21.4.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 118/14
Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Frar 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-63/12)
2012/C 118/22
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Currall, J.-P. Keppenne u D. Martin, aġenti)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/866/UE, tad-19 ta’ Diċembru 2011, li tikkonċerna l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill li jaġġusta, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2011, ir-rimunerazzjoni u l-pensjoni tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea u l-koeffiċjenti korrettivi li japplikaw għalihom (1);
—
tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni Ewropea tressaq żewġ ilmenti li jikkonċernaw l-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal.
L-ewwel ilment jikkonċerna r-rifjut tal-Kunsill li jadotta l-aġġustament tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal l-oħra, kif propost mill-Kummissjoni fl-24 ta’ Novembru 2011, bi ksur tal-metodu li jirregola dan l-aġġustament matul il-perijodu ta’ tmien snin li jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2012. B’dan l-ilment, il-Kummissjoni Ewropea tinvoka motiv prinċipali, li joħroġ minn użu ħażin tal-poter u minn ksur tal-limiti ta’ kompetenza tal-Kunsill, u wkoll motiv sussidjarju, ibbażat fuq ksur tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-motiv prinċipali jikkonċerna l-fatt li, fir-realtà, il-Kunsill applika l-Artikolu 10 huwa stess, iżda bi ksur tal-kundizzjonijet istituzzjonali meħtieġa; il-Kunsill kiser b’hekk, minn naħa, l-Artikolu 65 tar-Regolamenti tal-Persunal u, min-naħa l-oħra, l-Artikoli 3 u 10 tal-Anness XI. Permezz tal-motiv sussidjarju, il-Kummissjoni tiddikjara li, fi kwalunkwe ipoteżi, ir-rekwiżiti sostantivi meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Artikolu 10 ma kinux sodisfatti fl-2011, kif jirriżulta wkoll minn żewġ rapporti ekonomiċi li ppreżentat lill-Kunsill fuq talba ta’ dan tal-aħħar. Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li l-Kunsill naqas milli jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu b’mod korrett.
It-tieni lment jikkonċerna ċ-ċaħda tal-Kunsill li jaddatta l-koeffiċjenti korrettivi, li għandhom jaffettwaw dawn ir-remunerazzjonijiet u l-pensjonijiet, skont id-diversi postijiet tax-xogħol jew ta’ residenza tal-persuni kkonċernati. Skont l-ewwel motiv f’dan l-ilment, din iċ-ċaħda tikser l-Artikolu 64 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll l-Artikoli 1 u 3 tal-Anness XI tal-istess Regolamenti. Permezz tat-tieni motiv, il-Kummissjoni tiddikjara kif din iċ-ċaħda hija nieqsa minn kull motivazzjoni, u dan bi ksur tal-Artikolu 296(2) TFUE.
(1) ĠU L 341, p. 54.
Full & Egal Universal Law Academy