25.8.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 258/13
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Højesteret (id-Danimarka) fid-29 ta’ Ġunju 2012 — Metro Cash & Carry Danmark ApS vs Skatteministeriet
(Kawża C-315/12)
2012/C 258/20
Lingwa tal-kawża: id-Daniż
Qorti tar-rinviju
Højesteret
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Metro Cash & Carry Danmark ApS
Konvenuta: Skatteministeriet
Domandi preliminari
(1)
Id-Direttiva 92/12 (1) u r-Regolament Nru 3649/92 (2) għandhom jiġu interpretati fis-sens li negozjant fi Stat Membru li, f’ċirkustanza bħal dawk tal-kawża prinċipali, ibigħ oġġetti suġġetti għal dazju tas-sisa li ngħataw għall-konsum f’dan l-Istat Membru u li huma pprovduti fuq il-post ta’ negozju tal-venditur lix-xerrej li huwa residenti fi Stat Membru ieħor, mingħajr ma l-bejjiegħ jassisti fil-provvista jew fl-arranġament ta’ trasport, għandu jwettaq verifiki (i) sabiex jiddetermina jekk l-akkwist tal-oġġetti li huma s-suġġett ta’ dazju sarx għal fini tal-importazzjoni tagħhom f’dan it-tieni Stat Membru u (ii) sabiex jiddetermina jekk l-oġġetti humiex importati għal użu privat jew kummerċjali?
(2)
Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, in-negozjant għandu, fil-mument tal-bejgħ ta’ oġġetti suġġetti għal dazju tas-sisa f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, meta jwettaq il-verifiki msemmija iktar’il fuq, japplika regola ta’ preżunzjoni għal dak li jirrigwarda l-intenzjoni tax-xerrej fir-rigward tal-oġġetti akkwistati?
(3)
Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, id-Diretttiva 92/12 u r-Regolament Nru 3649/92 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-venditur, kif imsemmi fl-ewwel domanda, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, għandu jirrifjuta x-xewqa tax-xerrej li jakkwista oġġetti suġġetti għal dazju tas-sisa jekk ix-xerrej ma joffrix li jippreżenta Kopja 1 tad-dokument ta’ sostenn simplifikat imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 3649/92, fil-każ li l-intenzjoni ta’ akkwist tkun li l-oġġetti suġġetti għal dazju jintużaw għal skopijiet kummerċjali fil-pajjiż ta’ oriġini tax-xerrej? Għandha tingħata risposta wkoll fil-każ li jiġu applikati r-regoli ta’ preżunzjoni, imsemmija fit-tieni domanda.
(4)
Id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2008/118 (3) u t-tħassir tad-Direttiva 92/12 jagħtu lok għal bidla fis-sitwazzjoni legali għal dak li jirrigwarda l-implikazzjonijiet tad-Direttiva 92/12 fir-rigward tar-risposta għall-ewwel u għat-tielet domanda?
(5)
Il-frażi “prodotti akkwistati minn individwi privati għall-użu proprju tagħhom” fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/12 (ara l-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2008/118) għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri, jew tista’ tkopri, akkwisti ta’ oġġetti suġġetti għal dazju tas-sisa f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali? Fil-każ li r-risposta għal din id-domanda tkun fin-negattiv, l-akkwisti għandhom għaldaqstant jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/12 u/jew tal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2008/118?
(1) Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1 p. 179).
(2) Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3649/92, tas-17 ta’ Diċembru 1992, dwar dokument ta’ sostenn simplifikat għall-ispostament ta’ ġewwa l-Komunità ta’ prodotti soġġetti għat-taxxa tas-sisa li ġew mogħtija għall-konsum fl-Istat Membru ta’dispaċċ (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 216).
(3) Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU L 9, p. 12)
Full & Egal Universal Law Academy