26.5.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 151/20
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) fit-13 ta’ Marzu 2012 — Consiglio Nazionale dei Geologi vs Autorità Garante della Concorrenza del Mercato
(Kawża C-136/12)
2012/C 151/36
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Qorti tar-rinviju
Consiglio di Stato
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Consiglio Nazionale dei Geologi.
Konvenut: Autorità Garante della Concorrenza del Mercato.
Domandi preliminari
I.
(1)
it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, sa fejn jipprevedi li l-qorti tal-aħħar istanza għandha l-obbligu li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari dwar interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mqajma minn waħda mill-partijiet inkwistjoni, jipprekludi r-regoli ta’ proċedura nazzjonali li jipprevedu sistema ta’ restrizzjonijiet ta’ natura proċedurali, bħal dawk dwar it-termini ta’ rikors, l-ispeċifiċità tal-motivi, il-projbizzjoni ta’ tibdil tat-talba fil-mori tal-kawża, il-projbizzjoni għall-qorti li tbiddel it-talba tal-partijiet?
(2)
it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, sa fejn jipprevedi li l-qorti tal-aħħar istanza għandha l-obbligu li quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tressaq talba għal deċiżjoni preliminari dwar interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mqajma minn waħda mill-partijiet inkwistjoni, jipprekludi l-eżistenza ta’ setgħa ta’ selezzjoni tal-qorti nazzjonali, rigward l-evalwazzjoni tar-rilevanza tad-domanda u tal-livell ta’ ċarezza tal-leġiżlazzjoni Komunitarja?
(3)
it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, jekk huwa interpretat fis-sens li jimponi fuq il-qorti nazzjonali tal-aħħar istanza obbligu inkondizzjonali ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari ta’ domanda ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mqajma minn waħda mill-partijiet inkwistjoni, huwa konformi mal-prinċipju rigward it-tul raġonevoli tal-proċedura, stabbilit ukoll mid-dritt Komunitarju?
(4)
quddiem liema ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi, in-nuqqas ta’ osservanza tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jikkostitwixxi, għall-qorti nazzjonali, “ksur manifest tad-dritt Komunitarju”, u dan il-kunċett jista’ jkollu portata differenti għall-finijiet tal-azzjoni speċjali kontra l-Istat fis-sens tal-liġi Nru 117 tat-13 ta’ April 1988 dwar il-“kumpens għad-danni kkawżati fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji u r-responsabbiltà ċivili tal-maġistrati” u tal-azzjoni ġenerali kontra l-Istat għal ksur tad-dritt Komunitarju ?
II.
Fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja taderixxi mal-argument tal-“filtru wiesgħa” (…) li jipprekludi l-applikazzjoni tar-regoli ta’ proċedura nazzjonali dwar l-ispeċifiċità tal-motivi ta’ rikors, għandha tiġi trażmessa d-domanda preliminari dwar dritt Komunitarju lill-Qorti tal-Ġustizzja fit-termini eżatti li fihom ġiet ifformulata mill-appellanti [ fil-proċedura prinċipali], iċċitati [iktar ’il quddiem].
