6.10.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 303/11
Appell ippreżentat fis-7 ta’ Ġunju 2012 minn Ryanair Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fit-28 ta’ Marzu 2012 fil-Kawża T-123/09, Ryanair Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-287/12 P)
2012/C 303/21
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Ryanair Ltd (rappreżentanti: E. Vahida, I.-G. Metaxas-Maragkidis, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika Taljana, Alitalia — Compagnia Aerea Italiana SpA
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tat-28 ta’ Marzu 2012, innotifikata lill-appellanti fid-29 ta’ Marzu 2012, fil-Kawża T-123/09, Ryanair Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea:
—
tiddikjara skont l-Artikoli 263 u 264 TFUE li dik il-parti tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-12 ta’ Novembru 2008 fil-każ dwar l-Għajnuna mill-Istat C26/2008 (self ta’ EUR 300 miljun lill-Alitalia SpA) hija nulla sa fejn ma tordnax l-irkupru tal-għajnuna mis-suċċessur(i) tal-Alitalia u sa fejn tagħti lill-Italja iktar żmien sabiex timplementa din id-deċiżjoni;
—
tiddikjara skont l-Artikoli 263 u 264 TFUE li d-deċiżjoni tat-12 Novembru 2009 fil-każ dwar l-Għajnuna mill-Istat N510/2008 (bejgħ ta’ assi tal-Alitalia SpA) hija nulla fl-intier tagħha,
—
tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn Ryanair;
sussidjarjament,
—
tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali għal kunsiderazzjoni mill-ġdid; u
—
tirriżerva l-ispejjeż tal-proċeduri tal-ewwel istanza u tal-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti ssostni li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata abbażi tar-raġunijet li ġejjin:
Fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Novembru 2008 fil-każ dwar Għajnuna mill-Istat N510/2008 (bejgħ ta’ assi tal-Alitalia SpA):
(1)
Ksur tal-liġi u tal-proċedura dwar l-ammissibbiltà. Il-Qorti Ġenerali rrifjutat li tirrikonoxxi l-kontestazzjoni magħmula minn Ryanair fuq il-merti tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni u ddefinixxiet mill-ġdid is-suġġett tal-azzjoni ta’ Ryanair bħala azzjoni intiża esklużivament sabiex jiġu protetti d-drittijiet proċedurali tagħha:
(2)
Ksur tal-Artikoli 4 u 7 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 (1). L-obbligi u l-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ miżjuda mal-miżura, kif inizjalment innotifikata, kkostitwixxew modifiki u kundizzjonijiet tat-tip annessi ma’ deċiżjonijiet skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999. L-appellanti tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkategorizzat b’mod żbaljat l-obbligi u l-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ bħala impenji;
(3)
Ksur tal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 permezz tar-rifjut tal-Qorti Ġenerali li tissanzjona n-nuqqas tal-Kummissjoni li teżamina l-karatteristiċi rilevanti kollha tal-miżuri fil-kuntest tagħhom:
(4)
Ksur tal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kellhiex għalfejn teżamina għażliet oħra għajr il-bejgħ tal-assi tal-Alitalia kif innotifikat mill-Italja. Billi ma kkunsidratx jekk investitur privat kienx jagħżel soluzzjoni alternattiva, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi;
(5)
Nuqqasijiet oħrajn li jiġi applikat il-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq;
(6)
Nuqqas li tiġi identifikata l-parti li għandha tħallas lura l-għajnuna. L-appellanti tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta injorat il-kontinwità ekonomika bejn Alitalia u CAI.
Fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Novembru 2008 fil-każ dwar l-Għajnuna mill-Istat C26/2008 (self ta’ EUR 300 miljun lill-Alitalia SpA): nuqqas ta’ motivazzjoni insostenn tal-konstatazzjoni ta’ inammissibbiltà.
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE. ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339
Full & Egal Universal Law Academy