2.6.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 157/2
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kúria (l-Ungerija) fl-1 ta’ Marzu 2012 — Franklin Templeton Investment Funds Société d’Investissement à Capital Variable vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Kiemelt Ügyek és Adózók Adó Főigazgatósága
(Kawża C-112/12)
2012/C 157/03
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Qorti tar-rinviju
Kúria
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Franklin Templeton Investment Funds Société d’Investissement à Capital Variable
Konvenuta: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Kiemelt Ügyek és Adózók Adó Főigazgatósága
Domandi preliminari
(1)
L-eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dividendi mogħtija mil-leġiżlazzjoni nazzjonali lill-benefiċjarju residenti ta’ dividendi hija konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati tal-UE dwar il-prinċipju ta’ libertà ta’ stabbiliment (Artikolu 49 TFUE), dwar il-prinċipju ta’ trattament ugwali (Artikolu 54 TFUE) u dwar il-prinċipju ta’ moviment liberu tal-kapital (Artikolu 56 TFUE [sic.]) meta
(a)
il-benefiċjarju mhux residenti ta’ dividendi jkun eżentat mit-taxxa fuq id-dividendi biss meta jissodisfa kundizzjonijiet legali partikolari, jiġifieri meta l-benefiċjarju msemmi jkollu, fil-mument tal-ħlas (distribuzzjoni), sehem mingħajr waqfien (fil-każ ta’ azzjonijiet, permezz ta’ azzjonijiet nominattivi) ta’ mill-inqas 20 % matul mill-inqas sentejn fil-kapital azzjonarju tal-kumpannija residenti li tiddistribwixxi d-dividendi, fid-dawl tal-fatt li, fil-każ li s-sehem ta’ mill-inqas 20 % jkun eżista b’mod mingħajr waqfien għal inqas minn sentejn, il-kumpannija li tiddistribwixxi d-dividendi ma hijiex meħtieġa timplementa taxxa fuq id-dividenti, u l-benefiċjarju tad-dividendi jew, meta d-distribuzzjoni ma ssirx f’termini ta’ flus, il-kumpannija li tiddistribwixxi d-dividendi, ma humiex meħtieġa li jħallsu t-taxxa msemmija meta jippreżentaw id-dikjarazzjoni tat-taxxa tagħhom jekk persuna oħra jew il-kumpannija li tiddistribwixxi d-dividendi jagħmluha ta’ garanti għall-ħlas tat-taxxa msemmija;
(b)
u f’ċirkustanzi fejn il-benefiċjarju mhux residenti ta’ dividendi ma jissodisfax il-kundizzjonijiet li għalihom il-leġiżlazzjoni nazzjonali f’dan il-qasam tissuġġetta l-eżenzjoni, jew minħabba li s-sehem tiegħu fil-kapital azzjonarju tal-kumpannija residenti (fil-każ ta’ azzjonijiet, permezz ta’ azzjonijiet nominattivi) ma jkunx jilħaq, fil-mument tal-ħlas (distribuzzjoni) l-20 % meħtieġa mil-liġi, jew minħabba li s-sehem imsemmi ta’ mill-inqas 20 % għal mill-inqas sentejn ma kienx wieħed mingħajr waqfien, jew inkella, fil-każ li s-sehem ta’ mill-inqas 20 % eżista b’mod mingħajr waqfien għal inqas minn sentejn, jekk persuna oħra jew il-kumpannija li tiddistribwixxi d-dividendi ma jkunux għamluh ta’ granti għall-ħlas tat-taxxa[?]
(2)
Ir-risposta għad-domanda 1(b) għandha tkun differenti fiċ-ċirkustanzi segwenti; fi kliem ieħor, iċ-ċirkustanzi segwenti għandhom impatt fuq ir-risposta għad-domanda msemmija u, jekk għandhom tali impatt, x’inhi l-portata tiegħu?
(a)
Filwaqt li l-benefiċjaru residenti ta’ dividendi huwa eżentat mit-taxxa fuq id-dividendi skont il-leġiżlazzjoni Ungeriża, l-oneru fiskali fuq il-benefiċjarju mhux residenti ta’ dividendi jiddependi mill-kwistjoni ta’ jekk dan tal-aħħar jaqax taħt id-Direttiva [tal-Kunsill 90/435/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti] jew taħt il-Ftehim [bejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Repubblika tal-Ungerija dwar ħelsien minn taxxa doppja fuq id-dħul u fuq il-patrimonju, iffirmata f’Budapest fil-15 ta’ Jannar 1990].
(b)
Filwaqt li l-benefiċjarju residenti ta’ dividendi huwa eżentat mit-taxxa fuq id-dividendi skont il-leġiżlazzjoni Ungeriża, il-benefiċjarju mhux residenti ta’ dividendi, skont dak li tipprovdi l-leġiżlazzjoni tal-Istat rispettiv tiegħu, jista’ jkollu l-possibbiltà li jpaċi t-taxxa fuq id-dividendi ma’ taxxa nazzjonali oħra jew inkella jkollu jbati l-oneru tagħha b’mod definittiv.
(3)
L-amministrazzjoni fiskali nazzjonali tista’ tinvoka l-Artikolu 65(1) TFUE (li kien l-Artikolu 58(1) KE) jew l-ex Artikolu 220 KE sabiex teħles lilha nfisha mill-obbligu li tapplika d-dritt Komunitarju[?]
Full & Egal Universal Law Academy