(1)
“(…) aħna nippreżentaw lill-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE (ex Artikolu 81 KE) rigward il-leġiżlazzjoni u r-regolamentazzjoni ta’ etika li jirregolaw il-professjoni ta’ ġeologu kif ukoll il-missjonijiet istituzzjonali u r-regoli ta’ funzjonament tal-Consiglio Nazionale dei Geologi, dwar il-każ ineżami deskritt iktar ’il quddiem, sabiex jiġu vverifikati l-validità u l-konformità tagħhom mal-leġiżlazzjoni Ewropea (jiġifieri, l-Artikolu 101 TFUE) li tirregola l-kompetizzjoni. (…)
Artikolu 9, partikolarment (g) tal-liġi Nru 112/1963: ‘il-Consiglio Nazionale dell’Ordine jeżerċita l-attribuzzjonijiet li ġejjin, barra dawk li huma fdati lilu skont dispożizzjonijiet oħra: a) huwa jiżgura l-osservanza tar-regolamentazzjoni professjonali u ta’ kull dispożizzjoni oħra li tikkonċerna l-professjoni; b) jiżgura ż-żamma tar-reġistru u tal-lista speċjali u jieħu ħsieb l-iskrizzjonijiet u t-tħassar ċ) iħares il-protezzjoni tat-titolu professjonali u jeżerċita l-attivitajiet ta’ waqfien tal-eżerċizzju abbużiv tal-professjoni; d) jadotta l-miżuri dixxiplinarji; e)jipproċedi, fuq talba, għal-likwidazzjoni tal-onorarji; f) jieħu ħsieb l-amministrazzjoni tal-beni tal-Ordine Nazionale u kull sena jfassal l-estimi tal-baġit u l-bilanċ; g) jiffissa, fil-limiti strettament neċessarji sabiex ikopri l-ispejjeż tal-funzjonament tal-Ordine Nazionale, permezz ta’ deċiżjoni suġġetta għall-approvazzjoni tal-Ministru tal-Ġustizzja, il-mument tal-kontribuzzjoni annwali mħallsa mill-persuni iskritti fir-reġistru jew fil-lista speċjali, kif ukoll l-ammont tal-miżata ta’ iskrizzjoni fir-reġistru jew fil-lista, u tad-dritt għall-kisba ta’ ċertifikati u ta’ avviż dwar il-ħlas tal-onorarji’.
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tal-liġi Nru 616/1966: ‘il-persuna iskitta fir-reġistru jew fil-lista speċjali li taġixxi b’mod mhux konformi mal-prestiġju u mad-dinjità tal-professjoni tista’ tiġi imposta, skont il-gravità tal-fatti, waħda mis-sanzjonijiet dixxiplinari li ġejjin: 1) ċanfira; 2) sospensjoni mill-eżerċizzju għall-professjoni għal perijodu li ma jaqbiżx sena; 3) tħassir’.
Artikolu 17 tal-liġi Nru 616/1966: ‘it-tariffa professjonali tal-onorarji u tal-kumpensi kif ukoll il-kriterji ta’ rimbors tal-ispejjeż huma ffissati mid-digriet tal-[Ministru tal-Ġustizzja], wara konsultazzjoni mal-[Ministru tal-Attivitajiet ta’ produzzjoni], fuq il-proposta tal-Consiglio Nazionale dei Geologi’.
Artikolu 6 tal-kodiċi l-ġdid ta’ etika tad-19 ta’ Diċembru 2006 (deċiżjoni Nru 143/2006) kif emendat bid-deċiżjoni Nru 65 tal-24 ta’ Marzu 2010 dwar is-‘servizz professjonali’: ‘l-effiċjenza u l-effikaċità tas-servizz huma essenzjalment evalwati: għad-diffikultà teknika intrinsika; għall-importanza tar-responsabbiltà meħuda; għall-oriġinalità tat-talba; għall-eżistenza jew nuqqas ta’ soluzzjonijiet tekniċi preċedenti dwar il-każ ineżami; għall-importanza tal-elementi tekniċi li huma s-suġġett ta’ evalwazzjoni; għan-numru tal-elementi tekniċi li għandhom jiġu kkoordinati; għall-oriġinalità tas-soluzzjoni; għaż-żmien disponibbli u l-intensità tal-isforz investit; għall-kapaċità ta’ interazzjoni mal-prinċipal u s-suġġetti l-oħra, inklużi l-impriżi u imprendituri, implikati fis-servizz; għall-valur tax-xogħlijiet’.
