11.8.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 243/4
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi) fl-14 ta’ Mejju 2012 — Demir vs Staatssecretaris van Justitie
(Kawża C-225/12)
2012/C 243/07
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Raad van State
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: C. Demir
Konvenut: Staatssecretaris van Justitie
Domandi preliminari
(1)
L-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni hija applikabbli għal kundizzjoni fuq il-mertu u/jew ta’ proċedura fir-rigward tal-ewwel dħul fit-territorju ta’ Stat Membru — anki meta tali kundizzjoni (f’dan il-każ awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja) jkollha wkoll bħala għan li tipprevjeni, qabel l-introduzzjoni ta’ applikazzjoni għal titolu ta’ residenza, id-dħul u r-residenza irregolari — u tista’, għalhekk, titqies bħala miżura li tista’ tiġi inforzata, skont il-kliem tal-punt 85 tas-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2003, Abatay et (C-317/01 u C-369/01) (2)?
(2)
(a)
Liema tifsira għandha tingħata, f’dan ir-rigward, lir-rekwiżit ta’ sitwazzjoni regolari fir-rigward ta’ residenza, skont kif previst fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80?
(b)
Huwa meħtieġ, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-introduzzjoni stess ta’ applikazzjoni tagħti lok, fid-dritt nazzjonali, għal residenza f’sitwazzjoni regolari sakemm l-applikazzjoni ma tkunx ġiet miċħuda, jew, sempliċement, il-fatt li r-residenza qabel l-introduzzjoni ta’ applikazzjoni hija kkunsidrata skont id-dritt nazzjonali bħala illegali?
(1) Deċiżjoni adottata fid-19 ta’ Settembru 1980 mill-Kunsill ta’ assoċjazzjoni stabbilita bil-Ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, u dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni.
(2) Ġabra 2003, p. I-12301.
Full & Egal Universal Law Academy