Full & Egal Universal Law Academy