30.6.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 194/10
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht München (Il-Ġermanja) fit-13 ta’ April 2012 — Sandler AG vs Hauptzollamt Regensburg
(Kawża C-175/12)
2012/C 194/17
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Finanzgericht München
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Sandler AG
Konvenut: Hauptzollamt Regensburg
Domandi preliminari
(1)
It-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 889(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/1993 (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jirregola biss il-każ ta’ talba għal rimbors fejn merkanzija titqiegħed inizjalment fiċ-ċirkulazzjoni libera skont ir-rata ta’ dazji doganali applikabbli għall-merkanzija li ġejja minn pajjiż terz u mbagħad jirriżulta li fil-mument li fih ġiet aċċettata d-dikjarazzjoni doganali, kienet fil-fatt teżisti rata mnaqqsa jew rata ta’ 0 (f’dan il-każ, tariffa preferenzjali) li madankollu ma kinitx għadha fis-seħħ meta ġiet ippreżentata t-talba għal rimbors bil-konsegwenza li ma tistax tiġi invokata l-iskadenza tas-sistema preferenzjali temporanja kontra operatur mal-preżentazzjoni tat-talba għal rimbors meta t-tariffa preferenzjali tingħata fil-mument tat-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni libera u li huwa fil-mument tal-irkupru a posteriori mill-amministrazzjoni li s-sistema preferenzjali tiġi rrifjutata u li r-rata ta’ dazji doganali applikabbli għall-merkanzija li ġejja minn pajjiżi terzi tiġi applikata?
(2)
L-Artikolu 16(1)(b) u/jew l-Artikolu 32 tal-Protokoll I tal-Anness V tal-Ftehim ta’ Cotonou (2) għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni, meta l-Istat ta’ esportazzjoni stampa, fuq iċ-ċertifikat ta’ ċirkulazzjoni tal-merkanzija EUR.1, timbru differenti minn dak tal-mudell innotifikat mill-awtoritajiet tal-Istat ta’ esportazzjoni, jistgħu, fil-każ li jkollhom dubju, iqisu dan il-bdil bħala żball tekniku fis-sens tal-Artikolu 16(1)(b) tal-Protokoll I tal-Anness V tal-Ftehim ta’ Cotonou u jannullaw għaldaqstant l-imsemmi ċertifikat ta’ ċirkulazzjoni tal-merkanzija EUR.1 mingħajr il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni?
(3)
Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda:
(a)
L-Artikolu 16(1)(b) tal-Protokoll I tal-Anness V tal-Ftehim ta’ Cotonou għandu wkoll jiġi applikat meta l-iżball tekniku ma jidhirx direttament mal-importazzjoni iżda biss waqt kontroll a posteriori mill-awtoritajiet doganali?
(b)
L-Artikolu 16(4) u (5) tal-Protokoll I tal-Anness V tal-Ftehim ta’ Cotonou għandu jiġi interpretat fis-sens li żball tekniku għandu jitqies bħala rettifikat meta, fil-każ ta’ ċertifikat ta’ ċirkulazzjoni tal-merkanzija EUR.1 maħruġ a posteriori, waħda mill-indikazzjonijiet previsti mill-Artikolu 16(4) tal-imsemmi protokoll ma tkunx ġiet inkluża fil-kliem eżatt tagħha fil-kaxxa “osservazzjonijiet” iżda minflok fl-għamla ta’ frażi li tindika li ċ-ċertifikat ta’ sistema preferenzjali ġie maħruġ a posteriori?
(4)
Jekk tingħata risposta fin-negattiv għat-tieni domanda:
L-Artikolu 236(1) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dazji fuq l-importazzjoni ma kinux dovuti legalment u ġew irkuprati illegalment a posteriori skont l-Artikolu 220(1) tal-Kodiċi Doganali, meta ċ-ċertifikati ta’ ċirkulazzjoni tal-merkanzija EUR.1 użati inizjalment ma setgħux jiġu ddikjarati bħala invalidi mill-awatoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni mingħajr il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni?
(5)
Bl-istess mod, fil-każ li ċertifikat ta’ ċirkulazzjoni tal-merkanzija EUR.1 jinħareġ a posteriori skont l-Artikolu 16 tal-Protokoll I tal-Anness V tal-Ftehim ta’ Cotonou, ir-rimbors tad-dazji fuq l-importazzjoni rkuprati a posteriori u mħallsa skont l-Artikolu 889 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/1993 huwa biss possibbli meta t-tariffa preferenzjali tkun għadha fis-seħħ fil-mument tat-talba għal rimbors?
(1) Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/1993, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), fil-verżjoni emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 214/2007, tat-28 ta’ Frar 2007, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2454/93 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 327M, p. 879).
(2) 2000/483/KE: Ftehim ta’ sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra, iffirma(t) f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 35, p. 3).
Full & Egal Universal Law Academy