8.9.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 273/4
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Koblenz (il-Ġermanja) fis-7 ta’ Ġunju 2012 — Deutsche Lufthansa AG vs Flughafen Frankfurt-Hahn GmbH
(Kawża C-284/12)
2012/C 273/05
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Oberlandesgericht Koblenz
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Deutsche Lufthansa AG.
Konvenuta: Flughafen Frankfurt-Hahn GmbH
Domandi preliminari
(1)
Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, li ma hijiex ikkontesta, għandha bħala konsegwenza li qorti nazzjonali li quddiemha titressaq talba għall-irkupru ta’ ħlasijiet effettwati u għat-terminazzjoni ta’ kull ħlas hija marbuta bl-opinjoni espressa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-miżura kkontestata tistax tiġi kkwalifikata bħala għajnuna?
(2)
F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:
Meta impriża pubblika, kif mifhum fl-Artikolu 2(b)(i) tad-Direttiva 2006/111/KE (1), topera ajruport, il-miżuri adottati minn din l-impriża jistgħu jkunu kkwalifikati, taħt ir-regolamenti dwar l-għajnuna mill-Istat, bħala miżuri selettivi skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE sempliċement minħabba li dawn jibbenefikaw biss lil dawk l-impriżi tat-trasport bl-ajru li jużaw l-ajruport?
(3)
F’każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda
(a)
Il-kriterju tas-selettività għandu jiġi kkunsidrat bħala mhux sodisfatt meta l-impriża pubblika li topera ajruport tagħti, b’mod trasparenti, l-istess kundizzjonijiet lill-kumpanniji tal-ajru kollha li jagħżlu li jiddeċiedu li jużaw l-ajruport?
(b)
Dan huwa wkoll il-każ meta min jopera l-ajruport ikun għażel mudell kummerċjali speċifiku (f’dan il-każ: kooperazzjoni mal-kumpanniji tal-ajru low cost) u meta l-kundizzjonijiet għall-użu, adattati għal dawn il-klijenti, ma jiġbdux bl-istess mod lill-kumpanniji kollha tal-ajru?
(c)
Fi kwalunkwe każ, miżura għandha tiġi kkunsidrata bħala selettiva meta kumpannija tal-ajru tirrappreżenta t-traffiku prinċipali ta’ passiġġieri tal-ajruport għal numru ta’ snin?
(1) Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE, tas-16 ta’ Novembru 2006, dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi (ĠU 2008, L 348M, p. 906).
Full & Egal Universal Law Academy