21.7.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 217/13
Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Mejju 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika
(Kawża C-263/12)
2012/C 217/30
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Patakia u B. Stromsky)
Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika
Talbiet tar-rikorrenti
—
tikkonstata li billi ma ħaditx, fit-termini previsti, il-miżuri kollha neċessarji għall-irkupru tal-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Greċja lil Ellinikós Chrysós S.A. [C 48/2008 (ex NN 61/2008)], iddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-23 ta’ Frar 2011 [innotifikata bin-Nru C(2011) 1006 finali] jew, f’kull każ, billi ma informatx b’mod suffiċjenti lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda skont dan l-artikolu, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2, 3 u 4 ta’ din id-deċiżjoni u taħt it-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
—
tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
(1)
Fit-23 ta’ Frar 2011 il-Kummissjoni ddeċidiet li l-għajnuna mill-Istat ta’ ammont ta’ EUR 15.34 miljun, mogħtija illegalment mill-Ġreċja, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE, lill-kumpannija Ellinikós Chrysós S.A. permezz tal-bejgħ ta’ beni u ta’ artijiet bi prezz inqas mill-valur tagħhom u tal-eżenzjoni mill-obbligu ta’ ħlas tat-taxxi relatati miegħu, għall-finijiet tal-protezzjoni tal-impjieg u tal-ambjent, iżda wkoll sabiex tinħoloq miżura ta’ inċentiv għax-xerrejja potenzjali tal-minjieri ta’ Kassandra, hija inkompatibbli mas-suq intern (1). Permezz tal-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Ellenika tirkupra mingħand il-benefiċjarja din l-għajnuna mill-Istat flimkien mal-interessi. Ir-Repubblika Ellenika kienet wkoll obbligata żżomm lill-Kummissjoni informata bil-miżuri nazzjonali meħuda għall-implementazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.
(2)
Ir-Repubblika Ellenika talbet estenzjoni tat-terminu ta’ xahrejn mogħti għat-trażmissjoni tal-informazzjoni, li l-Kummissjoni ma tathiex minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.
(3)
Minkejja l-ittri ta’ tfakkira tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Mejju 2011 u tal-14 ta’ Lulju 2011 lir-Repubblika Ellenika, il-Kummissjoni ma ngħatat ebda informazzjoni, fit-termini previsti, dwar it-teħid ta’ miżuri għall-finijiet tal-implementazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.
(4)
Fit-8 ta’ Mejju 2012 l-awtoritajiet Griegi nnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ittra tagħhom tal-25 ta’ April 2012 li permezz tagħha huma talbu l-ħlas lura ta’ din l-għajnuna mill-Istat lill-kumpannija Ellinikós Chrysós S.A f’terminu ta’ tletin jum. Il-Kummissjoni madankollu tenfasizza li l-ammont li għandu jiġi rkuprat ma ssemmiex f’din l-ittra. Għandu jiġi nnotat li, għalkemm l-ammont prinċipali tal-għajnuna mill-Istat kien ġie kkalkolat mill-Kummissjoni fl-imsemmija deċiżjoni, l-awtoritajiet Griegi ma kkalkolawx l-ammont tal-interessi, kif huma kellhom jagħmlu, u ma semmewx dan l-ammont fit-talba tagħhom indirizzata lill-kumpannija. F’kull każ, din l-ewwel reazzjoni tal-awtoritajiet Griegi seħħet biss erbatax-il xhar wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni u, minn dak iż-żmien, il-Kummissjoni ma rċeviet ebda informazzjoni dwar l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat ikkontestata.
(1) Artikolu 1 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-23 ta’ Frar 2011, dwar [l-]għajnuna mill-Istat C 48/08 (ex NN 61/08) mogħtija mill-Greċja lil Ellinikos Xrysos [Chrysós] SA
Full & Egal Universal Law Academy