25.8.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 258/10
Appell ippreżentat fit-30 ta’ Mejju 2012 minn Cadila Healthcare Ltd kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tal-15 ta’ Marzu 2012 fil-Kawża T-288/08 — Cadila Healthcare Ltd vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-268//12 P)
2012/C 258/17
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Cadila Healthcare Ltd (rappreżentant: S. Malynicz, Barrister)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Novartis AG
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-288/08, tal-15 ta’ Marzu 2012.
—
tikkundanna lill-Uffiċċju u lill-intervenjenti jbatu l-ispejjeż tagħhom stess u jħallsu dawk tal-appellanti.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti ssostni li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata għall-motivi li ġejjin:
Il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura peress li hija kellha tiddeċiedi li l-proċeduri kienu saru mingħajr skop fid-dawl tal-fatt li sad-data tas-sentenza, it-trade mark preċedenti ma kinitx ġiet imġedda u wkoll tal-fatt li l-perijodu ta’ grazzja ta’ sitt xhur addizzjonali skont l-Artikolu 47(3) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja (1) kien skada.
Fir-rigward tal-kwistjoni tax-xebh fonetiku, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi u evalwat il-fatti b’mod inkorrett, u d-deċiżjoni tagħha fiha ineżattezza materjali fil-konstatazzjonijet attribwibbli għad-dokumenti ppreżentati quddiemha.
Il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-involviment ta’ professjonisti fil-bejgħ ta’ prodotti farmaċewtiċi.
Fir-rigward tal-kwistjoni tax-xebh viżiv, il-Qorti Ġenerali applikat ħażin il-ġurisprudenza tagħha stess li skontha, il-parti tal-bidu tat-trade marks hija ġeneralment meqjusa li hija l-iktar importanti u li skontha, fi trade marks li huma relattivament qosra bħal dawk f’din il-kawża, l-elementi li jinsabu fin-nofs huma importanti daqs l-elementi li jinsabu fil-bidu u fi tmiem is-sinjal.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)
Full & Egal Universal Law Academy