23.6.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 184/6
Rikors ippreżentat fis-26 ta’ April 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-196/12)
2012/C 184/11
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Currall, J.-P. Keppenne u D. Martin, aġenti)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tiddikjara li, billi ma adottatx il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill li jaġġusta, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2011, ir-rimunerazzjoni u l-pensjoni tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea u l-koeffiċjenti korrettivi li japplikaw għalihom, il-Kunsill naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt ir-Regolamenti tal-Persunal;
—
tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill eskluda l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament li jadatta r-remunerazzjonijiet u l-pensjonijiet tal-uffiċjali skont l-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, minkejja li mit-termini vinkolanti ta’ dan l-artikolu jirriżulta li l-metodu għall-adattament annwali tal-imsemmija remunerazzjonijiet u pensjonijiet huwa proċedura awtomatika li ma tħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kunsill. L-artikolu ċċitat iktar ’il fuq jobbliga lill-Kunsill jadotta l-proposta tal-Kummissjoni qabel il-31 ta’ Diċembru tas-sena kurrenti. Skont ir-rikorrenti, il-Kunsill ma kienx awtorizzat jeskludi dan l-obbligu minħabba li huwa kien jikkunsidra li l-Kummissjoni kellha tissottomettilu proposta skont l-Artikolu 10 tal-Anness XI. Fi kwalunkwe każ, il-kundizzjonijiet fundamentali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 10 ma kinux sodisfatti fl-2011 kif jidher, barra minn hekk, minn żewġ rapporti ekonomiċi li kienu ġew sottomessi mill-Kummissjoni lill-Kunsill fuq talba tiegħu. Billi adotta huwa stess id-Deċiżjoni 2011/866/UE (1) skont l-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kunsill kiser il-kundizzjonijiet istituzzjonali meħtieġa.
Il-Kummissjoni tallega wkoll li l-Kunsill irrifjuta li jadatta l-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni li għandhom jiġu applikati għar-remunerazzjonijiet u għall-pensjonijiet skont il-postijiet ta’ xogħol jew ta’ residenza differenti tal-persuni kkonċernati. Skont ir-rikorrenti, ma jistax jiġi kkontestat li d-“deċiżjoni” tal-Kunsill ma tgħid xejn f’dan ir-rigward, peress li l-motivazzjoni sottostanti tirreferi esklużivament għall-“klawżola ta’ eċċezzjoni” tal-Artikolu 10 tal-Anness XI. Għaldaqstant, l-attitudni tal-Kunsill għandha titqies bħala nuqqas illegali li tittieħed azzjoni.
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/866/UE, tad-19 ta’ Diċembru 2011, li tikkonċerna l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill li jaġġusta, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2011, ir-rimunerazzjoni u l-pensjoni tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea u l-koeffiċjenti korrettivi li japplikaw għalihom (ĠU 2011 L 341, p. 54).
Full & Egal Universal Law Academy