5.5.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 133/17
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Ġermanja) fis-17 ta’ Frar 2012 — Rahmanian Koushkaki vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
(Kawża C-84/12)
2012/C 133/31
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Verwaltungsgericht Berlin
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Rahmanian Koushkaki
Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
Domandi preliminari
(1)
L-obbligu impost mill-qorti fuq il-konvenuta sabiex toħroġ viża Schengen lir-rikorrent huwa suġġett għall-kundizzjoni li, sabiex tasal għall-konvinzjoni prevista fl-Artikolu 21(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi (1), din il-qorti għandha tikkonstata li r-rikorrent beħsiebu jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel l-iskadenza tal-viża li għaliha qiegħda ssir applikazzjoni jew inkella huwa biżżejjed li, wara l-eżami previst fl-Artikolu 32(1)(b) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, il-qorti ma jkollhiex, minħabba ċirkustanzi partikolari, dubju raġonevoli dwar l-intenzjoni espressa tar-rikorrent li jitlaq mit-territrorju tal-Istati Membri qabel l-iskadenza tal-viża li għaliha qiegħda ssir applikazzjoni?
(2)
Il-Kodiċi dwar il-Viżi jagħti dritt, li jirriżulta minn kompetenza limitata, għall-ħruġ ta’ viża Schengen meta l-kundizzjonijiet ta’ dħul, b’mod partikolari dawk imsemmija fl-Artikolu 21(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, ikunu sodisfatti u meta ma jkunx hemm raġuni għaċ-ċaħda tal-viża taħt l-Artikolu 32(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi?
(3)
Il-Kodiċi dwar il-Viżi jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li persuna barranija tista’ tinħarġilha, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 810/2009, viża għat-tranżitu jew għas-soġġorni previsti fit-territorju tal-Istati Schengen għal tul ta’ żmien li jista’ jkun sa tliet xhur f’terminu ta’ sitt xhur li jiddekorri mill-jum tal-ewwel dħul (viża Schengen)?
(1) Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, p. 1)
Full & Egal Universal Law Academy