2.6.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 157/2
Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Frar 2012 — Il-Parlament Ewropew vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-103/12)
2012/C 157/02
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Il-Parlament Ewropew (rappreżentanti: L.G. Knudsen, I. Díez Parra u I. Liukkonen, aġenti)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrent
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/19/UE (1), tas-16 ta’ Diċembru 2011, dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tad-Dikjarazzjoni dwar l-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE lil bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklussiva ’l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża;
—
tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Peremezz tar-rikors tiegħu, il-Parlament Ewropew jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/19/UE, tas-16 ta’ Diċembru 2011, dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tad-Dikjarazzjoni dwar l-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE lil bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklussiva ’l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża. Il-Parlament jikkontesta l-bażi legali li ntgħażlet. Huwa jsostni, prinċipalment, li l-Artikolu 43(3), flimkien mal-Artikolu 218(6)(b) TFUE, ma jistax ikun il-bażi legali korretta, peress li l-att inkwistjoni huwa ekwiparabbli għal ftehim internazzjonali dwar l-aċċess għall-ilmijiet tal-Unjoni għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ sajd ta’ Stat terz. Għaldaqstant, l-att kellu jiġi adottat fuq il-bażi tal-Artikoli 43(2), u 218(6)(a) TFUE u għalhekk wara l-approvazzjoni tal-Parlament.
Sussidjarjament, il-Parlament huwa tal-fehma li l-Kunsill, li għamel użu mill-proċedura prevista fl-Artikolu 218(6)(a) TFUE, ta interpretazzjoni żbaljata tal-punt (a) tal-istess paragrafu. Anki jekk jitqies li l-Artikolu 43(3) TFUE jista’ jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa għal att intern tal-Unjoni li għandu l-istess kontenut bħad-deċiżjoni kkontestata, dak li l-Parlament qed jikkontesta, xorta jibqa’ l-fatt li l-politika komuni tas-sajd tikkostitwixxi, għall-finijiet tal-konklużjoni ta’ impenji internazzjonali tal-UE, totalità inseparabbli fid-dawl tal-proċedura. Għalhekk, kull ftehim li jikkonċerna dan il-qasam huwa “ftehim li jkopri l-oqsma li għalihom tapplika l-proċedura leġislattiva ordinarja” skont l-Artikolu 218(6)(a) TFUE. Għalhekk, l-att, fi kwalunkwe każ, kellu jiġi adottat skont il-proċedura ta’ approvazzjoni, prevista mill-imsemmi punt (a).
(1) ĠU L 6, 10.1.2012, p. 8.
Full & Egal Universal Law Academy