12.1.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 9/26
Appell ippreżentat fl-24 ta’ Awwissu 2012 mill-Parlament Ewropew mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fl-14 ta’ Ġunju 2012 fil-Kawża T-396/09 — Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-402/12 P)
2013/C 9/43
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Partijiet
Appellant: Il-Parlament Ewropew (rappreżentanti: L. Visaggio u G. Corstens)
Partijiet oħra fil-proċedura: Vereniging Milieudefensie, Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht, Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tal-appellant
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tal-14 ta’ Ġunju 2012 fil-Kawża T-396/09;
—
tiddeċiedi dwar il-mertu tal-kawża u tiċħad ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti fl-ewwel istanza;
—
tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż ta’ dan l-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
Fil-fehma tal-Parlament, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li setgħet tistħarreġ il-validità tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 (1) fid-dawl tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus (2), minkejja li din id-dispożizzjoni ma għandhiex effett dirett. Il-pożizzjoni meħuda mill-Qorti Ġenerali hija bbażata fuq interpretazzjoni fundamentalment żbaljata kemm tal-ġurisprudenza stabbilita fir-rigward tal-possibbiltà li għandhom individwi li jinvokaw dispożizzjonijiet ta’ konvenzjonijiet internazzjonali sabiex jikkontestaw il-validità ta’ att tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll tan-natura u tal-portata tal-obbligi internazzjonali inkwistjoni fil-kawża ineżami.
Effettivament, il-Qorti Ġenerali applikat il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi Fediol (3) u Nakajima (4) iżda ma kkunsidratx li din il-ġurisprudenza — li inċidentalment sa issa kienet baqgħet limitata għal numru żgħir ħafna ta’ kawżi — tista’ tiġi applikata biss f’każijiet eċċezzjonali u taħt kundizzjonijiet speċifiċi ħafna. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, ma eżaminatx jekk dawn il-kundizzjonijiet kinux attwalment issodisfatti fil-każ ineżami u, min-naħa l-oħra, ma ħaditx inkunsiderazzjoni n-natura eċċezzjonali tal-ġurisprudenza msemmija.
(1) Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13).
(2) Konvenzjoni ta’ Århus, tal-25 ta’ Ġunju 1998, dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, adottata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 17).
(3) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 1989, Fediol vs Il-Kummissjoni (70/87, Ġabra p. 1781).
(4) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima/Rat (C-69/89, Ġabra p. I-2069).
Full & Egal Universal Law Academy