26.5.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 151/25
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hovrätten för Nedre Norrland (l-Isvezja) fis-26 ta’ Marzu 2012 — ÖFAB, Östergötlands Fastigheter AB vs Frank Koot, Evergreen Investments B.V.
(Kawża C-147/12)
2012/C 151/40
Lingwa tal-kawża: l-Isvediż
Qorti tar-rinviju
Hovrätten för Nedre Norrland
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: ÖFAB, Östergötlands Fastigheter AB
Konvenuti:
(1)
Frank Koot
(2)
Evergreen Investments B.V.
Domandi preliminari
(1)
L-Artikoli 5(1) u 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (1) għandhom jiġu interpretati fis-sens li jikkostitwixxu deroga komprensiva mir-regola ġenerali tal-Artikolu 2 fi kwistjonijiet ta’ kumpens?
(2)
Il-kliem “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt” fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament għandhom jiġu interpretati fis-sens li din id-dispożizzjoni tkopri l-azzjoni ta’ kreditur kontra direttur ta’ kumpannija jekk din l-azzjoni hija intiża sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà tad-direttur għad-djun tal-kumpannija fil-każ li d-direttur jonqos milli jieħu azzjonijiet formali għall-monitoraġġ tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpannija u minflok ikompli jopera l-kumpannija u jgħabbiha b’iktar djun?
(3)
Il-kliem “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt” fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament għandhom jiġu interpretati fis-sens li din id-dispożizzjoni tkopri l-azzjoni ta’ kreditur kontra l-proprjetarju ta’ kumpannija jekk din l-azzjoni hija intiża sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà tal-proprjetarju għad-djun tal-kumpannija fil-każ li l-azzjonist ikompli jinnegozja minkejja l-fatt li ma hemmx fondi suffiċjenti u l-kumpannija jkollha tiġi llikwidata?
(4)
Il-kliem “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt” fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament għandhom jiġu interpretati fis-sens li din id-dispożizzjoni tkopri l-azzjoni ta’ kreditur kontra l-proprjetarju ta’ kumpannija li jkun obbliga ruħu jħallas id-djun ta’ kumpannija?
(5)
Fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv, kull dannu li jirriżulta għandu jitqies li seħħ fil-Pajjiżi l-Baxxi jew fl-Isvezja jekk id-direttur huwa ddomiċiljat fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-ksur tal-obbligi tal-bord jirrigwarda kumpannija Svediża?
(6)
Jekk ir-risposta għat-tielet u għar-raba’ domandi tkun fl-affermativ, kull dannu li jirriżulta għandu jitqies li seħħ fil-Pajjiżi l-Baxxi jew fl-Isvezja jekk il-proprjetarju huwa ddomiċiljat fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-kumpannija hija Svediża?
(7)
Fil-każ li l-Artikoli 5(1) jew 5(3) tar-Regolament huma applikabbli f’waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti, il-fatt li kreditu jkun ġie ttrasferit mill-kreditur oriġinali lil persuna differenti huwa rilevanti għall-applikazzjoni ta’ dawn l-artikoli?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42.
Full & Egal Universal Law Academy