20.10.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 319/3
Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Awwissu 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-377/12)
2012/C 319/04
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Valero Jordana, S. Bartelt, F. Erlbacher, aġenti)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kunsill, tal-14 ta’ Mejju 2012, dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra (2012/272/UE) (1) sa fejn il-Kunsill żied il-bażijiet legali dwar it-trasport (Artikoli 91 u 100 TFUE), id-dħul mill-ġdid (Artikolu 79(3) TFUE) u l-ambjent (Artikolu 191(4) TFUE);
—
iżżomm l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata;
—
tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra tal-14 ta’ Mejju 2012 (2012/272/UE) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), sa fejn il-Kunsill żied il-bażijiet legali dwar it-trasport (Artikoli 91 u 100 TFUE), id-dħul mill-ġdid (Artikolu 79(3) TFUE) u l-ambjent (Artikolu 191(4) TFUE).
Dan ir-rikors huwa bbażat fuq motiv wieħed, jiġifieri l-ksur, min-naħa tal-Kunsill, tar-regoli tat-Trattati u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-għażla tal-bażi legali għall-adozzjoni ta’ miżura tal-Unjoni, inkluża deċiżjoni dwar l-iffirmar ta’ ftehim internazzjonali.
Il-Kummissjoni tqis li ż-żieda tal-bażijiet legali msemmija hawn fuq ma kinitx meħtieġa u kienet illegali. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar Sħubija u Kooperazzjoni li qanqlu ż-żieda ta’ dawn il-bażijiet legali mill-Kunsill jikkonċernaw il-kooperazzjoni fir-rigward ta’ suġġetti speċifiċi ta’ politika li jagħmlu parti integrali mill-politika tal-UE dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-iżvilupp u ma jimponux obbligi estensivi distinti minn dawk tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-iżvilupp. Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet kollha tal-Ftehim dwar Sħubija u Kooperazzjoni huma koperti bl-Artikolu 209 TFUE.
(1) ĠU L 134, p. 3.
Full & Egal Universal Law Academy