Artikolu 7 tal-kodiċi ġdid ta’ etika tad-19 ta’ Diċembru 2006 (deċiżjoni Nru 143/2006) kif emendat bid-deċiżjoni Nru 65 tal-24 ta’ Marzu 2010 dwar id-‘dinjità professjonali’: ‘id-dinjità tal-professjonist hija essenzjalment iddefinita minn: in-natura korretta u eżawrjenti tas-servizz professjonali; il-kapaċità li jittieħdu responsabbiltajiet, id-disponibbiltà ta’ apparat tekniku u professjonali effettiv; id-disponibbiltà u l-ħeffa ta’ użu ta’ strumenti aġġornati; l-organizzazzjoni ta’ uffiċċju u ta’ tim professjonali effettiv; l-attenzjoni miġjuba għad-diliġenza fl-interventi; id-disponibbiltà ta’ mezzi u ta’ strutturi għall-aġġornament permanenti, inkluż tal-kollaboraturi u tal-persunal impjegat; il-kapaċità ta’ komunikazzjoni rapida u effettiva mal-prinċipal kif ukoll mal-entitajiet u istituzzjonijiet pubbliċi u privati, u mal-pubbliku inġenerali’.
Artikolu 17 tal-kodiċi ġdid ta’ etika tad-19 ta’ Diċembru 2006 (deċiżjoni Nru 143/2006) kif emendat bid-deċiżjoni Nru 65 tal-24 ta’ Marzu 2010 dwar il-‘parametri tariffarji’: ‘meta jiffissa l-ammont tal-onorarji professjonali tiegħu, il-ġeologu għandu l-obbligu li josserva d-dispożizzjonijiet tad-Digriet Liġi Nru 223/2006, li sar il-liġi Nru 248/2006, il-prinċipju ta’ adegwatezza msemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2233 tal-Kodiċi Ċivili u, f’kull każ, id-dispożizzjonijiet legali kollha applikabbli fil-qasam. It-tariffa professjonali approvata mid-Digriet Ministerjali tat-18 ta’ Novembru 1971 kif emendat u t-tariffa fil-qasam ta’ xogħlijiet pubbliċi approvata mid-Digriet Ministerjali tal-4 ta’ April 2001, sa fejn jikkonċernaw il-ġeoloġi, jikkostitwixxu element leġittimu u oġġettiv ta’ riferiment tekniku u professjonali, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni, jiffissaw u jiddefinixxu l-onorarji bejn il-partijiet’. B’mod partikolari, fuq dan il-punt, huwa mitlub lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk l-indikazzjoni, bħala regola legali applikabbli, obbligatorja fl-elementi kollha tagħha, tad-Digriet Liġi Nru 223/2006, li tinkludi sistema numerika u kronoloġika, l-unika sistema storika u legali, kemm fuq il-livell nazzjonali kif ukoll Komunitarju, li ċertament ma għandhiex impatt fuq l-għarfien u fuq il-portata obbligatorja tar-reġla ġuridika, hijiex konformi mal-Artikolu 101 TFUE.’
Artikolu 18 tal-kodiċi ġdid ta’ etika tad-19 ta’ Diċembru 2006 (deċiżjoni Nru 143/2006) kif emendat bid-deċiżjoni Nru 65 tal-24 ta’ Marzu 2010 dwar l-‘iffissar tal-onorarji’: ‘fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni fs-seħħ, sabiex tiġi ggarantita l-kwalità tas-servizzi, il-ġeologu li jeżerċita l-attività professjonali tiegħu taħt kwalunkwe forma li tkun — individwalment, f’kumpannija jew fi sħubija — għandu dejjem l-obbligu li jqabbel l-onorarji tiegħu mal-importanza u mad-diffikultà tas-servizz, mad-dinjità tal-professjoni, mal-għarfien tekniku u mal-isforz meħtieġ. L-Ordni, fid-dawl tal-prinċipji ta’ kompetittività professjonali, tiżgura l-osservanza [ta’ dawn ir-regoli]’.
Artikolu 19 tal-kodiċi ġdid ta’ etika tad-19 ta’ Diċembru 2006 (deċiżjoni Nru 143/2006) kif emendata bid-deċiżjoni Nru 65 tal-24 ta’ Marzu 2010 dwar is-‘sejħiet għal offerti pubbliċi’: ‘fil-kuntest tal-proċeduri ta’ sejħiet għal offerti pubbliċi, li fihom l-amministrazzjoni pubblika ma tużax, legalment, it-tariffa professjonali bħala parametru ta’ retribuzzjoni, il-ġeologu ser ikollu l-obbligu wkoll li jiddetermina l-offerta tiegħu kont l-importanza u d-diffikultà tas-servizz, id-dinjità tal-professjoni, l-għarfien tekniku u l-isforzi meħtieġa’.
