14.7.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 209/3
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Social número 1 de Córdoba (Spanja) fis-17 ta’ April 2012 — Rafaela Rivas Montes vs Instituto Municipal de Deportes de Córdoba (IMDECO)
(Kawża C-178/12)
2012/C 209/04
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Juzgado de lo Social número 1 de Córdoba.
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Rafaela Rivas Montes.
Konvenut: Instituto Municipal de Deportes de Córdoba (IMDECO).
Domandi preliminari
(1)
Il-fatt li awtorità pubblika speċifika (f’dan il-każ l-IMDECO) tibbaża ruħha, għall-finijiet tal-kalkolu taż-żieda tar-remunerazzjoni ta’ anzjanità tal-impjegati tagħha, esklużivament fuq in-natura regolatorja jew kuntrattwali (tad-dritt privat) tar-rabta ġuridika li torbotha ma’ dawn tal-aħħar, u li, b’applikazzjoni ta’ dan il-kriterju, fl-ewwel ipoteżi (uffiċjali), hija tieħu inkunsiderazzjoni mingħajr distinzjoni, skont ir-regolamenti nazzjonali dwar l-uffiċjali fis-seħħ, il-perijodi kollha preċedenti ta’ servizz effettiv imwettqa fi kwalunkwe settur tal-amministrazzjoni pubblika inġenerali (jiġifieri kemm fl-amministrazzjoni pubblika kkonċernata, f’dan il-każ l-IMDECO, kif ukoll f’kull amministrazzjoni pubblika oħra), filwaqt li għall-kuntrarju, fit-tieni ipoteżi (persunal bil-kuntratt), hija tieħu inkunsiderazzjoni biss, skont id-dritt tax-xogħol fis-seħħ u skont l-interpretazzjoni tiegħu mill-ġurisprudenza, il-perijodi preċedenti ta’ servizz effettiv imwettqa fl-amministrazzjoni pubblika kkonċernata (IMDECO), bil-kundizzjoni madankollu li l-katina kuntrattwali li tkopri l-provvista ta’ servizzi inkwistjoni ma ġietx interrotta ratione temporis b’mod li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-unità essenzjali tar-rabta ġuridika ta’ xogħol inkisret, fatt li għaldaqstant jeskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-jiem ta’ xogħol immedjatament preċedenti għall-ksur inkwistjoni, huwa konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza Komunitarju (kif ġie applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea)?
(2)
Jekk id-domanda preċedenti għandha tingħata risposta fin-negattiv (jiġifieri jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li tali aġir ta’ amministrazzjoni pubblika, f’dan il-każ l-IMDECO, huwa kuntrarju għall-prinċipju ta’ ugwaljanza Komunitarju), ir-ritorn għal stat konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza jimplika, f’dan il-każ, l-applikazzjoni tar-regolamenti nazzjonali dwar l-uffiċjali għall-membri tal-persunal bil-kuntratt suġġetti għad-dritt privat tax-xogħol?
Full & Egal Universal Law Academy