9.6.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 165/8
Appell ippreżentat fl-10 ta’ Frar 2012 minn Quinn Barlo Ltd, Quinn Plastics NV u Quinn Plastics GmbH kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat-30 ta’ Novembru 2011 fil-Kawża T-208/06, Quinn Barlo Ltd, Quinn Plastics NV u Quinn Plastics GmbH vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-70/12 P)
2012/C 165/14
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Quinn Barlo Ltd, Quinn Plastics NV, Quinn Plastics GmbH (rappreżentanti: F. Wijckmans, avukat u M. Visser, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
prinċipalment, tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali sa fejn tikkonstata li l-appellanti kisru l-Artikolu 101 TFUE u sa fejn tonqos milli tannulla, minħabba f’hekk, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni sa fejn jikkonċerna lill-appellanti,
—
sussidjarjament, tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali sa fejn, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, hija naqqset biss b’10 % l-ammont inizzjali tal-multa u ma annullatx il-parti tad-deċiżjoni li tinkludi fil-kalkolu tal-multa żieda minħabba t-tul tal-ksur,
—
sussidjarjament, tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali sa fejn din ma tannullax il-parti tad-deċiżjoni li tillimita għal 25 % it-tnaqqis tal-ammont bażiku minħabba trattament differenti u tiffissa, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, perċentwali iktar għoli li jirrifletti n-nuqqas ta’ responsabbiltà tal-appellanti għall-akkordju sa fejn jestendi għal komponenti tal-forom magħmula mill-PMMA u l-folji f’tagħmir sanitarju magħmula mill-PMMA, billi tiggarantixxi hekk li tali tnaqqis ikbar, ikun konformi mall-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità,
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura.
Aggravji u argumenti prinċipali
Quinn Barlo Ltd, Quinn Plastics NV u Quinn Plastics GmbH jitolbu l-annullament, kif speċifikat fl-appell tagħhom, tas-sentenza mogħtija fit-30 ta’ Novembru 2011 mill-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-208/06, Quinn Barlo Ltd, Quinn Plastics NV u Quinn Plastics GmbH vs Il-Kummissjoni Ewropea. Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali hija dwar allegat akkordju li jikkonsisti f’għadd ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma antikompetittivi fis-settur tal-metakrilati [Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 2098 finali, tal-31 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.645 — Metakrilati)]. Is-sentenza tikkonstata li Quinn Barlo Ltd, Quinn Platics NV u Quinn Plastics GmbH kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) billi pparteċipaw f’għadd ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma dwar folji solidi tal-polimetakrilit tal-metil u żżomm lil dawn il-kumpanniji responsabbli għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju minn April 1998 sal-aħħar ta’ Ottubru 1998 u mill-24 ta’ Frar 2000 sal-21 ta’ Awwissu 2000.
Quinn Barlo Ltd, Quinn Plastics NV u Quinn Plastics GmbH jinvokaw tliet aggravji insostenn tal-appell tagħhom.
L-ewwel aggravju, ippreżentat prinċiplament, huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat id-dritt tal-Unjoni billi sabet ksur tal-Artikolu 101 TFUE u/jew wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 (1). Il-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali t-tnejn li huma adottaw il-pożizzjoni legali li tgħid li ksur tal-Artikolu 101 TFUE kien ġie stabbilit skont kif meħtieġ mil-liġi billi ġie applikat kriterju legali li jikkonsisti (i) fil-prova tal-preżenza tal-appellanti għall-erbgħa laqgħat u (ii) fin-nuqqas ta’ prova ta’ disassoċjazzjoni pubblika tal-appellanti mill-kontenut ta’ dawn il-laqgħat. B’hekk, il-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali t-tnejn li huma naqsu milli jiħdu inkunsiderazzjoni kunsiderazzjonijiet oġġettivi u mhux ikkontestati li juru li dan il-kriterju legali ma kienx adattat u, fi kwalunkwe każ, kien insuffiċjenti sabiex jippermetti li jiġi kkonstatat li l-appellanti kienu kisru l-Artikolu 101 TFUE. Konsegwentement, billi bbażaw ruħhom fuq dan il-kriterju, il-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali naqsu milli josservaw l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 u ma stabbilewx kif meħtieġ mil-liġi l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE.
It-tieni aggravju huwa magħmul minn żewġ partijiet. L-ewwel parti tat-tieni aggravju, ippreżentat sussidjarjament, tikkritika l-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma osservatx il-prinċipju ġenerali ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza meta biddlet l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tat-tul tal-allegat ksur. Abbażi tal-preżunzjoni ġenerali ta’ innoċenza, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx testendi t-tul tal-ewwel perijodu ta’ allegata parteċipazzjoni lil hinn mid-data tat-tieni laqgħa. It-tieni parti tat-tieni aggravju, ippreżentat sussidjarjament, hija bbażata fuq il-fatt li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li żżid, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, l-ammont inizjali b’10 % jikkostitwixxi żball ta’ liġi, peress li tali deċiżjoni ma tosservax il-prinċipji ġenerali ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ trattament ugwali. Fil-kuntest taż-żewġ partijiet tat-tieni aggravju, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003.
It-tielet motiv, ippreżentat sussidjarjament, huwa bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta kkonfermat it-tnaqqis ta’ 25 % tal-ammont bażiku u ma applikatx tnaqqis addizzjonali. B’hekk, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).
Full & Egal Universal Law Academy