29.9.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 295/20
Appell ippreżentat fis-16 ta’ Lulju 2012 mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) mogħtija fit-8 ta’ Mejju 2012 fil-Kawża T-416/10, Yoshida Metal Industry Co. Ltd vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-340/12 P)
2012/C 295/36
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellant: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (rappreżentant: A. Folliard-Monguiral, aġent)
Partijiet oħra fil-proċedura: Yoshida Metal Industry Co. Ltd u Pi-Design AG, Bodum France, Bodum Logistics A/S
Talbiet tal-appellant
L-appellant jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tilqa’ l-appell fl-intier tiegħu
—
tannulla s-sentenza appellata
—
tikkundanna lil Yoshida Metal Industry Co. Ltd għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
—
L-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu tagħha li tipprovdi motivazzjoni għas-sentenza appellata, sa fejn hija ma wiġbitx għall-argument tiegħu msemmi fil-punt 18 tas-sentenza appellata.
—
L-appellant isostni wkoll li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja. Hija kellha tikkonstata li sinjal bidimensjonali jista’ mhux biss japplika għal oġġett tridimensjonali, iżda jista’ jkun ukoll inkorporat fih. Għaldaqstant, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, għandhom jiġu kkunsidrati l-modi kollha possibbli kif, fid-data tal-preżentata, is-sinjal inkwistjoni jista’ jkun inkorporat f’oġġett tridimensjonali. Il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi billi ddeċidiet li l-Bord tal-Appell ibbaża l-eżami tiegħu esklużivament fuq il-prodotti effettivament ikkummerċjalizzati. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell indika b’mod ċar li l-konklużonijiet tiegħu huma bbażati essenzjalment fuq l-applikazzjonijiet għal privattivi ppreżentati minn Pi-Design. F’kull każ, ir-riferiment għal elementi oħra, inkluż għall-privattivi u għall-prodotti effettivament ikkummerċjalizzati, ma għandhomx ikunu pprojbiti meta dawn l-elementi jikkorroboraw il-konklużjoni li tgħid li l-karatteristiċi tas-sinjal ikkontestat, kif ippreżentat, jistgħu jilħqu riżultat tekniku ladarba s-sinjal huwa inkorporat f’oġġett tridimensjonali. Din tikkostitwixxi l-unika soluzzjoni xierqa sabiex jiġu osservati ċ-ċertezza legali u l-interess pubbliku li fuqhom huwa bbażat l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja.
Full & Egal Universal Law Academy