4.8.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 235/8
Appell ippreżentat fl-1 ta’ Ġunju 2012 minn Guillermo Cañas mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fis-26 ta’ Marzu 2012 fil-Kawża T-508/09, Cañas vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-269/12 P)
2012/C 235/15
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellant: Guillermo Cañas (rappreżentant: Y. Bonnard, avukat)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Aġenzija Dinjija Kontra d-Doping, ATP Tour Inc.
Talbiet tal-appellant
—
tannulla d-digriet mogħti fis-26 ta’ Marzu 2012 mill-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-508/09;
—
tordna lill-Qorti Ġenerali teżamina r-rikors għall-annullament ippreżentat fit-22 ta’ Diċembru 2009 minn Guillermo Cañas;
—
tiċħad kull talba oħra ta’ persuna li topponi;
—
tikkundanna lil kull persuna li topponi tbati l-ispejjeż ta’ Guillermo Cañas.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellant iressaq tliet aggravji kontra d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.
L-ewwel nett, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali injorat id-dritt ta’ impriża temporanjament eskluża minn kuntratt li tippreżenta rikors kontra l-arkivjar ta’ ilment għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni billi tissuġġetta l-interess ġuridiku ta’ din għall-benefiċċju immedjat li r-rikors għal annullament jista’ jagħtiha. Fil-fehma tal-appellant, l-annullament tal-arkivjar ta’ ilment fih innifsu qatt ma jista’ jkollu benefiċċju immedjat għar-rikorrent peress li kull ma jista’ jagħmel huwa li jwassal għall-eżami tal-ilment, mingħajr ebda garanzija ta’ riżultat.
It-tieni nett, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta kkunsidrat li l-interess ġuridiku tiegħu spiċċa peress li kien għadu vittma ta’ ostakoli antikompetittivi rrapurtati. Huwa jikkunsidra li, minkejja l-fatt li huwa temm il-karriera sportiva tiegħu, huwa għad għandu interess ġuridiku, jiġifieri l-interess li jikseb l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tarkivja l-ilment tiegħu mingħajr ma tittieħed ebda azzjoni kif ukoll il-konstatazzjoni mill-Kummissjoni tal-illegalità tal-ostakoli irrapurtati, li huma stadji preliminari indispensabbli għall-introduzzjoni ta’ talba għall-kumpens għad-danni kontra l-Aġenzija Dinjija Kontra d-Doping, l-ATP Tour Inc. u l-Kunsill Internazzjonali ta’ Arbitraġġ għall-Isport.
It-tielet nett, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-annullament tal-arkivjar tal-ilment tar-rikorrent ma jkollu l-ebda effett fuq id-dritt ta’ dan tal-aħħar li jitlob danni kontra l-impriżi li huwa rraporta, peress li l-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni ma tistax tipprekludi rikors quddiem il-qrati ċivili kompetenti. Madankollu, dan l-argument jirriżulta minn żball ta’ fatt sa fejn id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Arbitraġġ tal-Isports, tat-23 ta’ Mejju 2007, ikkunsidrat li l-ostakli rrapurtati ma kinux imorru kontra d-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni, raġuni li għaliha mingħajr deċiżjoni favorevoli tal-Kummissjoni, l-appellant ma setgħax iressaq talba għall-kumpens għad-danni.
Full & Egal Universal Law Academy