Billi:
—
ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2137/85, tal-25 ta’ Lulju 1985, dwar il-Gruppi Ewropej b’Interess Ekonomiku (GEIE) (1) li għandu bħala għan li ‘iħaffef jew jiżviluppa l-attivitijatet ekonomiċi tal-membri tiegħu’ jipprovdi fis-sitt premessa tiegħu li ‘ma għandhux, madankollu, jippreġudika l-applikazzjoni f’livell nazzjonali tar-regoli legali u/jew il-kodiċijiet etiċi rigward il-kundizzjonijiet tat-twettieq ta’ attivitajiet tan-negozju u professjonali’;
—
id-Direttiva 2005/36 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (2) tipprovdi fil-premessa 43 tagħha li ‘Sal-punt li dawn huma rregolati, din id-Direttiva tinkludi wkoll professjonijiet liberali, li, skond din id-Direttiva, huma dawk li jiġu pprattikati fuq il-bażi ta' kwalifiki professjonali relevanti f'kapaċità personali, responsabbli u professjonalment indipendenti minn dawk li jipprovdu servizzi intellettwali u konċettwali fl-interess tal-klijent u tal-pubbliku. L-eżerċizzju tal-professjoni jista' jkun suġġett fl-Istati Membri, bi qbil mat-Trattat, għal restrizzjonijiet legali speċifiċi bbażati fuq leġislazzjoni nazzjonali u fuq id-dispożizzjonijiet statutorji stabbiliti b'mod awtonomu, f'dak il-qafas, mill-entitajiet rappreżentattivi professjonali rispettivi, li jissalvagwardjaw u li jiżviluppaw il-professjonalità u l-kwalità tas-servizz tagħhom u l-kunfidenzjalità tar-relazzjonijiet mal-klijent’.
—
id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (3) magħrufa bl-isem ‘direttiva servizzi’ tistabbilixxi fil-premessa 115 tagħha li ‘Kodiċijiet ta’ kondotta fil-livell Kommunitarju huma intiżi biex jistabbilixxu l-istandards minimi ta’ kondotta u huma komplimentarji mar-rekwiżiti legali ta’ l-Istati Membri. Huma ma jipprekludux lill-Istati Membri, skond il-liġi Komunitarja, milli jieħdu miżuri iktar stretti fil-liġi jew lill-korpi professjonali nazzjonali milli jipprovdu għal protezzjoni akbar fil-kodiċijiet ta’ kondotta nazzjonali tagħhom.relative aux services dans le marché intérieur’.
Huwa fl-aħħar nett mitlub lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar il-kwistjoni tal-konformità mal-Artikolu 101 TFUE tad-distinzjoni deskritta iktar ’il fuq, magħmula fid-dritt u mill-aspett tal-organizzazzjoni tal-ordni, bejn l-impriża professjonali u l-impriża kummerċjali, kif ukoll bejn il-kompetizzjoni professjonali u l-kompetizzjoni kummerċjali”.
