20.10.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 319/4
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per le Marche (l-Italja) fis-16 ta’ Awwissu 2012 — Comune di Ancona vs Regione Marche
(Kawża C-388/12)
2012/C 319/06
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Qorti tar-rinviju
Tribunale Amministrativo Regionale per le Marche
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Comune di Ancona
Konvenut: Regione Marche
Domandi preliminari
(1)
L-Artikolu 30(4) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex ikun jista’ jiġi evalwat jekk l-għoti tal-konċessjoni jirriżultax fi dħul finanzjarju sinjifikanti għall-konċedenti jew f’vantaġġ indebitu għall-konċessjonarju, wieħed għandu l-ewwel jivverifika jekk l-operazzjoni kinitx għaddiet minn modifika sostanzjali?
Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda,
(a)
l-imsemmi artikolu jagħmel referenza biss għal modifika fiżika — fis-sens li l-operazzjoni li ġiet mitmuma ma hijiex konformi ma’ dik prevista fil-proġett li ġie approvat għall-finanzjament — jew jagħmel referenza anki għall-modifika tan-natura funzjonali u, f’din it-tieni ċirkustanza, ikun hemm modifika sostanzjali fil-każ li l-operazzjoni tiġi użata “anki” — iżda mhux prinċipalment — għal attivitajiet differenti minn dawk maħsuba fis-sejħa għal proġetti jew fl-applikazzjoni sabiex wieħed jipparteċipa f’din is-sejħa?
Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda,
(b)
dan l-artikolu, b’referenza għall-każijiet fejn il-finanzjament pubbliku jintuża għall-eżekuzzjoni ta’ operazzjonijiet li jistgħu jkunu suġġetti għal amministrazzjoni li jkollha interess ekonomika, huwa applikabbli biss għall-fażi tat-twettiq tal-operazzjoni jew l-obbligu li jiġu osservati d-dispożizzjonijiet tal-proċedura tas-sejħa għal offerti jibqa’ japplika anki fir-rigward tal-għoti ta’ konċessjoni ta’ amministrazzjoni?
(2)
L-Artikolu 30(4) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-verifika tal-fatt li l-konċessjoni lil terzi tal-amministrazzjoni ma tirriżultax fi dħul nett kunsiderevoli u li lanqas ma tagħti vantaġġ indebitu lil impriża jew lil awtorità pubblika tikkostitwixxi fażi li loġikament u legalment għandha sseħħ wara d-domanda preliminari (jiġifieri l-obbligu li jiġu osservati l-proċeduri tas-sejħiet għal offerti) jew l-eżistenza tal-obbligu li tiġi stabbilita pubblikament proċedura ta’ sejħa għal offerti għandha tiġi vverifikata wkoll billi tiġi kkunsidrata l-iskema konkreta tar-relazzjoni ta’ konċessjoni?
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999, tal-21 ta’ Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali. (ĠU L 161, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy