27.10.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 331/14
Appell ippreżentat fit-28 ta’ Awwissu 2012 minn Transports Schiocchet — Excursions mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fit-18 ta’ Ġunju 2012 fil-Kawża T-203/11, Schiocchet vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni
(Kawża C-397/12 P)
2012/C 331/22
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Transports Schiocchet — Excursions (rappreżentant: E Deshoulières, avukat)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il.Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla fl-intier tiegħu d-digriet ta’ inammissibbiltà tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-18 ta’ Ġunju 2012 fil-Kawża T-203/11;
—
tilqa’ t-talbiet mressqa mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, jiġifieri:
—
tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Kummissjoni Ewropea in solidum għall-kumpens tad-danni subiti minn SARL Transport Schiocchet — Excursions, għad-danni subiti li jammontaw għal EUR 8 372 483;
—
tiddikjara u tiddeċiedi li l-ammonti hekk allokati għandhom jitħallsu bl-interessi bir-rata legali min-notifika tar-rikors preliminari għad-danni lill-Kummissjoni Ewropea;
—
tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti, abbażi tal-Artikolu 69 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tinvoka erba’ aggravji fil-konfront tad-Digriet tal-Qorti Ġenerali, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala manifestament infondata fid-dritt it-talba tagħha għall-kumpens tad-danni allegatament subiti.
L-ewwel nett, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ddeċidiet dwar il-gravità tal-iżball imwettaq mill-organi tal-Unjoni, filwaqt li s-sempliċi ksur ta’ dispożizzjoni superjuri minn istituzzjoni tal-Unjoni tkun biżżejjed biex tikkaratterizza l-iżball imwettaq minn istituzzjoni tal-Unjoni u li l-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibbiltà tar-rikors, tista’ biss tikkummenta fuq l-assenza apparenti ta’ żball u mhux fuq il-gravità tal-iżball.
It-tieni nett, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ma tatx risposta għall-argumenti kollha tagħha. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx il-konsegwenzi tal-fatt li r-Regolament Nru 684/92 (1) ma jistabbilixxi ebda sanzjoni kontra l-Istati Membri li jonqsu milli jikkonformaw mal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni li jistabbilixxi.
It-tielet nett, l-appellanti tikkontesta d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-dritt għal rimedju effettiv tar-rikorrenti ġie ssalvagwardjat fil-kuntest tas-sistema stabbilita bir-Regolament Nru 684/92.
Fl-aħħarnett, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma rrikonoxxietx fid-deċiżjoni tagħha r-responsabbiltà tal-Kummissjoni billi kkunsidrat in-nuqqas ta’ azzjoni żbaljat tagħha. Skont l-apellanti, il-Kummissjoni la kienet ifformulat ir-rapport ta’ monitoraġġ previst mir-Regolament Nru 684/92, u lanqas ħadet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-operaturi ekonomiċi bi ksur tal-Artikolu 94 TFUE.
(1) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 684/92, tas-16 ta’ Marzu 1992, dwar regoli komuni għat-trasport internazzjonali ta’ passiġġieri bil-coach u bix-xarabank (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 306).
Full & Egal Universal Law Academy