21.4.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 118/11
Appell ippreżentat fit-3 ta’ Frar 2012 minn European Federation of Ink and Ink Cartridge Manufacturers (EFIM) kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tal-24 ta’ Novembru 2011 fil-Kawża T-296/09, European Federation of Ink and Ink Cartridge Manufacturers (EFIM) vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-56/12 P)
2012/C 118/18
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: European Federation of Ink and Ink Cartridge Manufacturers (EFIM) (rappreżentant: D. Ehle, avukat)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Lexmark International Technology SA
Talbiet tal-appellant
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha,
(1)
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Novembru 2011 fil-Kawża T-296/09 fl-intier tagħha u tiddeċiedi hija stess it-tilwima li wasslet għal din is-sentenza;
(2)
tilqa’ t-talbiet ippreżentati fl-ewwel istanza u, konsegwentement, tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 4125, tal-20 ta’ Mejju 2009, fi proċedura ibbażata fuq l-Artikolu 82 KE (Artikolu 102 TFUE);
(3)
tikkundanna lill-Kummissjoni u lil Lexmark International Technology SA għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tressaq ħames aggravji kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Novembru 2011. Dawn l-aggravji huma marbuta mal-iżball ta’ liġi mwettaq, fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Mejju 2009, mill-fatt taċ-ċaħda tal-eżistenza ta’ interess tal-Unjoni u tal-prijorità ta’ proċedura ta’ investigazzjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni.
L-ewwel nett, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, sa fejn, skont hija, kien ftit probabbli li jkun possibbli li tiġi prodotta l-prova ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva u individwali tal-produtturi ta’ ink jet printers fir-rigward tas-swieq sekondarji tagħhom għall-cartridges tal-linka u għal-linka.
It-tieni nett, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet il-probabbiltà tal-prova ta’ pożizzjoni dominanti tal-prodotturi tal-linka fis-swieq tagħhom ta’ cartridges tal-linka.
It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali, skont il-appellanti, wettqet żball ta’ liġi manifest meta evalwat l-importanza tal-kriterju ta’ prijorità bħala determinanti għad-deċiżjoni dwar il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni. L-appellanti ssostni li, sussegwentement għal dan, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta naqset milli tikkonstata li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha fir-rigward tal-kriterju ta’ evalwazzjoni tal-importanza, tal-gravità u tal-kontinwazzjoni tal-ksur.
Ir-raba’ nett, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali, matul l-analiżi ġuridika tad-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni mill-perspettiva ta’ użu żbaljat tas-setgħa diskrezzjonali, wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tannulla d-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni, filwaqt li, mingħajr motivazzjoni, ċaħdet il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni billi bbażat fuq il-kumplessità u n-natura sproporzjonatata tar-riżorsi neċessarji.
Fl-aħħar lok, l-appellanti ssostni li s-sentenza tikser il-komunikazzjoni tas-27 ta’ April 2004 dwar il-kompetenza fil-qasam ta’ proċeduri sussegwentement għal ilmenti fil-qasam tal-kompetizzjoni u tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, peress li din tikkostitwixxi parti mill-evalwazzjoni tal-interess tal-Unjoni, kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni flimkien, bħala konsegwenza, man-nuqqas ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni, filwaqt li, fl-evalwazzjoni tal-interess tal-Unjoni, il-Kummissjoni tikkontradixxi ruħha fir-rigward tal-komunikazzjoni tagħha tas-27 ta’ April 2004 u ma tiġġustifikax l-eżistenza ta’ protezzjoni suffiċjenti mill-qrati nazzjonali.
Full & Egal Universal Law Academy