30.6.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 194/11
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija) fis-16 ta’ April 2012 — “Stoilov i Ko” ЕООD vs Nachalnik na Mitnitsa Stolichna
(Kawża C-180/12)
2012/C 194/18
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti:“Stoilov i Ko” ЕООD
Konvenut: Nachalnik na Mitnitsa Stolichna
Domandi preliminari
(1)
Għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tagħhom, prodotti — strixxi irrumblati ta’ drapp mhux minsuġ intiż għall-manifattura ta’ blinds għal ġewwa — għandhom jitqiesu, fin-Nomenklatura Magħquda (NM) tas-sena 2009, li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1031/2008, tad-19 ta’ Settembru 2008, skont il-karatteristiċi tal-prodotti, bħala “drapp” li jaqa’ taħt il-kodiċi tariffarju 5407 61 30 jew bil-kontra, taħt il-kodiċi tariffarju 6303 92 10 skont l-uniku użu tal-prodotti li huwa l-manifattura ta’ blinds għal ġewwa, fid-dawl tal-elementi li ġejjin:
(a)
il-kunċett ta’ “oġġetti magħmulin” fis-sens tan-nota Nru 7 tal-Kapitolu 63 “Oġġetti oħrajn manifatturati ta’ tessuti; settijiet; ħwejjeġ li jintlibsu u oġġetti ta’ tessuti li jintlibsu; ċraret” tat-Taqsima XI “Tessuti u oġġetti ta’ tessuti” tan-NM tas-sena 2009, interpretat fid-dawl tal-punt 2(a) tar-regoli ġenerali ta’ interpretazzjoni tan-NM, relattiv għall-kunċett ta’ “oġġett mhux komplut jew mhux mitmum,” b’kunsiderazzjoni wkoll għall-każ tal-punt 2(b) tal-imsemmija regoli kif ukoll għall-karatteristiċi tal-prodotti inkwistjoni u għall-possibbiltà li jiġi mmanifatturat oġġett wieħed biss minn dawn il-prodotti;
(b)
il-possibbiltà li l-kunċett ta’ “drapp” tal-Kapitolu 54, intestatura 5407 61 30 tan-NM tal-2009 jestedni b’mod partikolari għal strixxi ta’ drapp li għandhom it-truf min-naħa tat-tul fissi, fejn l-uniku prodott finali li huma intiżi għalih huma l-blinds ta’ ġewwa, b’kunsiderazzjoni wkoll tal-fatt li dan il-prodott huwa espressament imsemmi fl-intestatura 6303 92 10 tal-imsemmija NM?
(2)
Jista’ jitqies b’mod raġonevoli li tnisslu aspettattivi leġittimi, fi ħdan l-awtur tad-dikjarazzjoni doganali u responsabbli tal-importazzjoni, li l-merkanzija ser tkun is-suġġett ta’ klassifikazzjoni tariffarja partikolari u li għandu jiġi applikat il-kodiċi tariffarju indikat fid-dikjarazzjoni doganali, skont l-Artikolu 71(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, b’kunsiderazzjoni wkoll tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi, meta mill-fatti tal-kawża prinċipali jirriżulta li fid-data tad-dikjarazzjoni, is-sitwazzjoni kienet din li ġejja:
(a)
fir-rigward ta’ dikjarazzjoni doganali mwettqa qabel dwar prodotti identiċi u bl-istess kodiċi tariffarju, wara kontroll fiżiku mill-awtoritajiet doganali rigward, b’mod partikolari, il-klassifikazzjoni tariffarja u li tniżżel fil-proċess verbali, ma kinux ittieħdu kampjuni sabiex jiġu eżaminati u ġie kkonstatat li l-prodotti kienu jikkorrispondu għad-dikjarazzjoni; u
(b)
ma sarux kontrolli suċċessivi wara r-rilaxx tal-merkanzija fil-każ ta’ ħames dikjarazzjonijiet doganali preċedenti oħrajn li kienu jindikaw prodotti identiċi u bl-istess kodiċi tariffarju, li uħud fosthom kienu ppreżentati qabel u uħud wara d-data tal-proċess verabli ta’ kontroll doganali fejn ġiet stabbilita l-konformità tal-kodiċi tariffarju?
(3)
L-Artikolu 243(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità għandu jiġi interpretat, bl-għan li jiġi osservat il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata, fis-sens li l-att imsemmi fl-Artikolu 232(1)(a) tal-imsemmi kodiċi jista’ jiġi biss ikkontestat jekk dan l-att kien ġie adottat minħabba n-nuqqas ta’ ħlas fit-termini previsti u meta, simultanjament, dan l-att jistabbilixxi l-ammont tad-dazji doganali u jikkostitwixxi titolu eżekuttiv bl-għan tal-irkupru sfurzat tal-krediti skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru?
(4)
L-Artikolu 41(2)(a) u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li meta għat-talba, li ġiet milqugħa, għal perizja indipendenti — magħmula mid-debitur wara li rċieva notifika tal-Artikolu 221(1) tal-Kodiċi Doganali Komunitarju — la jkun hemm ebda risposta espressa tal-amministrazzjoni doganali u lanqas motivazzjoni fid-deċiżjonijiet sussegwenti, hemm ksur persistenti tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, fid-dawl tal-fatt li skont ir-regoli tal-kawża prinċipali, huwa biss quddiem il-qorti tal-ewwel istanza li l-persuna kkonċernata għandha l-possibbiltà tispjega l-oġġezzjonijiet tagħha dwar il-klassifikazzjoni tariffarja tal-prodotti, meta tagħmel id-domandi lill-perit indipendenti?
Full & Egal Universal Law Academy