30.6.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 194/14
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) fit-23 ta’ April 2012 — Eridania Sadam SpA vs AGEA u Ministero delle Politiche Agricole, Alimentari e Forestali
(Kawża C-189/12)
2012/C 194/22
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Qorti tar-rinviju
Consiglio di Stato
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Eridania Sadam SpA.
Konvenuti: Agenzia per le Erogazioni in Agricoltura (AGEA), Ministero delle Politiche Agricole, Alimentari e Forestali
Domandi preliminari
(1)
L-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006, tal-20 ta’ Frar 2006 (1), u l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 986/2006, tas-27 ta’ Ġunju 2006 (2), għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-espressjoni “faċilitajiet ta’ produzzjoni” ma tinkludix il-faċilitajiet użati mill-impriżi li joperaw fl-industrija taz-zokkor għall-attività ta’ ppakkjar taz-zokkor bl-għan tal-kummerċjalizzazzjoni tiegħu u, għaldaqstant li huwa neċessarju, fil-każ ta’ faċilitajiet bħas-silos, li ssir analiżi għal kull każ sabiex jiġi vverifikat jekk l-imsemmija faċilitajiet humiex marbuta mal-“linja ta’ produzzjoni” jew ma’ attivitajiet oħra minbarra l-produzzjoni, bħall-ippakkjar?
(2)
Sussidjarjament, fid-dawl tal-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 320/2006, tal-20 ta’ Frar 2006, u tar-regoli superjuri u tal-prinċipji tad-dritt primarju Ewropew, l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni 986/2006 tas-27 ta’ Ġunju 2006, huwa null jekk jiġi interpretat fis-sens li jinkludi wkoll, fil-faċilitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 tiegħu taħt (a) u (b), dawk li huma użati mill-impriżi li joperaw fl-industrija taz-zokkor għall-attività ta’ ppakkjar taz-zokkor bil-għan tal-kummerċjalizzazzjoni tiegħu, dejjem jekk l-għan segwit mir-Regolament 320/21006 huwa li titnaqqas il-kapaċità ta’ produzzjoni tal-impriżi li joperaw fl-industrija taz-zokkor u mhux li tipprekludihom milli jkunu attivi fis-settur tas-sempliċi kummerċjalizzazzjoni tal-prodott, billi jintuża z-zokkor miksub skont kwoti ta’ produzzjoni li jirriżultaw minn faċilitajiet jew impriżi oħra?
(3)
Iktar sussidjarjament u fi kwalunkwe każ, l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament tal-Kunsill 320/2006 tal-20 ta’ Frar 2006, u l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (986/2006) tas-27 ta’ Ġunju 2006, huma validi fir-rigward tar-regoli superjuri u tal-prinċipji tad-dritt primarju Ewropew, jekk dawn jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ “faċilitajiet ta’ produzzjoni” jew ta’ faċilitajiet “marbuta direttament mal-produzzjoni” jinkludu dawk li huma użati mill-impriżi li joperaw fl-industrija taz-zokkor għall-attività ta’ ppakkjar taz-zokkor bl-għan tal-kummerċjalizzazzjoni tiegħu?
(1) ĠU L 335M, p. 29
(2) ĠU L 322M, p. 183
Full & Egal Universal Law Academy