4.8.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 235/9
Appell ippreżentat fl-1 ta’ Ġunju 2012 mill-Kummissjoni Ewropea kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) tal-21 ta’ Marzu 2012 fil-Kawżi magħquda T-50/06 RENV, T-56/06 RENV, T-60/06 RENV, T-62/06 RENV u T-69/06 RENV, L-Irlanda et vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-272/12 P)
2012/C 235/16
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni Europea (rappreżentanti: V. Di Bucci, G. Conte, D. Grespan, N. Khan u K. Walkerová, aġenti)
Partijiet oħra fil-proċedura: Ir-Republikka Franċiża, L-Irlanda, Ir-Repubblika Taljana, Eurallumina SpA, Aughinish Alumina Ltd
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (ir-Raba’ Awla Estiża) tal-21 ta’ Marzu 2012, nnotifikata lill-Kummissjoni fit-23 ta’ Marzu 2012, fil-Kawżi magħquda T-50/06 RENV, T-56/06 RENV, T-60/06 RENV, T-62/06 RENV u T-69/06 RENV, L-Irlanda et vs Il-Kummissjoni,
—
tirrinvija l-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami ġdid,
—
tirriżerva l-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni ppreżentat appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra s-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012 fil-Kawżi magħquda T-50/06 RENV, T-56/06 RENV, T-60/06 RENV, T-62/06 RENV u T-69/06 RENV, L-Irlanda et vs Il-Kummissjoni, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/323/KE, tas-7 ta’ Diċembru 2005, dwar l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq żjut minerali użati bħala karburanti għall-produzzjoni tal-alumina fir-reġjun ta’ Gardanne, fir-reġjun ta’ Shannon u f’Sardinja, implementata rispettivament minn Franza, l-Irlanda u l-Italja. (1)
L-appellanti tinvoka ħames aggravji insostenn għall-appell tagħha, ibbażati fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali, fuq l-irregolaritajiet tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali li ppreġudikaw l-interessi tal-Kummissjoni u fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni.
L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi billi rrilevat ex officio, fil-ħames kawżi magħquda, motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 87(1) KE, minħabba n-nuqqas ta’ responsabbiltà lill-Istati Membri għal miżuri nazzjonali kkontestati. Fi kwalunkwe każ, fil-Kawżi T-56/06 RENV u T-60/06 RENV, hija rrilevat ex officio il-motivi bbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u/jew tal-preżunzjoni tal-legalità tal-atti tal-Unjoni biex tipproċedi għall-annullament tad-deċiżjoni fl-intier tagħha, filwaqt li dawn il-motivi kienu tqajmu biex jiġi kkontestat l-ordni għall-irkupru.
It-tieni nett, billi ddeċidiet b’mod partikolari li l-kunċett ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni għandu l-istess portata u tifsira fir-rigward tal-armonizzazzjoni tal-liġijiet fiskali nazzjonali u fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat, kuntrarjament għal dak li ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C-89/08 P, Ġabra p. I-11245) il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi u, b’mod partikolari, kisret l-Artikolu 61(2) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li permezz tiegħu, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u tirrinvija l-kawża quddiem din tal-aħħar biex tiddeċidieha, il-Qorti Ġenerali tkun marbuta bil-punti ta’ liġi deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja.
Meta wieħed jikkunsidra li l-eżenzjonijiet inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat għaliex kienu awtorizzati mill-Kunsill skont ir-regoli dwar l-armonizzazzjoni tat-taxxa, li għaldaqstant ma jistgħux jiġu attribwiti lill-Istati Membri kkonċernati, u għalhekk, ma humiex suġġetti għall-proċedura ta’ investigazzjoni tal-għajnuna stabbilita mit-Trattat, il-Qorti Ġenerali wettqet, it-tielet nett, żbalji ta’ liġi fid-determinazzjoni tal-poteri rispettivi tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, kif ukoll ir-relazzjonijiet bejn l-armonizzazzjoni fiskali u l-kontroll ta’ għajnuna mill-Istat, u kisret l-Artikoli 87 u 88 KE u l-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali.
Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali interpretat contra legem id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/224/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar ir-rati mnaqqsa tat-taxxa tas-sisa u l-eżenzjonijiet minn din it-taxxa fuq ċerti żjut minerali meta jintużaw għal skopijiet speċifiċi. (2) Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali fil-fatt ibbażat l-interpretazzjoni tagħha fuq ir-risposta tal-Kunsill għad-domanda mressqa mill-Qorti Ġenerali, bi ksur tar-regoli li jirregolaw l-interpretazzjoni ta’ atti tal-istituzzjonijiet, u interpretat ħażin l-imsemmija risposta tal-Kunsill.
Fl-aħħar nett, safejn hija bbażata ruħha fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-preżunzjoni ta’ legalità u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni jew hija effettwata mill-istess difetti minn dawk invokati fit-tieni, it-tielet u r-raba’ motivi.
(1) ĠU 2006, L 119, p. 12.
(2) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitoli 9 Vol. 1 p. 34.
Full & Egal Universal Law Academy