28.4.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 126/7
Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Frar 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja
(Kawża C-90/12)
2012/C 126/15
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: K. Simonsson u M. Owsiany-Hornung, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Polonja
Talbiet
—
tiddeċiedi li, billi ma adottatx il-miżuri xierqa neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament (KE) Nru 847/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar in-negozjati u l-implimentazzjoni tal-ftehimijiet dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (1), u fi kwalunkwe każ billi ma nfurmatx lill-Kummissjoni b’tali miżuri, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-artikoli msemmija tad-direttiva;
—
tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 847/2004 jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw “d-distribuzzjoni tad-drittijiet għat-traffiku fost it-trasportaturi bl-ajru [tal-Unjoni Ewropea] eliġibbli fuq il-bażi ta’ proċedura mhux diskriminatorja u trasparenti”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament, l-Istati Membri huma obbligati li jinformaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar il-proċeduri għall-finijiet tal-Artikolu 5. Il-Kummissjoni tippubblika dawn il-proċeduri fil-Ġurnal Uffiċjali. It-twettiq tal-proċeduri msemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet jiddependi mill-adozzjoni ta’ regolament xieraq ta’ implementazzjoni mill-ministru responsabbli għall-affarijiet tat-trasport. Dan ir-regolament kien għadu ma ġiex adottat meta ġie ppreżentat dan ir-rikors u fi kwalunkwe każ l-awtoritajiet Pollakki ma kinux infurmaw lill-Kummissjoni f’dan ir-rigward. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni assumiet li t-twettiq tal-proċeduri previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 847/2004 u n-notifika xierqa tal-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 6 tar-Regolament ma humiex possibbli, minħabba n-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet xierqa fil-liġi Pollakka.
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 193.
Full & Egal Universal Law Academy