2)
“(a)
l-Artikolu 101 TFUE jew regola oħra tad-dritt tal-Unjoni jipprojbixxu jew jipprekludu r-riferiment għall-elementi ta’ prestiġju u ta’ dinjità tal-professjonist — f’dan il-każ, il-ġeologu — fl-iffissar tal-onorarji professjonali?;
(b)
fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE jew ta’ kull regola oħra ta’ dritt tal-Unjoni, ir-riferiment għall-elementi ta’ prestiġju u ta’ dinjità professjonali jinkludu effetti restrittivi tal-kompetizzjoni professjonali?;
(ċ)
l-Artikolu 101 TFUE jew regola oħra tad-dritt tal-Unjoni jistabbilixxu li l-kundizzjonijiet ta’ prestiġju u ta’ dinjità, bħala elementi relatati mal-iffissar tal-onorarji tal-professjonist, flimkien mat-tariffi ddefiniti espressament bħala li jistgħu jiġu suġġetti għal deroga meta dawn ikunu des minima — fir-rigward tar-riferiment espress u formali, fl-Artikolu 17 tal-kodiċi ġdid ta’ etika tal-ġeologi, għal-leġiżlazzjoni li tippermetti tali deroga (Digriet Leġiżlattiv Nru 223/2006 mibdul fil-liġi Nru 248/2006) — jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jwasslu għal aġir restrittiv tal-kompetizzjoni?;
(d)
l-Artikolu 101 TFUE jew regola oħra tad-dritt tal-Unjoni jipprojbixxu r-riferiment għat-tariffa professjonali — stabbilita, għall-ġeoloġi, minn dispożizzjoni statali, jiġifieri digriet Ministerjali tal-Ministru tal-Ġustizzja wara konsultazzjoni mal-Ministru tal-Attivitajiet ta’ produzzjoni, li tista’ tiġi suġġetta għal deroga meta tkun des minima permezz tal-effett, għal darb’oħra, tal-Artikolu 17 tal-kodiċi ġdid ta’ etika — bħala sempliċi element tekniku u professjonali ta’ riferiment għall-iffissar tal-onorarji?;
(e)
l-Artikolu 101 TFUE jew regola oħra tad-dritt tal-Unjoni jipprojbixxu kull element korrispondenti bejn, minn naħa, l-importanza tas-servizzi, il-kundizzjonijiet ta’ prestiġju u ta’ dinjità kif iddefiniti wkoll fl-Artikoli 6 u 7 tal-kodiċi ġdid ta’ etika tal-ġeologi u, min-naħa l-oħra, l-onorarji professjonali, kif jipprevedi t-tieni paragrafu tal-Artikolu 2233 tal-Kodiċi Ċivili, li fit-termini tiegħu ‘f’kull każ, l-ammont tal-onorarji (professjonali) għandu jiġi adattat mal-importanza tax-xogħlijiet u mad-dinjità tal-professjoni’?
(f)
għaldaqstant, skont l-Artikolu 101 TFUE, ir-riferiment għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2233 tal-Kodiċi Ċivili jista’ jiġi kkunsidrat bħala leġittimu u mhux bħala li jwassal għal effetti restrittivi tal-kompetizzjoni?;
(g)
l-Artikolu 101 TFUE jew regola oħra tad-dritt tal-Unjoni jistabbilixxu, fil-kuntest tar-regolamentazzjoni tal-kompetizzjoni, l-ugwaljanza legali bejn ordni professjonali — f’dan il-każ, dik tal-ġeoloġi — kif irregolata minn regoli statali speċifiċi għat-twettiq ta’ għanijiet istituzzjonali, u l-entitajiet u konċentrazzjonijiet ta’ impriżi kummerċjali li jikkorrispondu għal entitajiet antikompetittivi?;
(h)
l-Artikolu 101 TFUE jew regola oħra tad-dritt tal-Unjoni jippermettu li tiġi assimilata kontribuzzjoni lill-ordni professjonali, legalment obbligatorja — fid-dawl tat-twettiq tal-funzjonijiet u tal-għanijiet istituzzjonali — mal-attività ta’ bejgħ ta’ beni u servizzi u mal-profitt ekonomiku miksub permezz ta’ aġir antikompetittiv min-naħa ta’ konċentrazzjonijiet ta’ impriżi kummerċjali?;
(i)
l-Artikolu 101 TFUE jew regola oħra tad-dritt tal-Unjoni jiġġustifikaw, f’dan il-każ, applikazzjoni ta’ sanzjoni ?
