16.6.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 174/19
Appell ippreżentat fil-11 ta’ April 2012 minn Carrols Corp kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-1 ta’ Frar 2012 fil-Kawża T-291/09 — Carrols Corp. vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) u Giulio Gambettola
(Kawża C-171/12)
2012/C 174/30
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Appellanti: Carrols Corp. (rappreżentant: I. Temiño Ceniceros, avukat)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) u Giulio Gambettola
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla totalment is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-291/09 tal-1 ta’ Frar 2012;
—
tilqa’ t-talbiet kollha mressqa fl-ewwel istanza.
Aggravji u argumenti prinċipali
Il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (1) u l-ġurisprudenza li tinterpretaha
Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li “fir-rigward tal-identità tas-sinjali inkwistjoni, hija ma ppruvatx il-mala fide tal-intervenjent fin-nuqqas ta’ kull prova oħra rilevanti”.
Fil-fatt, fis-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli, (C-529/07, Ġabra p. I-4893), ġie enfasizzat li “l-eżistenza tal-mala fide tal-applikant […] għandha tiġi evalwata globalment, b’kunsiderazzjoni tal-fatturi kollha rilevanti tal-każ ineżami” (punt 37 tas-sentenza). Madankollu, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat analizzat kull fatt b’mod individwali u iżolat u naqset milli tieħu perspettiva globali, u żiedet b’mod inġustifikat l-oneru tal-prova fuq l-appellanti, bi ksur tad-dritt tagħha ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
(1) Regolament tal-Kunsill 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja, ĠU L 78, p. 1.
Full & Egal Universal Law Academy