16.6.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 174/18
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal de première instance de Bruxelles (il-Belġju) fid-29 ta’ Marzu 2012 — Isera & Scaldis Sugar SA, Philippe Bedoret and Co SPRL, Jean Rigot, Mathieu Vrancken vs Bureau d’intervention et de restitution belge (BIRB)
(Kawża C-154/12)
2012/C 174/27
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Tribunal de première instance de Bruxelles
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Isera & Scaldis Sugar SA, Philippe Bedoret and Co SPRL, Jean Rigot, Mathieu Vrancken
Konvenut: Bureau d’intervention et de restitution belge (BIRB)
Domanda preliminari
L-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru318/2006, tal-20 ta’ Frar 2006, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (1), li issa huwa l-Artikolu 51 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (2), billi jimponi fuq is-settur “zokkor-pitravi” taxxa ta’ EUR 12 għal kull tunnellata ta’ zokkor li jaqa’ fil-kwota, huwa invalidu:
—
sa fejn il-bażi legali użata mil-leġiżlatur għall-introduzzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija t-tielet paragrafu tal-ex Artikolu 37(2) tat-Trattat KE, li issa huwa l-Artikolu 43(2) tat-Trattat FUE;
—
sa fejn il-leġiżlatur, li ġġustifika t-taxxa bħala miżura intiża sabiex tiffinanzja l-ispejjeż tal-“OKS taz-zokkor” filwaqt li fil-verità hija tiffinanzja l-għajnuna diretta u/jew hija intiża sabiex tippreżerva n-newtralità baġitarja tar-riforma “Zokkor 2006”, ma jurix b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament għall-introduzzjoni tat-taxxa bħal kif inhu meħtieġ mill-Artikolu 296 tat-Trattat FUE (ex Artikolu 253 tat-Trattat KE);
—
sa fejn, peress li l-industrija “zokkor-pitravi” hija l-uniku settur li fuqu ġiet imposta tali taxxa li tikkontribwixxi għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, it-taxxa għandha titqies li hija diskriminatorja kemm bejn dawk li jkabbru l-ħxejjex li żammew il-produzzjoni tal-pitravi u dawk li waqqfu minn din il-produzzjoni, kif ukoll bejn l-industrija “zokkor-pitravi” u kull settur agrikolu jew mhux agrikolu ieħor;
—
sa fejn it-taxxa għandha titqies li tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi la hija xierqa, la hija neċessarja għall-finanzjament tal-ispejjeż fl-“OKS taz-zokkor”, u lanqas ma hija proporzjonata meta mqabbla mal-ispejjeż reali u mal-prospettivi ta’ spejjeż fl-“OKS taz-zokkor”?
(1) ĠU L 58, p. 1.
(2) ĠU L 299, p. 1.
Full & Egal Universal Law Academy