11.8.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 243/6
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank te Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-18 ta’ Mejju 2012 — Strafzaak vs Belgian Shell NV
(Kawża C-242/12)
2012/C 243/10
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Rechtbank te Rotterdam
Partijiet fil-kawża prinċipali
Belgian Shell NV
Domandi preliminari
(1)
Tagħbija diesel għandha tiġi kklassifkata bħala skart fis-sens tar-regolament il-qadim (1) u tal-ġdid (2), fiċ-ċirkustanzi li ġejjin:
(a)
it-tagħbija hija komposta minn Ultra Light Sulphur Diesel, li bi żball tħallat ma’ Methyl Tertiary Butyl Ether;
(b)
wara li ġiet ikkunsinnata lix-xerrej, ġara li — minħabba t-taħlita — it-tagħbija ma kinitx tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet miftiehma bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ (din hija, għalhekk, “off spec”);
(c)
skont il-kuntratt tal-bejgħ, il-bejjiegħ — wara kontestazzjoni min-naħa tax-xerrej — ħa lura t-tagħbija u ħallas lura l-prezz tal-bejgħ lil dan tal-aħħar;
(d)
il-bejjiegħ għandu l-intenzjoni li jerġa’ joħroġ it-tagħbija fis-suq — wara li din titħallat jew le ma’ prodott ieħor?
(2)
Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun waħda affermattiva:
(a)
hemm mument, fid-dawl tal-fatti esposti iktar ’il fuq, li minnu t-tagħbija tista’ tiġi kkunsidrata bħala skart?
(b)
l-istatus tat-tagħbija jinbidel, u din tieqaf tkun skart f’xi mument kwalunkwe bejn il-kunsinna lix-xerrej u taħlita ġdida mwettqa minn jew f’isem il-bejjiegħ u, jekk iva, liema huwa dan il-mument?
(3)
Iċ-ċirkustanza li:
(a)
it-tagħbija setgħet xorta waħda tintuża inkwantu karburant bħala ULSD pur, iżda ma kinitx iktar tissodisfa r-rekwiżiti (fil-qasam tas-sigurtà) minħabba l-punt ta’ infjammabbiltà iktar baxx tagħha;
(b)
minħabba l-kompożizzjoni l-ġdida tagħha, it-tagħbija ma setgħetx tinħażen mix-xerrej fid-dawl tal-liċenzji ambjentali tiegħu;
(c)
it-tagħbija ma setgħetx tintuża mix-xerrej għall-finijiet li għalihom huwa kien xtraha, jiġifieri l-bejgħ fil-pompa bħala karburant diesel;
(d)
li x-xerrej kellux, jew le, l-intenzjoni li jagħti lura t-tagħbija lix-xerrej abbażi tal-kuntratt tal-bejgħ;
(e)
il-bejjiegħ effettivament kellu l-intenzjoni li jieħu lura t-tagħbija sabiex jissuġġetaha għal operazzjoni ta’ taħlit u jerġa joħroġha fis-suq;
(f)
it-tagħbija tistax, jew le, jew terġa’ titqiegħed fl-istat oriġinalment mixtieq, jew inkella tiġi ttrasformata fi prodott li jista’ jiġi kkummerċjalizzat bi prezz li joqrob il-valur fis-suq tat-tagħbija oriġinali ta’ ULSD;
(g)
din l-operazzjoni ta’ tqegħid fl-istat oriġinali hija proċess ta’ produzzjoni abitwali;
(h)
il-valur fis-suq tat-tagħbija fl-istat li tinsab fih fil-mument ta’ meta tittieħed lura mix-xerrej jikkorrispondi (kważi) għall-prezz ta’ prodott li tabilħaqq jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet miftiehma;
(i)
it-tagħbija meħuda lura tista’ tinbiegħ fis-suq mingħajr ma tiġi ttrattata, fl-istat li fih tinsab fil-mument ta’ meta tittieħed lura;
(j)
il-prodotti bħal dawk tat-tagħbija huma normalment ikkummerċjalizzati u din il-kummerċjalizzazzjoni ma titqiesx bħala waħda ta’ skart,
hija rilevanti sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda?
(1) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93, tal-1 ta’ Frar 1993, dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 176)
(2) Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006, dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU L 190, p. 1)
Full & Egal Universal Law Academy