9.6.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 165/12
Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Marzu 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Franċiża
(Kawża C-143/12)
2012/C 165/20
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Wilms u S. Petrova, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Franċiża
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tikkonstata li, billi naqset milli toħroġ awtorizzazzjonijiet skont l-Artikoli 6 u 8, li terġa’ teżamina u, jekk ikun neċessarju, taġġorna l-awtorizzazzjonijiet eżistenti u li tiżgura li l-installazzjonijiet kollha eżistenti joperaw skont ir-rekwiżiti tal-Artikoli 3, 7, 9, 10 u 13 kif ukoll tal-Artikoli 14(a) u (b), u 15(2) tad-Direttiva IPPC, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Jannar 2008, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż (Direttiva IPPC) (1);
—
tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva IPPC, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex l-awtoritajiet kompetenti jiżguraw, permezz ta’ awtorizzazzjonijiet maħruġa skont l-Artikoli 6 u 8 jew, bil-mod xieraq, permezz tal-eżami mill-ġdid tal-kundizzjonijiet u, jekk ikun neċessarju, l-aġġornament tagħhom, sabiex l-installazzjonijiet eżistenti joperaw skont ir-rekwiżiti tal-Artikoli 3, 7, 9, 10 u 13, kif ukoll tal-Artikoli 14(a) u (b), 15(2), u 5(1) tad-Direttiva IPPC, u dan mhux iktar tard mit-30 ta’ Ottubru 2007.
Fit-3 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni Ewropea bagħtet ittra ta’ intimazzjoni, billi kkunsidrat li l-konvenuta ppermettiet l-operazzjoni ta’ numru kbir ta’ installazzjonijiet eżistenti (1 647 installazzjoni) li ma kellhomx permess konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva IPPC. Fil-mument li ntbagħtet l-opinjoni motivata, 748 installazzjoni eżistenti kien għad ma kellhomx permess konformi mal-Artikolu 5(1) tad-direttiva.
Għalkemm is-sitwazzjoni tjiebet minn dak iż-żmien, fil-mument tal-preżentata tal-preżenti rikors, erba’ installazzjonijiet eżistenti komplew jiġu operati mir-Repubblika Franċiża mingħajr awtorizzazzjoni konformi mad-direttiva.
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-Repubblika Franċiża baqgħet ma temmietx il-ksur tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva IPPC.
(1) ĠU L 24, p. 8.
Full & Egal Universal Law Academy