(j)
l-Artikolu 101 TFUE jew regola oħra tad-dritt tal-Unjoni jiġġustifikaw l-issuġġettar għal imposta obbligatorja fuq il-kontribuzzjoni lill-ordni professjonali, legalment obbligatorja, billi din il-kontribuzzjoni tiġi kkunsidrata bħala profitt jew dħul li huwa r-riżultat ta’ akkordju ekonomiku jew kummerċjali antikompetittiv?
(…)”.
III.
(1)
Sussidjarjament, fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi dwar interpretazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE fis-sens li r-regoli ta’ proċedura nazzjonali huma mingħajr effett u li jeżisti dmir ta’ assistenza min-naħa tal-qorti nazzjonali, u fejn hija tikkunsidra, rigward id-domanda preliminari magħmula mill-appellanti, li din hija wisq vaga: id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni u tal-professjonijiet, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet Komunitarji invokati mill-appellanti fid-domanda tagħha, jipprekludu l-adozzjoni ta’ kodiċijiet ta’ etika professjonali li jqabblu l-onorarji mad-dinjità u mal-prestiġju tal-professjoni, mal-kwalità u mal-importanza tas-servizz, b’riżultat li l-onorarji inqas mit-tariffa minima (u, għaldaqstant, iktar kompetittivi) jistgħu jiġu ssanzjonati, fuq il-livell dixxiplinari, minħabba ksur tar-regoli ta’ etika?;
(2)
Sussidjarjament, fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi dwar interpretazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE fis-sens li r-regoli ta’ proċedura nazzjonali huma mingħajr effett u li jeżisti dmir ta’ assistenza min-naħa tal-qorti nazzjonali, u fejn hija tikkunsidra, rigward id-domanda preliminari magħmula mill-appellanti, li din hija wisq vaga: id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, u b’mod partikolari l-leġiżlazzjoni li tipprjobixxi l-akkordji li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, tista’ tiġi interpretata fis-sens li akkordju restrittiv jista’ jieħu l-forma ta’ regoli ta’ etika stabbiliti mill-ordnijiet professjonali meta dawn ir-regoli, billi jindikaw bħala kritejri ta’ fissazzjoni tal-onorarji tal-professjonist id-dinjità u l-prestiġju tal-professjoni kif ukoll il-kwalità u l-importanza tas-servizz, għandhom bħala effett il-projbizzjoni ta’ deroga għat-tariffi minimi u għaldaqstant għandhom ukoll effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni iminħabba din il-projbizzjoni?
(3)
Sussidjarjament, fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi dwar interpretazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE fis-sens li r-regoli ta’ proċedura nazzjonali huma mingħajr effett u li jeżisti dmir ta’ assistenza min-naħa tal-qorti nazzjonali, u fejn hija tikkunsidra, rigward id-domanda preliminari magħmula mill-appellanti, li din hija wisq vaga: meta d-dritt nazzjonali jimponi regoli ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni iktar stretti mir-regoli Komunitarji, b’mod partikolari billi jistabbilixxi li tariffi minimi professjonali jistgħu jkunu suġġetti għal deroga, filwaqt li d-dritt Komunitarju jidher għadu jippermetti taħt ċerti kundizzjonijiet l-projbizzjoni ta’ deroga għat-tarrifi minimi, u meta bħala konsegwenza aġir tal-ordni professjonali li timponi l-projbizzjoni ta’ deroga għat-tariffi minimi jikkostitwixxi, għad-dritt nazzjonali, akkordju restrittiv tal-kompetizzjoni filwaqt li ma jistax ikun hekk fir-rigward tad-dritt Komunitarju, id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, u partikolarment il-leġiżlazzjoni Komunitarja tal-akkordji restrittivi tal-kompetizzjoni, jipprekludu tali riżultat, jiġifieri li ċertu aġir jista’ jiġi sanzjonat bħala akkordju restrittiv tal-kompetizzjoni abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda ma jkunx restrittiv abbażi tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, kull darba li r-regoli nazzjonali ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni huma iktar stretti mir-regoli Komunitarji?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 83.
(2) ĠU L 255, p. 22.
(3) ĠU L 376, p. 36.
Full & Egal Universal Law Academy