26.5.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 151/24
Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Marzu 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-137/12)
2012/C 151/37
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: E. Cujo, I. Rogalski u R. Vidal Puig, aġenti)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/853/UE, tad-29 ta’ Novembru 2011, dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni Legali tas-Servizzi ibbażata fuq, jew tikkonsisti minn Aċċess Kondizzjonali (1);
—
tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz tal-ewwel motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 114 TFUE ma huwiex bażi ġuridika xierqa għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kellha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 207(4) TFUE, li jawtorizza lill-Kunsill jikkonkludi ftehim internazzjonali fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, hekk kif iddefinit fl-Artikolu 207(1) TFUE. Il-Konvenzjoni preżenti ma tipprovdix għat-“titjib tal-funzjonament tas-suq intern”, peress li l-għan prinċipali tagħha huwa li “tiffaċilita” u “tippromwovi” l-provvista ta’ servizzi b’aċċess kundizzjonali bejn l-Unjoni u pajjiżi Ewropej oħra. Hija jkollha effett dirett u immedjat fuq il-provvista tas-servizzi b’aċċess kundizzjonali kif ukoll fuq il-kummerċ ta’ apparati illeċiti u fuq is-servizzi li jirrigwardaw dawn l-apparati. Konsegwentement, il-Konvenzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni.
Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tal-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni (Artikoli 2(1), u 3(1) u (2) TFUE) sa fejn il-Kunsill ikkunsidra li l-konklużjoni tal-Konvenzjoni ma kinitx ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni b’mod li l-Konvenzjoni taqa’ taħt il-politika Kummerċjali Komuni jew, fi kwalunkwe każ, li l-konklużjoni tal-Konvenzjoni tista’ taffettwa regoli komuni jew li tibdlilha l-portata.
(1) ĠU L 336, p. 1.
Full & Egal Universal Law Academy