8.9.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 273/5
Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Ġunju 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Belġju
(Kawża C-296/12)
2012/C 273/07
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: R. Lyal u W. Roels, aġenti)
Konvenut: Ir-Renju tal-Belġju
Talbiet tar-rikorrenti
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tikkonstata li r-Renju tal-Belġju, billi approva u żamm fis-seħħ tnaqqis ta’ taxxa fuq tfaddil għall-pensjoni sa fejn dan japplika biss għal pagamenti lil istituzzjonijiet Belġjani u fondi Belġjani, naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari, l-Artikoli 56 u 63 tiegħu;
—
tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni tqis li n-nuqqas li jingħata tnaqqis ta’ taxxa għal pagamenti lill-istituzzjonijiet stabbiliti fi Stat Membru ieħor, filwaqt li jingħata tnaqqis ta’ taxxa għal pagamenti lill-istituzzjonijiet stabbiliti fil-Belġju, jikkostitwixxi ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kemm għall-benefiċjarji ta’ dawn is-servizzi kif ukoll għall-fornituri tas-servizzi li ma humiex stabbiliti fil-Belġju.
Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li n-nuqqas li jingħata tnaqqis ta’ taxxa għal depożiti f’kontijiet individwali jew kollettivi, jew il-pagamenti ta’ bonus għall-kuntratti ta’ assigurazzjoni għall-ħajja ma’ u lil istituzzjonijiet stabbiliti fi Stat Membru ieħor, meta tnaqqis ta’ taxxa jingħata għal tali depożiti ma’ u pagamenti lil istituzzjonijiet stabbiliti fil-Belġju, huwa ostakolu għall-moviment liberu tal-kapital fis-sens li d-depożitur Belġjan u l-persuna Belġjana li toħroġ il-polza huma skoraġġuti milli jagħmlu depożiti jew milli joħorġu polza tal-assigurazzjoni għall-ħajja ma’istituzzjoni li ma hijiex stabbilita fil-Belġju, minħabba li dawn id-depożiti u dawn il-kuntratti ta’ assigurazzjoni għall-ħajja ma jibbenefikawx mit-tnaqqis ta’ taxxa u għalhekk huma inqas favorevoli.
Skont il-Kummissjoni, dawn l-ostakoli ma huma ġġustifikati minn ebda raġuni.
Full & Egal Universal Law Academy