21.4.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 118/14
Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Frar 2012 — Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-66/12)
2012/C 118/23
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Bauer u J. Herrmann, aġenti)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
prinċipalment, tannulla, skont l-Artikolu 263 TFUE, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2011) 829 finali, tal-24 ta’ Novembru 2011, sa fejn hija tirrifjuta b’mod definittiv li tissottometti proposti xierqa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal u tannulla wkoll, skont l-Artikolu 263 TFUE, il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Kunsill li jaġġusta, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2011, ir-remunerazzjonijiet u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u tal-membri l-oħra tal-persunal tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni li jaffettwaw dawn ir-remunerazzjonijiet u dawn il-pensjonijiet, u
—
sussidjarjament, tikkonstata, skont l-Artikolu 265 TFUE, ksur tat-trattati peress li l-konvenuta naqset milli tissottometti proposti xierqa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tal-ewwel kap tar-rikors intiż għall-annullament tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Novembru 2011, il-Kunsill jinvoka motiv wieħed ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri flimkien mat-tieni sentenza tal-Artikolu 13(2) TUE u l-Artikolu 241 TFUE. Il-Kunsill isostni li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li ma hemm l-ebda deterjorament serju u bla mistenni tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fi ħdan l-Unjoni hija vvizzjata minn diversi żbalji: il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-data oġġettiva kollha disponibbli u rilevanti u kkwalkifikat b’mod żbaljat xi data li fuqha hija bbażat l-analiżi tagħha. Peress li, skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Novembru 2010 fil-Kawża C-40/10 (punt 79), “l-eżerċizzju tal-kompetenza mogħtija lill-Kummissjoni mill-[Artikolu 10 tal-Anness XI] ma jikkostitwixxix sempliċi fakultà għal din l-istituzzjoni”, dawn l-iżbalji fil-kwalifika ġuridika tal-fatti, li għandhom in-natura ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, ivvizzjaw b’illegalità r-rifjut tal- Kummissjoni li tissottometti proposti xierqa fuq din il-bażi. Permezz ta’ dan ir-rifjut, il-Kummissjoni kisret ukoll id-dmir tagħha ta’ kooperazzjoni leali (Artikolu 13(2) TUE).
It-tieni kap tar-rikors huwa intiż għall-annullament tal-abbozz ta’ regolament li jaġġusta r-remunerazzjonijiet u l-pensjonijiet tal-uffiċjali skont il-“metodu normali” stabbilit mill-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-Kunsill isostni li din il-proposta tikkostitwixxi att li jipproduċi effetti ġuridiċi, minħabba l-fatt li skont il-punt 71 tas-sentenza iċċitata iktar ’il fuq fil-Kawża C-40/10, “il-Kunsill ma jistax, fil-kuntest tal-imsemmi Artikolu 3, jibbenefika minn setgħa diskrezzjonali li tmur lil hinn mill-kriterji ddeterminati f’dan l-aħħar artikolu”. Meta għażlet li tissottometti proposta bbażata fuq l-applikazzjoni tal-“metodu normali” minflok proposta abbażi tal-klawżola ta’ eċċezzjoni li tinsab fl-Artikolu 10 tal-Anness XI, il-Kummissjoni ċaħdet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mill-possibbiltà li jeżerċitaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom rigward il-kriterji ta’ din il-klawżola ta’ eċċezzjoni. Din l-għażla hija vvizzjata mill-istess żbalji bħall-konklużjoni tal-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tal-24 ta’ Novembru 2011 li tgħid li ma hemmx deterjorament serju u bla mistenni fis-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fi ħdan l-Unjoni. Barra minn hekk, il-Kunsill isostni li meta ssottometta l-proposta għall-aġġustament tar-remunerazzjonijiet skont il-“metodu normali”, il-Kummissjoni kisret ukoll l-obbligu tagħha ta’ kooperazzjoni leali (Artikolu 13(2) TUE).
Finalment, il-Kunsill isostni, sussidjarjament, li, jekk il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Novembru 2011 ma għandhiex titqies mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE, il-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li jirriżulta mill-Artikolu 241 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-40/10, iċċitata iktar ’il fuq (punt 79), sabiex tissottometti proposta fuq din il-bażi.
Full & Egal Universal Law Academy