7.7.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 200/5
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajský soud (ir-Repubblika Ċeka) fit-3 ta’ April 2012 — Radek Časta vs Česká správa sociálního zabezpečeni
(Kawża C-166/12)
2012/C 200/09
Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek
Qorti tar-rinviju
Krajský soud
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Radek Časta
Konvenut: Česká správa sociálního zabezpečeni
Domandi preliminari
(1)
Kif għandu wieħed jifhem il-kunċett ta’ “kapital (…) li jirrappreżenta d-drittijiet tal-pensjoni tal-irtirar” skont l-Artikolu 11(2), tal-Anness VIII tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68, tad-29 ta’ Frar 1968, li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej hekk kif emendat bir-Regolament Nru 723/2004 (iktar ’il quddiem “ir-Regolament”)? Dan il-kunċett jinkludi l-livell tad-drittijiet għal pensjoni tal-irtirar stabbilit kemm fil-forma ta’ ekwivalenza attwarjali kif ukoll fil-forma ta’ valur tar-rimbors b’rata fissa skont l-Artikolu 11(2), tal-Anness VIII tar-Regolament, fil-verżjoni tiegħu preċedenti għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004, jew għandu jiġi identifikat ma’ wieħed biss minn dawn il-kunċetti, u, jekk dan ma huwiex il-każ, kif jiddistingwi ruħu minn dawn il-kunċetti?
(2)
Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 11(2), tal-Anness VIII tar-Regolament tal-Persunal u tal-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, hekk kif emendat bit-Trattat ta’ Lisbona, jipprekludu l-applikazzjoni tal-metodu għall-kalkolu tad-drittijiet għal pensjoni tal-irtirar stabbiliti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 105a, tal-Liġi Nru 155/1995 dwar l-assigurazzjoni fuq il-pensjonijiet u fir-Regolament tal-Gvern (1) Nru 587/2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għat-trasferiment reċiproku tad-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar għal dak li jirrigwarda l-iskema għall-pensjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej? F’dan ir-rigward, huwa relevanti li dan il-metodu ta’ kalkolu jimplika, fil-każ speċifiku, li l-livell tad-drittijiet għal pensjoni tal-irtirar propost għat-trasferiment lejn l-iskema tal-pensjoni tal-UE ikun stabbilit f’livell li ma jilħaq lanqas in-nofs tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet mħallsa mill-uffiċjal fl-iskema tal-pensjoni nazzjonali?
(3)
Is-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-293/03, Gregorio My vs Office national des pensions għandha tiġi interpretata fis-sens li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur tad-drittijiet għal pensjoni tal-irtirar ittrasferiti għall-iskema tal-pensjoni tal-UE permezz tal-metodu tal-ekwivalenza attwarjali applikat skont il-perijodu ta’ assigurazzjoni, għandu jiġi inkluż fil-bażi individwali tal-kalkolu l-perijodu li matulu l-uffiċjal tal-UE, qabel ma ġiet sottomessa t-talba għat-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar, kien diġa’ ipparteċipa fl-iskema tal-pensjoni tal-UE?
(1) ĠU L 56, p. 1
Full & Egal Universal Law Academy