27.10.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 331/13
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Unabhängiger Verwaltungssenat des Landes Oberösterreich (l-Awstrija) fl-1 ta’ Awwissu 2012 — Prinz-Stremitzer u Sokoll-Seebacher
(Kawża C-367/12)
2012/C 331/20
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Unabhängiger Verwaltungssenat des Landes Oberösterreich
Partijiet fil-kawżi prinċipali
Rikorrenti: Corinna Prinz-Stremitzer, Susanne Sokoll-Seebacher
Partijiet oħra fil-proċedura: Tanja Lang, Susanna Zehetner
Domandi preliminari
(1)
Leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-punt 3 tal-Artikolu 10(2) tal-Liġi Awstrijaka dwar l-ispiżeriji, inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li ma tistabbilixxix fil-liġi stess, ħlief għall-aspetti fundamentali tagħhom, il-kundizzjonijiet essenzjali tal-kriterju ta’ ħtieġa għall-istabbiliment ta’ spiżerija ġdida, iżda tħalli f’idejn il-ġurisprudenza nazzjonali l-kompitu li tippreċiża l-aspetti prinċipali tal-kontenut ta’ dan il-kriterju, hija kuntrarja għall-prinċipju ta’ legalità stabbilit fl-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentli tal-Unjoni Ewropea u/jew għall-prinċipju ta’ trasparenza stabbilit fl-Artikolu 49 TFUE, sa fejn tali leġiżlazzjoni ma tippermettix li jiġi eskluż li wħud mill-kandidati nazzjonali kkonċernati, kif ukoll tali kandidati kollha fil-konfront taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, jibbenefikaw minn vantaġġ kompetittiv deċiżiv?
(2)
Fil-każ li din l-ewwel domanda tingħata risposta negattiva: Dispożizzjoni nazzjonali, bħall-punt 3 tal-Artikolu 10(2) tal-Liġi Awstrijaka dwar l-ispiżeriji, li tiffissa, fir-rigward tal-kriterju essenzjali għall-verifika tal-eżistenza ta’ ħtieġa, limitu riġidu ta’ 5 500 persuna, limitu li fir-rigward tiegħu l-liġi ma tipprevedi ebda possibbiltà ta’ deroga minn din ir-regola bażika, hija kuntrarja għall-Artikolu 49 TFUE sa fejn, de facto, dan ma jidhirx (neċessarjament) li jiżgura li jintlaħaq l-għan segwit fis-sens tas-sentenza Blanco Pérez u Chao Gómez (1) (punti 98 sa 101)?
(3)
Fil-każ li t-tieni domanda tingħata wkoll risposta negattiva: Dispożizzjoni nazzjonali, bħall-punt 3 tal-Artikolu 10(2) tal-Liġi Awstrijaka dwar l-ispiżeriji, li minnha jirriżultaw, b’konsegwenza tal-ġurisprudenza tal-qrati supremi nazzjonali fil-qasam tal-verifika tal-eżistenza ta’ ħtieġa, kriterji ddettaljati oħra — bħall-prijorità li tingħata lit-talba mressqa l-ewwel; l-effett ta’ inammissibbiltà prodott mill-proċedura pendenti fir-rigward tal-kandidati sussegwenti; it-terminu ta’ esklużjoni ta’ sentejn fil-każ li t-talba tiġi miċħuda; il-kriterji sabiex jiġi ddeterminat in-numru ta’ “abitanti permanenti” minn naħa u ta’ “viżitaturi” min-naħa l-oħra, kif ukoll sabiex il-klijentela potenzjali tiġi diviża fil-każ li żewġ spiżeriji jew iktar jaqgħu f’perimetru ta’ 4 kilometri; etc. —, hija kuntrarja għall-Artikolu 49 TFUE u/jew l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn din is-sitwazzjoni ma tippermettix, bħala regola ġenerali, applikazzjoni prevedibbli ta’ din id-dispożizzjoni fi żmien adegwat, b’tali mod (ara s-sentenza Blanco Pérez u Chao Gómez, iċċitata iktar ’il fuq, punti 98 sa 101, kif ukoll 114 sa 125) li jista’ jiġi kkonstatat li d-dispożizzjoni msemmija ma hijiex verament adegwata sabiex l-għan segwit jintlaħaq bil-koerenza neċessarja u/jew li, de facto, din id-dispożizzjoni ma tiżgurax servizz farmaċewtiku adegwat u/jew li hija ta’ natura li twassal għal diskriminazzjoni bejn il-kandidati nazzjonali kkonċernati jew bejn dawn tal-aħħar u dawk ta’ Stati Membri oħra?
(1) Sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2010 (C-570/07 u C-571/07, Ġabra p. I-4629)
Full & Egal Universal Law Academy